L-Ispirtu s-Santu jmexxieha waqt il-Covid-19

Print Friendly, PDF & Email

Għadna kemm iċċelebrajna l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja, f’Pentekoste. Din is-Solennità ġagħlitni aktar napprezza l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu f’ħajjitna! Tgħid, l-Ispirtu s-Santu, kif ħadem matul il-Covid-19? Hawn hi x-xhieda ta’ Rebecca Maslow, infermiera fil-kura intensiva, f’Hennepin County Medical Center f’Minneapolis, fl-Istati Uniti.

Il-jum tax-xogħol ta’ Rebecca jibda’ bil-mument tat-talb. F’talbha Rebecca titlob lill-Ispirtu s-Santu biex jgħinnha taqdi b’imħabba u kura lill-pazjenti li tkun se tara matul dak il-jum ta’ ħidma. Kull darba li tidħol f’kamra Rebecca taf li dak jaf ikun l-aħħar jum ta’ dik il-persuna. Għalhekk għandha tkun lesta li tgħinhom ħalli jmutu fil-paċi. Dan l-għaliex, minsuġ fid-deskrizzjoni ta’ xogħolha, fix-xhur reċenti, Rebecca ġiet mitluba tieħu ħsieb lil dawk li huma morda serjament u kif ukoll lill-pazjenti li qiegħdin imutu. Fosthom dawk li qed ibatu mill-Covid-19.

Minn mindu kienet assenjata primarjament għall-kura intensiva, minn Marzu, Rebecca qed tara quddiem wiċċha l-agħar tal-pandemija tal-coronavirus, jum wara jum. Xogħol Rebecca jħallieha bla saħħa, kemm fiżikament u anki emozzjonalment. Madankollu, ma tistax, imqar għall-mument wieħed biss, tieqaf tilbes l-ilbies protettiv li hu bil-wisq meħtieġ biex iħarisha milli tieħu l-virus hi stess. Fl-istess ħin, Rebecca tħoss ukoll li meta tevita l-virus hu bħal meta titlef il-battalja. Maslow tgħid: Naf li fil-futur qarib nista’ indabbru. Ħafna minna (il-ħaddiema tal-isptar), irrassenjati li se nieħduh f’xi waqt jew ieħor, minħabba li aħna esposti għalih ħafna drabi. Anki jekk qed nieħdu dawn il-prekawzjonijiet.

Iżda, din m’hijiex l-aktar parti li tkun infermier u infermiera li qiegħdha, il-ħin kollu, espost u esposta għall-virus. L-aktar mument ta’ tbatija għaliha jkun meta taħseb dwar il-kura li ma tistax tagħti lill-persuna li tkun qiegħdha f’qiegħ ta’ sodda u li ma tkunx tista’ tqum minnha. U, ħafna aktar importanti minn hekk, meta dik il-persuna ma tkunx tista’ tara lil dawk li jkunu jridu jmorru jżuruha.

Tistqarr Rebecca: L-uniku nies li qiegħdin jidħlu fil-kmamar tagħhom huma l-ħaddiema tas-saħħa li huma mgħottija minn rashom sa saqajhom bl-ilbies protettiv. Imbagħad tiftakar f’esperjenza li kellha li tqabbżilha demgħa. Hemm pazjent li kont qed nieħu ħsieb … Kien imbeżża’. Ippruvajt infarrġu. Imma, u dan ħasadni – bilkemm seta’ jara lil wiċċi. Tbissimtlu u ma setax jara t-tbissima tiegħi l-għaliex għandi din il-maskra fuq ħalqi, u għajnejja huma mgħottija bl-ilbies protettiv. Għandi wkoll kappell tal-kirurġija fuq rasi. Nilbes il-libsa tal-iżolament u l-ingwanti.

Rebecca titħaddet fuq sfida kbira li tara f’xogħolha bħalissa. It-touch fiżika hija tant importanti. Veru? Aktar u aktar meta persuna tħossha iżolata u waħedha. U, li ma tkunx tista’ tistabilixxi dik il-konnessjoni mal-persuna l-oħra hi sfida tant kbira. B’xorti tajba, Maslow seħħilha twettaq modi oħra effettivi biex tkun viċin il-pazjenti tal-Covid li qed tieħu ħsieb. Tirrakkonta li seħħilha iżżomm l-iPad għall-pazjent bil-għan li seta’ ikollu l-aħħar telefonata Zoom mal-familja waqt li kien qed imut. Il-pazjent ma kienx qed jirrispondi. Almenu l-membri tal-familja setgħu jarawh anki jekk ma kinitx l-istess daqslikieku kienu hemm, preżenti ħdejh.

Nista’ niftakar, b’mod ħaj, l-agunija li ma tistax tkun preżenti hemmhekk waqt li membru tal-familja tiegħek qiegħed jieħu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu, tgħid Maslow. U, din l-esperjenza, qasmet lil qalbi waqt li kont fil-kamra. Kont qed nisma’ dak kollu li l-membri tal-familja kienu qiegħdin jgħidu bejniethom. Il-bint kienet qed tkellem lil missierha (il-pazjent). Kienet qed taħfirlu għall-weġgħat kollha li kien għamlilha tul ħajjitha. Kienet qed tgħidlu, il-ħin kollu, kemm kienet qed tittama li jista’ imur għand il-Mulej. Kienet qed tgħidlu biex ikun jaf li hi kienet ħafritlu u li tħobbu. Qaltlu li kienet qed titlob għalih biex jilqa’ il-ħniena u l-imħabba tal-Mulej.

Fis-silenzju, mingħajr mal-familja ntebħet, għax ma setgħux jarawha fuq l-iscreen, Maslow ġarret din l-esperjenza u talbet. Ħassejt din ir-rejaltà li aħna ilkoll maqgħuda mal-ġisem ta’ Kristu. U, b’xi mod, anki b’mod ċkejken, forsi l-Mulej kien qed iwieġeb xi ftit it-talba tagħha, billi jieħu ħsieb missierha permezz tiegħi f’dak il-ħin, fejn hi ma setgħetx tkun. Naħseb li f’dawn il-mumenti, aktar u aktar meta tkun daqshekk diffiċli li tkun taf x’għandek tgħid u hemm urġenza f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ qsim il-qalb, jien sibt, aktar u aktar lili nnifsi, nitlob: ‘Ejja, Spirtu s-Santu’.

Dawn it-tlett kelmiet ħarġu minn fommha ħafna drabi – qabel ix-xifts ta’ tnax-il siegħa, matul is-sigħat twal mal-pazjenti u ħafna wara li x-xogħol tagħha għall-jum kien mitmum. Permezz tagħhom Rebecca setgħet issib il-qawwa biex tibqa’ sejra u anki biex tqawwi l-qalb tal-ħaddiema sħabha.

Wieħed mill-aktar movimenti qawwija tal-Ispirtu s-Santu li Rebecca ġarrbet f’ħidmietha kien meta kienet qed tieħu ħsieb raġel li kien qed imut minn problemi fin-nifs. Meta kienet fil-kamra miegħu, il-jum li miet, kmieni f’April li għadda, tabib li kien qed jinvistah, tarraf lil Maslow li dan ir-raġel kien Nisrani. Dan il-fatt nebbaħ lil Maslow biex tagħmel xi ħaġa waqt li kienet sejra ħdejn is-sodda tiegħu. Bħall-pazjenti l-oħra, dan ir-raġel kien qed imut waħdu. Għalhekk, Maslow, riedet toffrilu l-faraġ li kellu bżonn. Kienet miegħu tul il-għodwa u anki kienet talbet fis-skiet fuqu. Issa, waqt li kienet taf li kien Nisrani, offrietlu xi ħaġa oħra. Ħasset li kella dan id-dawl aħdar li tkun aktar kuraġġuża miegħu.

Qalet: Qgħadt bilqiegħda ħdejh u żammejtlu idu. U, tbaxxejt biswit widintu biex hekk seta’ jismagħni. U, għedtlu, li smajt li kien Nisrani. U li jien ukoll kont Nisranija. U li kont se nitlob fuqu. Għalhekk, għamiltlu s-salib fuq ġbinu. Wara dan, stajt noqgħod ħdejn is-sodda tiegħu filwaqt li żammejtlu idu. Ma kellix x’nagħmel f’dak il-jum. Din kienet xi ħaġa tabilħaqq stramba. Fil-fatt, Maslow fissritha bħala barka kbira li tkun miegħu għal siegħa u nofs. Qalet li deher kalm u komdu wara li talbet fuqu. Miet ftit aktar tard b’Maslow li baqgħet iżżommlu idu.

Is-sisien għal Rebecca li tipprovdi din il-kura għall-pazjenti, li b’tant imħabba qed tieħu ħsieb, għandha għeruqha fit-traġedja tagħha stess. Fil-fatt, nhar l-4 ta’ Lulju 2010, ħuha ż-żgħir, Alex, kien miet b’inċident fl-età ta’ 16-il sena. L-uġiegħ ta’ dik it-telfa rabtietha mat-tbatija tal-pazjenti u tal-familjari tagħhom li qed tara illum. Madankollu, din il-pastorali, isseħħ bi prezz emozzjonali għoli.

Tistqarr Rebecca: Tabilħaqq iebsa minħabba dak li għaddiet minnu l-familja tiegħi. Hi tassew iebsa għalija li nara lill-familji jitnikktu. Għandi problema biex inżomm milli ma nibkix. Meta nara lil xi ħadd qed jibki, jibki minħabba xi ħadd mill-membri tal-familja tiegħu u tagħha, terġa’ toħodni lura. Xi drabi hi tassew diffiċli x’taqbad tagħmel b’dan. Imma, anki jekk inhi iebsa, u emozzjonalment xorbitni, naħseb li għallmittni għax sawret f’qalbi spazju fejn nista’, forsi, nempatizza u nħobb lil dawn in-nies b’mod li ma stajtx inwettqu qabel.

Din l-esperjenza personalment tgħallimni li l-Ispirtu s-Santu, jekk inħalluH jaħdem fina, ibiddel l-uġiegħ tagħna f’qawwa li toħroġna minna nfusna ħa mmorru nieħdu ħsieb Kristu fil-batut, fil-marid u f’min hu mwarrab u qed ibati tbatija mill-aktar ħarxa fis-skiet.

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: