L-Isqof Mario Grech f’Quddiesa tal-75 anniversarju tar-Rivista Djoċesana “Il-Ħajja f’Għawdex”


L-Erbgħa 10 ta’ Ġunju 2020: Messaġġ tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fl-okkażjoni tal-75 anniversarju tar-Rivista Djoċesana “Il-Ħajja f’Għawdex”, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex …

MIKROFONU TAL-GĦAWDXIN

Fost it-teżori sbieħ li jagħnu lil Għawdex tagħna hemm ir-Rivista Il-Ħajja f’Għawdex li twieldet bħal-lum 75 sena ilu. Meta xahar wara xahar naqbad f’idejja din ir-rivista, nintebaħ kemm verament iż-żmien isajjar il-bajtar. Għax mal-medda tas-snin din il-pubblikazzjoni rajnieha tikber u tisbieħ – mhux biss fil-libsa u d-daqs tagħha (għax minn “gazzetta” saret “rivista” bil-kulur) – imma wkoll fil-ħsieb u fil-viżjoni li komplew jimmaturaw matul is-snin. Għaddew 75 sena u l-vuċi tagħha ma battietx; għall-kuntrarju, għandha vuċi li ssudat u baqgħet friska, ċara u qawwija. Hija l-unika vuċi mitbugħa tal-Għawdxin.

Anki jekk, f’paragun mal-għadd ta’ vuċijiet medjatiċi oħra li hawn f’pajjiżna, il-leħen ta’ din ir-rivista huwa tpespisa, xorta huwa leħen importanti u meħtieġ. L-ewwel nett għax huwa l-leħen nativ tagħna l-Għawdxin u mogħni bil-kisra Għawdxija. Mhux leħen misluf jew mixtri, imma l-leħen dirett tagħna. L-esperjenza tixhdilna li ħafna drabi, meta biex inwasslu l-leħen tagħna ppruvajna nixtru l-ispazju fuq mezzi oħra li ma humiex tagħna, minkejja li ttallabna, mhux dejjem ingħatajna dak l-ispazju fuq il-palk nazzjonali. Dan il-kuntest jirrendi aktar bżonnjuża Il-Ħajja f’Għawdex bħala mikrofonu għall-Għawdxin.

Hija mikrofonu biex jirreġistra ġrajjietna. Fil-fatt, din ir-rivista tiġbor damma unika u mżewqa tal-ħajja ta’ dan ir-reġjun. Imma nsejħilha mikrofonu wkoll għax twassal il-ħsus li hemm f’dawk kollha li jgħożżu lil din il-gżira f’dak li għandu x’jaqsam mat-twemmin, il-familja, l-edukazzjoni, ix-xogħol, il-kultura, l-ekonomija, l-isport u l-bqija. Daqskemm huwa importanti li tiġi miktuba l-istorja, daqstant ieħor huwa meħtieġ li r-rivista trewwaħ dawk l-intuwizzjonijiet u ħolm dwar il-ġejjieni ta’ Għawdex tagħna fil-kuntest nazzjonali.

Imma dan kollu r-rivista tippreżentah minn lenti Nisranija. 75 sena ilu din ir-rivista tnisslet bħala għodda djoċesana. Hekk kien il-ħsieb tal-Isqof Ġużeppi Pace u tal-ewwel Editur tagħha Patri Akkursju Xerri OFM. Hekk xtaqha tkun il-predeċessur tiegħi l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi u hekk nixtieqha tibqa’. Jien konvint li meta d-Djoċesi terfa’ l-piż finanzjarju ta’ din ir-Rivista, hija qed taqdi dmirha lejn il-Vanġelu u Għawdex. Fuq kollox meta ngħinu lill-poplu Għawdxi jaqra u jfassal ġrajjietu mil-lenti Kristjana, aħna nkunu qegħdin inħarsu l-identità ta’ gżiritna li għandha għeruq fil-patrimonju uman li joffrilna Ġesù Kristu. Nemmen li din ir-rivista taf tissokta tkun għodda tajba biex il-Bxara t-tajba tkompli tintagħġen u tagħġen il-kultura tagħna l-Għawdxin b’dawk il-valuri sodi li maż-żmien bnew il-karattru Għawdxi.

Biex niżgura l-ġejjieni ta’ din ir-Rivista, illum qed inwaqqaf uffiċjalment il-Fondazzjoni “Il-Ħajja f’Għawdex” li bħala għan prinċipali għandha “li tħares u żżomm fi stat tajjeb il-patrimonju storiku, artistiku, letterarju u Kristjan tad-Djoċesi ta’ Għawdex u, sa fejn tista’, tagħti s-sapport tagħha biex tippromovi dak kollu li jagħti identità lid-Djoċesi kif ukoll lill-Gżira Għawdxija, u li taħdem id f’id mad-Djoċesi u l-entitajiet djoċesani, kif ukoll l-entitajiet Għawdxin u dawk li għandhom interessi komuni, biex iġġib ’il quddiem l-edukazzjoni, il-kuxjenza, l-għarfien u l-promozzjoni ta’ dan il-patrimonju”.

Nagħlaq billi nsellem lil dawk kollha li matul dawn il-75 sena taw is-sehem tagħhom favur din Il-Ħajja f’Għawdex, fosthom lit-tmien edituri, partikularment lil dak attwali Francesco Pio Attard, lill-kontributuri u lill-abbonati li b’diversi modi jżommu ħajja din ir-Rivista li nistħajjilha dik il-kewkba li tixgħel lit-Tliet Għoljiet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.