85. Il-Kariżmi Lajċi jibnu l-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 09/03/1994.

1. Fil-katekeżi preċedenti enfasizzajna s-sies sagramentali tal-ministeri u tal-funzjonijiet tal-lajċi fil-Knisja: il-Magħmudija, il-Griżma tal-Isqof u, għal ħafna, is-sagrament taż-Żwieġ.

Dan huwa punt essenzjali tat-tejoloġija tal-lajkat, marbut mal-istruttura sagramentali tal-Knisja. Imma issa rridu nżidu li l-Ispirtu Santu, donatur ta’ kull don u l-ewwel prinċipju tal-vitalità tal-Knisja, ma joperax biss permezz tas-sagramenti. Hu li, skont San Pawl, iqassam lil kull wieħed id-doni propri kif irid (cf. 1 Kor 12, 1), jgħaddas fil-poplu ta’ All għana kbira ta’ grazzji kemm għat-talb u għall-kontemplazzjoni, kif ukoll għall-azzjoni. Dawn huma l-kariżmi: il-lajċi wkoll huma benfiċjarji, b’mod speċjali fir-rigward tal-missjoni ekkleżjali u soċjali. Dan wettqu l-Konċilju Vatikan II, billi ingħaqad ma’ San Pawl: l-Ispirtu Santu – huwa jikteb – jiddisponi wkoll fost il-fidili ta’ kull ordni grazzji speċjali, li bihom jirrendihom addattati u lesti biex jassumu diversi opri u uffiċċji, utli għat-tiġdid u għall-espansjoni ikbar tal-Knisja, skont dak il-kliem (ta’ San Pawl): “Lil kull wieħed il-manifestazzjoni tal-Ispirtu tingħata skont il-ħtieġa” (1 Cor 12, 7)” (Lumen gentium, 12).

2. San Pawl kien enfasizza l-multepliċità u l-varjetà tal-kariżmi fil-Knisja primittiva: xi straordinarji, bħad-don tal-fejqan, id-don tal-profezija jew id-don tal-lingwi; oħrajn iktar sempliċi, mogħtija għat-twettiq ordinarju tad-dmirijiet imqassma fil-komunità (cf. 1 Kor 12, 7-10).

Wara t-test ta’ Pawlu, il-kariżmi kienu spiss miżmuma bħala doni straordinarji, speċjalment karatteristiċi tal-bidu tal-ħajja tal-Knisja. Il-Konċilju Vatikan II fehem li kellu jqiegħed fid-dawl il-kariżmi fil-kwalità tagħhom ta’ doni li jappartienu lill-ħajja ordinarja tal-Knisja u li m’għandhomx b’mod neċessarju karattru straordinarju u tal-għaġeb. Ukoll l-Eżortazzjoni apostolika Christifideles laici titkellem dwar il-kariżmi bħala doni li jistgħu jkunu “straordinarji jew sempliċi u umli” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laicin. 24). Barra minn dan  hemm bżonn inżommu preżenti li bosta kariżmi m’għandhomx bħala skop primarju jew ewlieni l-qdusija personali ta’ dak li jirċevihom, imma s-servizz tal-oħrajn u l-ġid tal-Knisja. Mhemmx dubju li dawn għandhom tendenza u jservu wkoll għall-iżvilupp tal-qdusija personali, imma fi prospettiva essenzjalment altruwistika u komunitarja, li fil-Knisja tinvolvi ruħha f’dimensjoni organika, fis-sens li tirrigwarda t-tkabbir tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu.

3. Bħal ma qalilna San Pawl u rripetilna l-Konċilju, tali kariżmi huma frott tal-għażla ħielsa u donazzjoni tal-Ispirtu Santu li minnha jipparteċipaw il-propjetà tad-Don ewlieni u sostanzjali fil-qasam tal-ħajja trinitarja. Alla Wieħed u Tlieta juri b’mod speċjali fid-doni l-qawwa sovrana tiegħu, mhux sottomessa għal xi regola antiċedenti, linqas għal xi dixxiplina partikolari, linqas għal xi skema ta’ interventi stabbilita darba għal dejjem: skont San Pawl, huwa jqassam lil kull wieħed id-doni tiegħu “kif irid” (1 Kor 12, 11). Din hija rieda eterna ta’ mħabba, li l-libertà u l-gratwità tagħha tidher fl-azzjoni mwettqa mill-Ispirtu Santu-Don fl-ekonomija tal-fidwa. Għal din il-libertà u gratwità sovrana, il-kariżmi huma mogħtija wkoll lil-lajċi, bħal ma tipprova l-istorja tal-Knisja (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 24).

Ma nistgħux ma nammirawx l-għana kbir ta’ doni mogħtija mill-Ispirtu Santu lil-lajċi bħala membri tal-Knisja, ukoll fi żminijietna. Kull wieħed minnhom għandu l-ħila meħtieġa biex jassumi l-funzjonijiet li għalihom huwa msejjaħ għall-ġid tal-poplu nisrani u għall-fidwa tad-dinja, jekk inhu miftuħ, ħelu u fidil għall-azzjoni tal-Ispirtu Santu.

4. Imma jeħtieġ noqogħdu attenti wkoll għal punt ieħor tad-dutrina ta’ San Pawl u tal-Knisja, li jgħodd kemm għal kull tip ta’ ministeru kif ukoll għall-kariżmi: id-diversità u l-varjetà tagħhom ma tistax tkun ta’ ħsara tal-unità. “Hemm diversità ta’ kariżmi, imma wieħed biss huwa l-Ispirtu; hemm diversità ta’ ministeri, imma wieħed biss huwa l-Mulej” (1 Kor 12, 4-5). Pawlu kien jitlob ir-rispett ta’ dawk id-diversitajiet, għaliex mhux kulħadd jistà jippretendi li jiżvolġi l-istess funzjoni, kontra l-pjan ta’ Alla u d-don tal-Ispirtu, u wkoll kontra l-liġijiet l-iktar elementari ta’ kull struttura soċjali. Imma l-Appostlu kien jenfasizza b’mod ugwali l-bżonn tal-unità, li kienet twieġeb hija wkoll għal esiġenza ta’ ordni soċjoloġiku, imma ferm iktar kellha tkun, fil-komunità nisranija, rifless tal-unità divina. Spirtu wieħed biss, Mulej wieħed biss. U, allura, Knisja waħda biss!

5. Fil-bidu tal-era nisranija, ġew imwettqa ħwejjeġ straordinarji taħt l-influss tal-kariżmi, kemm dawk straordinarji, kif ukoll dawk li wieħed jistà jsejjaħ kariżmi żgħar, umli ta’ kuljum. Hekk kien dejjem fil-Knisja, u hekk huwa wkoll fl-epoka tagħna, ġeneralment b’mod moħbi, imma kultant, meta Alla jridu għall-ġid tal-Knisja tiegħu, ukoll b’mod apparixxenti. U kif fl-imgħoddi, hekk ukoll f’jiemna hemm lajċi numerużi li kkontribwew bil-kbir għall-iżvilupp spiritwali u pastorali tal-Knisja. Nistgħu ngħidu li wkoll illum jiżegħdu l-lajċi li, grazzi għall-kariżmi, joperaw ta’ xhieda tajbin u ġenwini tal-fidi u tal-karità.

Huwa ta’ min jittama li lkoll nagħtu kont ta’ dan il-valur traxxendenti ta’ ħajja eterna diġa nkluż f’xogħolhom, jekk isir fil-fedeltà lejn il-vokazzjoni tagħhom bi ħlewwa lejn l-Ispirtu Santu li jgħix u jaġixxi fi qlubhom. Dan il-ħsieb ma jistax ma jservix ta’ stimolu, sosten, konfort b’mod speċjali lil dawk li, minħabba fedeltà lejn vokazzjoni qaddisa, jimpenjaw ruħhom fis-servizz lejn il-ġid komuni, għall-istabiliment tal-ġustizzja, it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-foqra u ta’ dawk fil-bżonn, il-kura tal-handikappati, l-ilqugħ tar-rifuġjati, ir-rejalizzazzjoni tal-paċi fid-dinja kollha.

6.Fil-ħajja komunitarja u fil-prattika pastorali tal-Knisja jimponi ruħu l-għarfien tal-kariżmi, imma wkoll id-dixxerniment tagħhom, bħal ma fakkru s-Santi Padri tas-Sinodu tal-1987  (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 24). Bla dubju l-Ispirtu Santu “jonfoħ fejn irid”, u qatt ma jistà dak li jkun jippretendi li jimponilu regolamenti u kondizzjonijiet. Imma l-komunità nisranija għandha dritt li tkun mgħarrfa mir-Rgħajja dwar l-awtentiċità tal-kariżmi u dwar l-affidabiltà ta’ dawk li jippreżentaw ruħhom bħala portaturi tagħhom. Il-Konċilju fakkar il-bżonn tal-prudenza f’dan il-qasam, b’mod speċjali meta dan ikollu x’jaqsam ma’ kariżmi straordinarji (cf. Lumen gentium, 12).

L-Eżortazzjoni apostolika “Christifideles Laici” enfasizzat ukoll li “ebda kariżma mhi mgħoddija mir-riferiment u mis-sottomissjoni għar-Rgħajja tal-Knisja” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 24). Dawn huma normi ta’ prudenza li dak li jkun jifhimhom faċilment, u jgħoddu għal kulħadd, kemm kjeriċi kif ukoll lajċi.

7. Wara li għidna dak, nieħdu gost intennu, flimkien mal-Konċilju u mal-Eżortazzjoni kkwotata, li “l-kariżmi jiġu milqugħa bi gratitudni, min-naħa ta’ min jirċevihom, imma wkoll min-naħa tal-Knisja kollha” (Ivi). Minn tali kariżmi joħroġ “id-dritt li dak li jkun jeżerċitahom għall-ġid tal-bnedmin u għall-bini tal-Knisja” (Apostolicam actuositatem, 3). Dan huwa dritt li jissejjes fuq id-donazzjoni tal-Ispirtu u fuq il-validità tal-Knisja. Dan huwa dmir motivat mill-fatt stess tad-don riċevut, li joħloq responsabiltà u jesiġi mpenn.

L-istorja tal-Knisja tixhed li, meta l-kariżmi jkunu reali, illum jew għada jiġu magħrufa u jistgħu jeżerċitaw il-funzjoni kostruttiva u unifikanti tagħhom. Funzjoni, nerġgħu nfakkru għal darb’oħra, li l-parti l-kbira tal-membri tal-Knisja, Kjeriċi u lajċi, bis-saħħa tal-kariżmi siekta, jiżvolġu b’mod effikaċi kuljum għall-ġid tagħna lkoll.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb