102. L-Ispirtu jsawwab Kariżmi abbundanti Lajċi


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 21/09/1994.

1. Tama kbira tinkuraġġixxi l-Knisja f’dan il-vġili tat-tielet millenju tal-era kristjana. Hija qiegħda tħejji ruħha biex tidħol hemm b’impenn qawwi ta’ tiġdid tal-qawwiet kollha tagħha, fosthom il-lajkat nisrani.

Din hija nformazzjoni pożittiva tal-istorja tal-aħħar seklu, kollha dwar żvilupp notevoli tal-ekkleżjoloġija, l-iktar għarfien ħaj li l-lajċi marru jakkwistaw mill-missjoni attribwita lilhom fil-ħajja tal-Knisja. Sikwit ħafna, qabel, il-Knisja kienet tidher għal-lajċi bħala identifikata mal-ġerarkija, u għalhekk l-atteġġjament tagħhom kien pjuttost dak ta; min għandu jirċievi u mhux ta’ dak li huwa msejjaħ għall-azzjoni u għal responsabiltà speċifika. Illum fortunatament ħafna jirrejalizzaw li, f’għaqda ma’ dawk li jeżerċitaw is-saċerdozju ministerjali, ukoll il-lajċi huma l-Knisja, u għandhom xi dmirijiet impenjattivi fil-ħajja u fl-iżvilupp tagħha.

2. Kienu l-istess Rgħajja tal-Knisja li stiednu lil-lajċi għal din l-assunzjoni ta’ responsabiltà. Kienet b’mod partikolari l-promozzjoni tal-Azzjoni Kattolika min-naħa ta’ Piju XI biex tiftaħ kapitlu deċiżiv fl-iżvilupp tal-opra tal-lajċi fil-qasam reliġjuż, soċjali, kulturali, politiku u saħansitra ekonomiku. L-esperjenza storika u l-approfondiment dutrinali tal-Azzjoni Kattolika ħejjew forzi ġodda, fetħu prospettivi ġodda, kebbsu fjammi ġodda. Il-ġerarkija wriet ruħha dejjem iktar favorevoli għall-azzjoni tal-lajkat, sa dik ix-xorta ta’ mobilitazzjoni apostolika mitluba ħafna drabi minn Piju XII li fil-messaġġ paskwali tal-1952 kien ħeġġeg u stieden: “Maġemb is-Saċerdoti jitkellmu l-lajċi, li tgħallmu jippenetraw bil-kelma u bl-imħabba l-imħuħ u l-qlub. Iva, ippenetraw, portaturi tal-ħajja, f’kull post, fil-fabbriki, fl-uffiċini, fl-għelieqi: kulfejn Kristu għandu dritt li jidħol” (cf. Discorsi e radiomessaggi di Sua Santità Pio XII, vol. XIV, n. 64). Mill-appelli ta’ Piju XII ħadu mbuttatura bosta inizjattivi tal-Azzjoni Kattolika u ta’ assoċjazzjonijiet u movimenti oħra, li firxu dejjem iktar l-azzjoni tal-lajċi nsara fil-Knisja u fis-soċjetà. L-interventi suċċessivi tal-Papiet u tal-Isqfijiet, b’mod speċjali fil-Konċilju Vatikan II (cf. Apostolicam actuositatem), fis-Sinodi u f’mhux ftit dokumenti wara l-Konċilju, awtentikaw u ppromovew dejjem iktar qawmien mill-ġdid tal-għarfien ekkleżjali tal-lajċi, li illum iġegħlna nittamaw fi tkabbir tal-Knisja.

3. Nistgħu nitkellmu dwar ħajja lajkali ġdida, għanja b’potenzjal uman immens bħala fatt storikament apparenti u verifikabbli. Il-valur veru ta’ tali ħajja jiġi mill-Ispirtu Santu, li jsawwab b’abbundanza d-doni tiegħu fuq il-Knisja, bħal ma għamel sa mill-oriġni, fil-jum ta’ Pentekoste (Għid il-Ħamsin) (cf. At 2, 3-4; 1 Kor 12, 7-8). F’jiemna wkoll, bosta sinjali u xhieda jingħatawlna ta’ persuni, gruppi u movimenti iddedikati b’mod ġeneruż għall-apostolat li juru li l-meravilji tal-Pentekoste għadhom ma spiċċawx, imma jġeddu ruħhom b’mod abbundanti fil-Knisja attwali. Ma nistgħux ma ninnotawx li, bi żvilupp notevoli tad-dutrina tal-kariżmi, seħħet ukoll fjoritura ġdida ta’ lajċi operanti fil-Knisja: il-kontemporanjetà taż-żewġ fatti mhix kumbinazzjoni. Kollox huwa opra tal-Ispirtu Santu bidu effettiv u vitali ta’ dak kollu li fil-ħajja nisranija huwa rejalment u awtentikament evanġeliku.

4. Kif kulħadd jaf, l-azzjoni tal-Ispirtu Santu ma tixteridx biss fl-impulsi u fid-doni kariżmatiċi, imma wkoll fil-ħajja sagramentali. U taħt dan l-aspett ukoll wieħed jistà b’ferħ jagħraf li jinnota mhux ftit sinjali ta’ progress fil-valorizzazzjoni tal-ħajja sagramentali tal-lajċi nsara.

Hemm tendenza ta’ apprezzament aħjar tal-Magħmudija bħala sors tal-ħajja nisranija kollha. Fuq din il-linja jeħtieġ navanzaw iktar, biex dejjem aħjar niskopru u nisfruttaw l-għana ta’ sagrament li l-effetti tiegħu jestendu ruħhom tul l-eżistenza tagħna kollha.

Ikun ukoll opportun li nitfgħu b’mod vivaċi l-aċċent fuq il-valur tal- Konfermazzjoni (Il-Griżma tal-Isqof), li, b’don speċjali tal-Ispirtu Santu, tipprovdi l-attitudni biex nagħtu lill-fidi fi Kristu xhieda ta’ adulti u biex nassumu b’mod iktar konxju u riflessiv r-responsabiltà propja fil-ħajja u fl-apostolat tal-Knisja.

Il-valorizzazzjoni tas-Sagrament taż-Zwieġ hija ta’ importanza primarja, għall-qdusija tal-miżżewġin infushom u għall-formazzjoni ta’ ħġejjeġ insara, li minnhom jiddependi l-ġejjieni tal-poplu ta’ Alla u tas-soċjetà kollha. F’dan is-sens jaħdmu u joperaw gruppi u assoċjazzjonijiet li jaspiraw li japprofondixxu l-ispiritwalità konjugali. Ukoll fuq din il-linja hemm bżonn nimxu ‘l quddiem bla ma ngħejjew u mingħajr mistrieħ.

Il-partiċipazzjoni l-iktar qawwija, konxja u attiva tal-lajċi fiċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika tippermetti li ninnutaw fil-komunitajiet insara asserzjoni vigoruża tax-xhieda tal-impenn fl-apostolat. Hemm huwa u jinsab dejjem is-sors ħaj tal-għaqda ma’ Kristu, tal-komunjoni ekkleżjali u tal-impetu tal-evanġelizzazzjoni.

Forsi ingħatat inqas attenzjoni, fl-aħħar żminijiet, lis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Jinħtieg nittamaw li l-isforz jitqawwa biex nerġgħu naqbdu mill-ġdid il-prattika, li minnha tiġi mhux biss il-grazzja tal-fejqan spiritwali, li jiġi mingħand Alla, imma wkoll ħeġġa ġdida fil-ħajja interna u ċarezza ġdida ta’ veduti u sinċerità ta’ impenn fis-servizz ekkleżjali. Hu x’inhu ma ninsewx li f’każ ta’ ħtija gravi, il-qrar sagramentali huwa meħtieġ biex nersqu għall-Ewkaristija.

5. Kif jirriżulta minn dawn is-sinjali sempliċi dwar is-sitwazzjoni tal-lajkat fil-Knisja tallum, il-promozzjoni tal-apostolat tal-lajċi titlob żvilupp proporzjonali tal-formazzjoni tagħhom (cf. Christifideles laici, 60). Prinċipalment din għandha x’taqsam mal-kura tal-ħajja spiritwali. U f’dan ir-rigward wieħed josserva bil-ferħ li l-lajċi għandhom dejjem iktar għad-dispożizzjoni tagħhom mezzi addattati biex jikbru taħt dan l-aspett: mill-gruppi tat-talb u tal-impenn spiritwali li jeżistu f’bosta parroċċi, għal-laqgħat għall-qari u l-kummentarju tal-kelma ta’ Alla, għall-konferenzi dwar l-axxetika u l-ispiritwalità, għall-ġranet ta’ rtir, għall-korsijiet tal-eżerċizzi spiritwali. It-trażmissjonijiet radjofoniċi u televiżivi reliġjużi huma wkoll strument effikaċi biex jarrikkixxu l-fidi u jorjentaw lill-poplu nisrani fil-ħajja spiritwali u fil-prattika tal-kult.

6. Fid-dinja tagħna, ikkaratterizzata mit-tixrid u mit-tkabbir tal-livell tal-kultura fid-diversi faxex tal-popolazzjoni, issir dejjem iktar meħtieġa għal-lajċi mpenjati fid-dmirijiet ekkleżjali formazzjoni tajba duttrinali (cf. Ivi, 60). Hawn, ugwalment, huwa b’sodisfazzjon li wieħed jistà jinnota progress notevoli: ħafna lajċi jfittxu li jassimilaw aħjar id-dutrina tal-fidi. Il-multiplikazzjoni tal-Istituti tax-Xjenza Reliġjuża hija sinifikattiva. Il-korsijiet u l-konferenzi tat-tejoloġija, li qabel kienu riservati għal dawk li kienu qegħdin iħejju ruħhom għas-saċerdozju, qegħdin isiru aċċessibbli għal-lajċi. Għal dawn il-korsijiet u konferenzi qegħdin jieħdu sehem mhux biss dawk li jinħtieġu li jakkwistaw kompetenza fit-tagħlim tar-reliġjon, imma ħafna oħrajn li jixtiequ formazzjoni iktar sħiħa, li minnha takkwista benefiċċju l-familja, il-ħbieb u dawk li dak li jkun ikun jaf. Mottiv ta’ tama u wkoll ta’ interess ħaj li bih intlaqà fil-partijiet differenti tad-dinja l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.

7. Il-progress tal-formazzjoni dutrinali tal-lajċi ġie affetwat ukoll fis-sens ta’ għarfien aħjar tad-dutrina soċjali tal-Knisja. Dawk li jimpenjaw ruħhom – fil-livelli kollha – fil-ħajja ekonomika jew politika għandhom jispiraw ruħhom, fil-programmi ta’ azzjoni, mill-prinċipji ta’ din id-dutrina. Nittamaw li l-progress imwettaq ikompli dejjem iktar. Sfortunatament id-dutrina soċjali tal-Knisja hija magħrufa ftit li xejn. Imiss lil-lajċi nsara tallum, imħarrġa soċjalment u spiritwalment sewwa, li jfittxu l-forom opportuni tal-applikazzjoni tal-prinċipji, waqt li b’dan il-mod jikkontribwixxu b’mod effikaċi għall-bini ta’ soċjetà iktar ġusta u solidali.

8. Il-promozzjoni tal-ħajja lajkali fil-Knisja, waqt li tqanqal sentiment ta’ gratitudni lill-Mulej dejjem meraviljuż fid-doni tiegħu, tawtorizza wkoll impetu ta’ tama ġdida. Il-lajċi nsara qegħdin jieħdu dejjem iktar sehem attiv ukoll fl-isforz missjunarju tal-Knisja. Fuq il-kontribut ġeneruż tagħhom jixħtu b’qies notevoli l-prospettivi tal-aħbar evanġelika fid-dinja tallum. Fil-lajċi juri ruħu bid-dija kollha tiegħu l-wiċċ tal-poplu ta’ Alla, poplu fil-mixja tas-salvazzjoni propja, u propju minħabba dan impenjat biex ixerred d-dawl tal-Vanġelu u biex iwassal li Kristu jgħix fl-imħuħ u fil-qlub tal-aħwa. Aħna ċerti li l-Ispirtu Santu, li żviluppa l-ispiritwalità u l-missjoni tal-lajċi fil-Knisja tallum, ikompli l-azzjoni tiegħu għall-ikbar ġid tal-Knisja ta’ għada u ta’ dejjem.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb