Il-milja tal-imħabba fiż-żwieġ

Print Friendly, PDF & Email

Hemm skop importanti li jinkiseb permezz tal-patt taż-żwieġ; l-assistenza mutwa u l-milja ta’ l-imħabba taż-żewġ għarajjes.

Fiż-żwieġ ir-raġel u l-mara jagħtu għajnuna mutwa u servizz lil xulxin permezz tal-għaqda intima tal-persuni u ta’ l-azzjonijiet tagħhom. Ir-raġel u l-mara bid-doni differenti tagħhom kif ukoll bil-kapaċitajiet tagħhom ikomplu jgħinu lil xulxin f’dan il-patt bl-iktar mod perfett. Dan l-għan hu konfermat permezz tar-rakkont tal-ġnien tal-Eden li nsibu fil-Ġenesi, r-raġuni li Alla ta mara lir-raġel kien biex ikollu l-għajnuna u l-kumpanija. “Mhux sewwa lir-raġel ikun waħdu; nagħtih għajnuna li tkun tajba għalih”. Għalhekk Alla ħalaq il-mara. Meta ra Adam qal: “Fl-aħħar din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi.” U l-iskrittura tkompli tgħid “Għalhekk ir-raġel iħalli l-missieru u l-ommu u jingħaqad ma martu, u jsiru’ ġisem wieħed” Il-kliem “laħam minn laħmi u għadma minn għadmi” juri liż-żwieġ mhuwiex biss għaqda, iżda jibni esseru ġdid, esseru- flimkien, attwalita’ – li aħna, ma nistgħux nifhmu. Għalhekk l-espressjoni “ġisem wieħed” turi b’mod konkret u ħaj l-għajnuna mutwa tar-raġel u l-mara murija permezz taż-żwieġ.

L-idea taż-żwieġ bħala għaqda viċina ta’ mħabba li mhix maqsuma huwa muri wkoll mill-profeti meta jużaw ix-xebħ taż-żwieġ bħala mezz tar-relazzjonijiet bejn Yahweh u Israel. L-istess paragun aktar tard kien użat minn San Pawl meta jgħid “Intom, l-irġiel ħobbu n-nisa tagħkom kif Kristu ħabb il-knisja u ta ħajtu għaliha”. Iż-żwieġ juri fil-livell tiegħu xi ħaġa profonda li tagħti u tħobb. L-assistenza mutwa li r- raġel u l-mara jagħtu lil xulxin fl-għaqda taż-żwieġ għandha għalhekk tkun mifhumha mhux bhala ħbiberija fil-ferħ u s-sabiħ imma wkoll bħala solidarjeta waqt is-sofferenza u l-għejja. Il-paragun bejn iż-żwieġ uman u l-għaqda bejn Kristu u l-knisja huwa biss verifikat aktar meta l-familji tagħna juru dik l-imħabba li Kristu għallem u wera. Hija mħabba kbira u qawwija bhalma wieħed iħobb lilu nnifsu. Hija l-imħabba li fiha għandu postu, għalhekk hija mħabba li hija prova kontra d-diżappuntament, lejalta’ li hija prova kontra l-falliment. Hija l-imħabba u l-lejaltaà li żżomm ukoll meta umanament nitkellmu jidher li m’hemm l-ebda raġuni għaliha, bħalma kien is-salib ta’ Kristu, kien ħaga bla tama, imma li ġab is-salvazzjoni u l-ġid. Dan ifisser ż-żwieġ .

Ċertament il-verità li s-salib għandu post fiż-żwieġ nisrani ma’ jfissirx li hemm qisu xibka li ġġib in-nuqqas ta’ ferh u d-dizappuntament. L-insara għandhom jagħmlu l-isforzi tagħhom biex jibnu u jippreservaw il-ħajja hienja fil-familja. Iżda, jekk l-inkwiet u t-tiġrib jiġi fuq il-miżżewġin, xorta l –familja għandha tibqa’ skola ta’ mħabba u għajn li tagħti frott kotran għas-saltna t’Alla. Mela l-miżżewġin iridu jkunu ta’ għajnuna għal xulxin biex dawn jikbru iżjed fl- imħabba. 

Meta l-Papa San Ġwanni Pawlu ll kiteb l-enċiklika “Redemptor Hominis” huwa fost l-oħrajn qal “Il-bniedem ma’ jistgħax igħix mingħajr imħabba. Huwa jibqa’ għalih innifsu esseru li ma jinftehimx, ħajtu tkun-mingħajr sens, jekk ma tkunx mgħollija bl-imħabba, jekk ma tiltaqgħax ma l-imħabba, jekk ma’ jesperimentahiex u jagħmilha tiegħu, jekk ma jipparteċipax bil-ħajja kollha”. Dan juri li jeħtieġ li l- miżżewġin jagħtu lil xulxin dik l-assistenza mutwa billi jisimgħu u jiddjalogaw flimkien dwar il-problemi tagħhom. Il-miżżewġin ma jistgħux ikunu gżira għalihom. Dan qed jiġri wkoll fiż-żwieġ, waqt li aħna nafu li ż-żwieġ huwa għaqda ta’ żewġ persuni, mhux rari li ssib lir-raġel u l-mara jgħixu fuq żewġ gżejjer imbiegħda. Ir-raġel igħix fid-dinja tiegħu: ix-xogħol, in-negozju, il-każin jew il-ħbieb u l-mara tgħix fid-dinja tagħha: it-tfal, ix-xogħol tad-dar, il-ġenituri jew il-ħbieb. Dawn huma sinjali taż-żminijiet tagħna, l-assistenza mutwa qed tonqos. L-akbar għadu taż-żwieġ huwa s-skiet, għaliex joħolqu ħajt bejn ir-raġel u l-mara. Issib wħud li fl-għerusija tnejn kienu joħolqu ħajt bejn ir-raġel u l-mara. Issib wħud li fl-għerusija tnejn kienu jitkellmu dejjem, ipaċpċu u jidħku, iżda wara ftit snin miżżewġin saru donnhom eremiti, kważi minghajr kliem u sliem. Dan l-iżjed fil-kaz ta’ l-irġiel. Issib li huma jħobbu ħafna lil marthom iżda fl-istess ħin ma jkellmuhiex wisq. Il-mara ma tridx adorazzjoni siekta, iżda djalogu, djalogu l-ħin kollu u ħaj ma żewġha. Meta r-raġel jaqa’ fil-muta, ma jfissirx li bilfors ma jkunx għadu jħobb aktar. Jista’ jagħti l-kaz li jkun magħluq fil-karattru u huwa ta’ ftit kliem, inkella huwa għazzien biex jikkomunika jew aħjar isibha bi tqila. Hemm il-kaz komuni biżżejjed meta l-mara tant tgħid u tgħid, li r-raġel iħoss li huwa mbagħad ma fadallu xejn x’jgħid. Id-djalgu huwa meħtieġ biex il-miżżewġin jifhmu lil xulxin u jagħtu l-għajnuna reċiproka lil xulxin.  Xi drabi sahansitra huwa meħtieġ li wieħed jissogra u jgħid dak li jħoss waqt tilwima. Aħjar milli tħalli kollox midfun u moħbi. Il-miżżewġin għandhom ifittxu li jsiru jafu aktar lil xulxin u l-ħsieb ta’ xulxin billi jitkellmu flimkien. Dan kollu jfisser li r-raġel u l-mara għandhom ikunu lesti li jesprimu ruħhom ma’ xulxin fuq xi opinjonijiet biex hekk jaslu għal ftehim, hekk allura jaslu biex jagħtu dik l-assistenza mutwa lil xulxin u jaslu għal milja ta’ l-imħabba li mingħajrha ż-żwieġ ma jistax jeżisti.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm