Illum il-Knisja tfakkar lil Sant’Antnin ta’ Padova

Print Friendly, PDF & Email

Fit-13 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lil Sant’Antnin ta’ Padova, Saċerdot u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 1191 sa 1231.

Padova hi l-isem tal-belt fl-Italja fejn Sant’Antnin għex l-aħħar snin ta’ ħajtu. Twieled Lisbona, il-Portugall, fl-1191, minn familja nobbli, u fil-magħmudija semmewh Ferdinandu.

Beda l-iskola fil-Katidral ta’ Lisbona. Ta’ ħmistax-il sena daħal mal-Kanoniċi Regolari ta’ Santu Wistin, iżda billi kien qed ikollu ħafna żjajjar minn qrabatu u ħbiebu talab biex ibiddel il-monasteru, u ġie mibgħut f’Koimbra. Hawnhekk studja sew l-Iskrittura u s-Santi Padri, u ħa wkoll il-Quddiesa.

Fis-16 ta’ Jannar,1220 ġew maqtula fil-Marokk l-ewwel ħames martri Franġiskani, u f’dik is-sena stess ġabu l-iġsma tagħhom f’Koimbra. Meta Ferdinandu ra l-proċessjoni għaddejja tqanqal ħafna biex jidħol mal-Franġiskani ħalli jkun jista’ jmur il-Missjoni u jmut martri.

Fl-1221, daħal mal-Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Anton. Fil-ħarifa tal-istess sena telaq lejn il-Marokk. Hemmhekk marad, u wara ftit xhur kellu jirritorna lejn pajjiżu, iżda billi l-vapur li kien fuqu ltaqa’ ma’ tempesta, flok il-Portugall sab ruħu Sqallija ġo Messina.

Minn Messina mar Assisi fejn kellu jiltaqa’ l-Kapitlu Ġenerali, hawn ra u sema’ lil San Franġisk. Minn hemm mar Montepaulo mal-Provinċjal fejn għex ħajja ta’ ġabra. Darba minnhom ġie mitlub biex jagħmel kelmtejn fil-Katidral ta’ Forli, u tant ipprietka tajjeb li wara, il-Provinċjal talbu biex jagħti ruħu għall-prietki.

Hekk għamel, filwaqt li baqa’ jistudja u ħa d-Dottorat fit-Teoloġija. San Franġisk sema’ b’għerfu u ħatru biex jgħallem it-teoloġija lill-Patrijiet sħabu.

Għamel ħafna ġiri jipprietka fl-Italja, fi Spanja, u fi Franza. Fl-1224 kien Gwardjan, u fl-1226 ġie maħtur Ministru Provinċjal. Fl-1228 mar Ruma fuq xogħol tal-Ordni. Hemm ipprietka quddiem il-Papa Girgor IX, li sejjaħlu “Arka tat-testment u moħba tal-Iskrittura.”

Fl-1230, fuq talba tiegħu biex ikompli jipprietka, ġie meħlus mill-uffiċċju ta’ Ministru, u mar fil-Kunvent ta’ Padova li kien bena hu nnifsu. Hawn ħadem bla heda speċjalment għall-fqar, li sal-lum għadna nisimgħu bil-“ħobż ta’ San Antnin.”

Fil-prietki tar-Randan ta’ dik is-sena l-folla ta’ nies li marret tisimgħu laħqet it-30,000.

Miet meta kellu 40 sena mifni mill-predikazzjoni, fit-13 ta’ Ġunju, 1231. Ħdax-il xahar wara, il-Papa Girgor IX iddikjarah Qaddis. Fl-1946 il-Papa Piju XII ipproklamah Duttur tal-Knisja. Sant’Antnin hu meqjum ħafna fil-Bażilka li bnewlu l-Franġiskani Konventwali f’Padova, fejn hemm il-fdal tiegħu.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: