75 anniversarju mill-ewwel ħarġa tar-Rivista “Il-Ħajja f’Għawdex”

Print Friendly, PDF & Email

Nhar l-Erbgħa 10 ta’ Ġunju 2020, fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mill-ewwel ħarġa tar-Rivista “Il-Ħajja f’Għawdex”, fid-Djoċesi ta’ Għawdex twaqqfet b’digriet tal-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, u b’att notarili pubbliku, il-“Fondazzjoni Il-Ħajja f’Għawdex”.

IMG_1532

Barra li tiggarantixxi l-futur tar-Rivista djoċesana, l-għanijiet ta’ din il-Fondazzjoni ġdida huma “li tħares u żżomm fi stat tajjeb il-patrimonju storiku, artistiku, letterarju u Kristjan tad-Djoċesi ta’ Għawdex u, sa fejn tista’, tagħti s-sapport tagħha biex tippromovi dak kollu li jagħti identità lid-Djoċesi kif ukoll lill-Gżira Għawdxija, u li taħdem id f’id mad-Djoċesi u l-entitajiet djoċesani, kif ukoll l-entitajiet Għawdxin u dawk li għandhom interessi komuni, biex iġġib ’il quddiem l-edukazzjoni, il-kuxjenza u l-għarfien u l-promozzjoni ta’ dan il-patrimonju”.

Id-Djoċesi ta’ Għawdex impenjat ruħha li tagħti s-sostenn finanzjarju meħtieġ biex il-Fondazzjoni tista’ tibda topera u twettaq l-għanijiet tagħha, li jinkludu mhux biss il-pubblikazzjoni tal-unika rivista ta’ kull xahar dwar Għawdex, imma wkoll ta’ kotba mid-Dar Pubblikatriċi Lumen Christi.

L-Isqof Grech ħatar lis-Sur Joe W. Psaila bħala l-ewwel President tal-Fondazzjoni.

Intant, fl-okkażjoni tal-75 anniversarju tar-Rivista, waqt Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fl-istess ġurnata fis-Santwarju Ta’ Pinu, l-Isqof Grech sejjaħ lil Il-Ħajja f’Għawdex “mikrofonu għall-Għawdxin” li jirreġistra l-ġrajjiet tal-poplu Għawdxi u jwassal “il-ħsus li hemm f’dawk kollha li jgħożżu lil din il-gżira f’dak li għandu x’jaqsam mat-twemmin, il-familja, l-edukazzjoni, ix-xogħol, il-kultura, l-ekonomija, l-isport u l-bqija”, dejjem minn lenti Nisranija.

“L-esperjenza tixhdilna li ħafna drabi, meta biex inwasslu l-leħen tagħna ppruvajna nixtru l-ispazju fuq mezzi oħra li ma humiex tagħna, minkejja li ttallabna, mhux dejjem ingħatajna dak l-ispazju fuq il-palk nazzjonali. Dan il-kuntest jirrendi aktar bżonnjuża Il-Ħajja f’Għawdex bħala mikrofonu għall-Għawdxin”, kompla jgħid.

“Anki jekk, f’paragun mal-għadd ta’ vuċijiet medjatiċi oħra li hawn f’pajjiżna, il-leħen ta’ din ir-rivista huwa tpespisa, xorta huwa leħen importanti u meħtieġ”, saħaq l-Isqof Grech, u kompla jsejħilha “l-leħen nativ tagħna l-Għawdxin u mogħni bil-kisra Għawdxija”.

L-Isqof temm il-messaġġ tiegħu billi sellem lill-edituri, il-kontributuri u l-abbonati “li b’diversi modi jżommu ħajja din ir-Rivista li nistħajjilha dik il-kewkba li tixgħel lit-Tliet Għoljiet”.

Wieħed mill-ewwel proġetti li se taħdem fuqhom il-Fondazzjoni hu l-ħolqien ta’ pjattaforma diġitali għar-Rivista, fejn ’il fuq minn elf ħarġa ta’ din l-“enċikopledija ta’ Għawdex” mistennija jkunu disponibbli onlajn.

Leave a Reply