103. Ir-Reliġjużi jgħixu b’mod qawwi l-Wegħdiet tal-Magħmudija


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 28/09/1994.

IL-ĦAJJA KKONSAGRATA.

1. Fil-katekeżi ekkleżjoloġiċi li issa ilna niżvolġu mhux ħażin, bosta drabi ppreżentajna l-Knisja bħala poplu “saċerdotali”, magħmul jiġifieri minn persuni li jieħdu sehem fis-saċerdozju ta’ Kristu, bħala stat ta’ konsagrazzjoni lil Alla u eżerċizzju tal-kult perfett u definittiv li Huwa jagħti lill-Missier f’isem l-umanità kollha.

Dan iseħħ grazzi għall-Magħmudija li tinserixxi lil dak li jemmen fil-Ġisem mistiku ta’ Kristu waqt li tiddelegah – kważi ex officio u, dak li jkun jistà jgħid, b’mod istituzzjonali – biex jipproduċi mill-ġdid fih innifsu l-kondizzjoni ta’ Saċerdot u ta’ Vittma (Sacerdos et Hostia) tal-Kap (cf. S. Tommaso, Summa theologiae, III, q. 63, a. 3 in c. e ad 2; a.6).

Kull sagrament ieħor – u b’mod speċjali l-Griżma tal-Isqof – jipperfezzjona dan l-istat spiritwali tal-kredent, u s-sagrament tal-Ordni Sagri jagħti wkoll il-poter li dak li jkun jaġixxi ministerjalment bħala strument ta’ Kristu fit-tħabbir tal-Kelma, fit-tiġdid tas-sagrifiċċju tas-Salib u fil-maħfra tad-dnubiet.

2. Biex niċċaraw aħjar din il-konsagrazzjoni tal-Poplu ta’ Alla, irridu issa niffaċċjaw kapitlu fondamentali ieħor tal-ekkleżjoloġija, li fi żmienna ingħata dejjem iktar importanza taħt l-aspett tejoloġiku u spiritwali. Dan huwa l-ħajja kkonsagrata, li mhux ftit segwaċi ta’ Kristu jħaddnu bħala forma b’mod partikolari elevata, intensa u mpenjattiva, ta’ attwazzjoni tal-konsegwenzi tal-Magħmudija fit-triq ta’ karità distinta, portatriċi ta’ perfezzjoni u ta’ qdusija.

Il-Konċilju Vatikan II, werriet tat-tradizzjoni tejoloġika u spiritwali ta’ żewġ millenji ta’ kristjaneżmu, qiegħed fid-dawl il-valur tal-ħajja kkonsagrata, li – skont l-indikazzjonijiet evanġeliċi – “tikkonkretizza ruħha fil-prattika . . . tal-kastità kkonsagrata lil Alla, tal-faqar u tal-ubbidjenza”,li jissejħu appuntu “pariri evanġeliċi”  (cf. Lumen gentium, 43). Il-Konċilju jitkellem dwarhom bħala wirja spontanja tal-azzjoni sovrana tal-Ispirtu Santu, li sa mill-bidunett tqanqal fjoritura ta’ erwieħ ġenerużi, mqanqla minn xewqa ta’ formazzjoni u ta’ għotja tagħhom infushom għall-ġid tal-ġisem ta’ Kristu kollu (cf. Lumen Gentium,  43).

3. Dawn huma esperjenzi personali, – u kważi jkolli ngħid – “privati”, tal-pariri evanġeliċi, għal kondizzjoni ta’ għarfien pubbliku min-naħa tal-Knisja,, kemm fil-ħajja solitarja tal-eremiti, kif ukoll – u dejjem iktar – fil-formazzjoni ta’ Komunitajiet monastiċi jew ta’ Familji reliġjużi, li jridu jiffavorixxu l-akkwist tal-oġġettivi tal-ħajja kkonsagrata: stabbiltà, formazzjoni dutrinali aħjar, ubbidjenza, għajnuna reċiproka u prograss fil-karità.

B’dan il-mod toħroġ sa minn l-ewwel sekli, u sa żmienna, “varjetà meraviljuża ta’ komunitajiet reliġjużi”, li fihom juri ruħu “il-għerf versatili ta’ Alla” (cf. Perfectae caritatis, 1), u tesprimi ruħha l-vitalità straordinarja tal-Knisja ukoll fl-għaqda tal-Ġisem ta’ Kristu, skont il-kelma ta’ San Pawl: “Hemm diversità ta’ kariżmi, imma Spirtu Santu wieħed biss” (1 Kor 12, 4). L-Ispirtu jifrex id-doni tiegħu f’diversità kbira ta’ forom biex jarrikkixxi bihom l-unika Knisja li, fis-sbuħija mżewqa tagħha, tiskjera fl-istorja l-“għana inskrutabbli ta’ Kristu” (Ef 3, 8), kif il-ħolqien kollu juri “f’bosta forom u f’kull parti singula” (multipliciter et divisim), kif jgħid San Tumas (San Tommaso, Summa theologiae, q. 47, a. 1), dak li f’Alla huwa unità assoluta.

4. Hu xinhu, dan huwa dejjem “don divin”, fundamentalment uniku, ukoll fil-multipliċità u l-varjetà tad-doni spiritwali, jew kariżmi, mogħtija lill-persuni u lill-komunitajiet (cf. Ivi , II-II q. 103, a.2). Infatti l-kariżmi jistgħu jkunu individwali jew kollettivi. Dawk individwali huma mferrxa b’mod wiesà fil-Knisja u b’tali varjetà minn persuna għal persuna, li huma diffiċilment katalogabbli u jitolbu kull darba dixxerniment min-naħa tal-Knisja. Dawk kollettivi, ġeneralment, jingħataw lil irġiel u nisa ddestinati li jwaqqfu opri ekkleżjali u b’mod speċjali Istituti reliġjużi, li jirċievu l-karatterizzazzjoni tagħhom mill-kariżmi tal-fundaturi, jgħixu u joperaw taħt l-influwenza tagħhom u, bil-qies tal-fedeltà tagħhom, jirċievu doni u kariżmi ġodda għal kull membru u għat-totalità tal-Komunità. Hekk din tkun tistà ssib forom ġodda ta’ azzjoni skont il-bżonnijiet tal-postijiet u taż-żminijiet, mingħajr ma tagħmel ħsara lil-linja ta’ kontinwità u ta’ żvilupp li titlaq mill-fundatur, jew billi tirkupra b’mod faċli l-identità u d-dinamiżmu.

Il-Konċilju josserva li “l-Knisja bl-awtorità tagħha volontarjament tilqà u tapprova” l-familji reliġjużi (Perfectae Caritatis, 1). Dan kien f’armonija mad-dmir propju tagħha dwar il-kariżmi, għaliex lilha “jmiss fuq kollox li ma titfix l-Ispirtu, imma li teżamina kollox u żżomm dak li huwa tajjeb (cf. 1 Ts 5, 12 e 19-21)” (Lumen gentium, 12). Dan jispjega ruħu hekk għaliex – f’dak li jirrigwarda l-pariri evanġeliċi – l-istess awtorità tal-Knisja, taħt it-tmexxija tal-Ispirtu Santu, ħadet ħsieb li tinterpretahom, li tirregola l-prattika u wkoll li tistabilixxi forom stabbli tal-ħajja” (Ivi,  43).

5. Imma niftakru dejjem li l-istat tal-ħajja kkonsagrata ma jappartinix lill-istruttura ġerarkika tal-Knisja. Dan iġegħlna ninnutawh il-Konċilju: “Stat simili, jekk jirrigwarda l-kostituzzjoni divina u ġerarkika tal-Knisja mhuwiex intermedju bejn il-kondizzjoni klerikali u lajkali, imma min-naħa tat-tnejn xi fidili huma msejħa biex jibbenefikaw minn dan id-don speċjali fil-ħajja tal-Knisja u biex jgħin, kull wieħed kif jaf hu, il-missjoni tiegħu feddejja” (Ivi, 43).

Il-Konċilju, iżda, iżid munnufih li l-istat reliġjuż, “magħmul mill-pariri evanġeliċi, għalkemm ma jikkonċernax l-istruttura ġerarkika tal-Knisja, jappartieni madankollu b’mod indiskutibbli għall-ħajja u l-qdusija tagħha” (Ivi, 44). Dan l-avverbju – “b’mod indiskutibbli” – ifisser li l-iskossi kollha li jistgħu jiddisturbaw l-ħajja tal-Knisja ma jistgħux jeliminaw l-ħajja kkonsagrata, ikkaratterizzata mill-professjoni tal-pariri evanġeliċi. Dan l-istat ta’ ħajja jibqà dejjem bħala element essenzjali tal-qdusija tal-Knisja. Skont il-Konċilju, din hija verità “modesta”.

B’dan migħud, huwa meħtieġ madankollu li nippreċiżaw li ebda forma partikolari ta’ ħajja kkonsagrata m’għandha ċ-ċertezza ta’ dewmien perpetwu. Il-komunitajiet reliġjużi singli jistgħu jintfew. Storikament huwa ta’ min jinnota li xi ftit fil-fatt sparixxew, kif mill-bqija għabu wkoll ċerti Knejjes “partikolari”. Istituti li m’għadhomx iktar addattati għall-epoka tagħhom, jew li m’għandhomx iktar vokazzjonijiet, jistgħu jkunu kostretti li jagħlqu jew li jingħaqdui ma’ oħrajn. Il-granzija ta’ dewmien perpetwu sa l-aħħar tad-dinja, li kienet mogħtija lill-Knisja fit-totalità tagħha, mhijiex b’mod neċessarju mogħtija lill-Istituti reliġjużi ndividwali. L-istorja tgħallem li l-kariżma tal-ħajja kkonsagrata hija dejjem miexja, waqt li turi ruħha kapaċi li tikseb u, kważi wieħed jasal li jgħid, li “tivvinta”, għalkemm dejjem b’fedeltà tal-kariżma tal-fundatur tagħhom, forom ġodda, iktar rispondenti b’mod dirett għall-bżonnijiet u għall-aspirazzjonijiet taż-żmien. Imma wkoll il-komunitajiet diġa eżistenti għal sekli sħaħ huma msejħa biex jadattaw ruħhom għal dawn il-bżonnijiet u aspirazzjonijiet, sabiex ma jikkundannawx ruħhom għall-għibien awtomatiku.

6. Il-manteniment tal-prattika tal-pariri evanġeliċi – ikunu xi jkunu l-forom li dan jistà jieħu – jibqà madankollu assikurat għaż-żmien kollu tal-istorja għaliex Ġesù Kristu stess riedu u waqqfu bħala appartenenti b’mod definittiv għall-ekonomija tal-qdusija tal-Knisja. L-idea ta’ Knisja magħmula unikament minn lajċi mpenjati fil-ħajja taż-żwieġ u tal-professjonijiet sekolari ma tikkorrispondix mal-intenzjonijiet ta’ Kristu kif jirriżultaw mill-Vanġelu. Kollox iġegħlna naħsbu –ukoll billi naraw l-istorja, u saħansitra l-kronaka (aħbarijiet) – li dejjem se jkun hemm irġiel u nisa (ġuvintur u tfajliet) li jkunu jafu jagħtu ruħhom b’mod totali għal Kristu u għas-Saltna tiegħu fit-triq taċ-ċelibat, tal-faqar u tas-sottomissjoni għal regola ta’ ħajja. Dawk li jieħdu din it-triq se jkomplu wkoll fil-ġejjieni, bħal fl-imgħoddi, biex jiżvolġu rwol importanti għall-iżvilupp tal-qdusija tal-komunità nisranija u għall-missjoni evanġelizzatriċi. U anzi, illum bħall qatt qabel it-triq tal-pariri evanġeliċi tiftaħ, għall-futur tal-Knisja, tama kbira.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb