104. L-Ispirtu Jkompli Jagħti Kariżmi Ġodda


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 05/10/1994.

1. Il-ħajja kkonsagrata, li kkaratterizzat l-iżvilupp tal-Knisja fis-sekli, għarfet u tagħraf wirjiet differenti.

Hemm bżonn li nżommu f’moħħna din il-multepliċità fil-qari tal-kapitolu li l-Kostituzzjoni Lumen gentium tiddedika lill-professjoni tal-pariri evanġeliċi. Dan iġib bħala titlu “Ir-Reliġjużi”, imma fir-raġġ tal-konsiderazzjonijiet dutrinali tiegħu u tal-intenzjonijiet pastorali tiegħu jerġà jidħol fir-realtà ħafna iktar wiesgħa u differenzjata mill-ħajja kkonsagrata li bdiet titfaċċa fiż-żminijiet riċenti.

2. Mhumiex ftit il-persuni li wkoll illum jagħżlu t-triq tal-ħajja kkonsagrata fl-isfera ta’ Istituti jew Kongregazzjonijiet reliġjużi operanti minn żmien fil-Knisja, li tkompli tikseb mill-preżenza ħajja u fertili tagħhom arrikkimenti ġodda ta’ ħajja spiritwali.

Imma fil-Knisja illum jeżistu wkoll aggregazzjonijiet viżibbli ġodda ta’ persuni kkonsagrati, magħrufa u rregolati, taħt l-aspett kanoniku. Tali huma, qabel kollox, l-Istituti Sekolari li fihom skont il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku “il-fidili; waqt li jgħixu fid-dinja, waqt li jfittxu l-perfezzjoni tal-karità u jimpenjaw ruħhom għall-qdusija fid-dinja, b’mod speċjali waqt li joperaw fil-qalba tagħha” (Codice di diritto canonico, 710). Il-membri ta’ tali Istituti jassumu l-obbligi tal-pariri evanġeliċi. Imma billi jarmonizzawhom ma’ ħajja impenjata fid-dinja tal-attivitajiet u tal-istituzzjonijiet sekolari. Għal ħafna snin, diġa minn qabel il-Konċilju, kien hemm xi pijunieri ġenjali ta’ din il-forma ta’ ħajja kkonsagrata tixbaħ ħafna – minn barra – lil dik tas-“sekolari” milli tar-“reliġjużi”.Għal xi wħud tali għażla setgħet tiddependi minn bżonn, fis-sens li huma ma setgħux jidħlu f’komunità reliġjuża minħabba ċerti obbligi tal-familja jew ċerti ostakli, imma għal ħafna kien l-impenn għal ideal: tikkombina konsagrazzjoni awtentika lil Alla ma’ eżistenza migħuxa hija wkoll minħabba vokazzjoni, fir-realtajiet tad-dinja. Dan kien mertu tal-Papa Piju XII li kien għaraf l-leġittimità ta’ din il-forma ta’ konsagrazzjoni mal-Kostituzzjoni apostolika Provida Mater Ecclesia (1947).

Barra mill-Istituti Sekolari, il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku jagħraf lis-Soċjetajiet ta’ Ħajja Apostolika, “li l-membri tagħhom, mingħajr voti reliġjużi, isegwu l-fini apostoliku propju tas-Soċjetà u, waqt li jgħixu ħajja fraterna f’komunità skont l-istil tagħhom ifittxu l-perfezzjoni tal-karità permezz tal-osservanza tal-Kostituzzjoni” (Codice di Diritto Canonico, can. 731). Fost dawn is-soċjetajiet li, jiġu “assimilati” mal-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata, hemm xi wħud li fihom il-mrmbri jimpenjaw ruħhom, permezz ta’ rabta definita fil-Kostituzzjoni, għall-prattika tal-pariri evanġeliċi. Din ukoll hija forma ta’ konsagrazzjoni.

3. Fiż-żminijiet l-iktar riċenti tfaċċaw ċertu numru ta’ “movimenti” jew “aggregazzjonijiet ekkleżjali”. Tkellimt b’apprezzament f’okkażjoni ta’ Kungress promoss mill-Konferenza Episkopali Taljana dwar Il-komunità nisranija u l-assoċjazzjonijiet tal-lajċi: “Il-fenomenu tal-aggregazzjonijiet ekkleżjali – kont għidt – huwa fatt li jikkaratterizza l-mument storiku attwali tal-Knisja. Wieħed irid ukoll josserva, b’konsolazzjoni vera, li l-iskala ta’ dawn l-aggregazzjonijiet tkopri l-ark kollu tal-modalitajiet ta’ preżenza tan-nisrani fis-soċjetà attwali” (Insegnamenti di Giovanni Paolo II, VII/2 [1984] 290). Bħal dak iż-żmien, hekk ukoll illum nittamaw li, biex nevitaw il-periklu ta’ ċertu sodisfazzjon min-naħa ta’ min ifittex li jassolutizza l-esperjenza propja, u ta’ iżolament tal-ħajja komunitarja tal-Knejjes lokali u tar-Rgħajja, tali aggregazzjonijiet tal-lajċi jgħixu “fil Komunjoni ekkleżjali sħiħa mal-Isqof” (Ivi, 292).

Dawn il-“movimenti” jew “aggregazzjonijiet”, għalkemm jiffurmaw ruħhom fost il-lajċi, spiss jorjentaw lill-membri tagħhom – jew parti mill-membri tagħhom – lejn il-prattika tal-pariri evanġeliċi. Konsegwentement, ukoll jekk jiddikjaraw lilhom infushom lajċi, fi ħdanhom jitwieldu gruppi jew komunitajiet ta’ ħajja kkonsagrata.  U barra minn hekk din il-forma ta’ ħajja kkonsagrata tistà tkun ikkumpanjata minn ftuħ għall-ministeru saċerdotali. Hekk jiġri li wħud minn dawn il-movimenti jġorru fihom l-immanġni tal-Knisja skont it-tliet direzzjonijiet li jistgħu jaqbdu l-iżvilupp tal-kompożizzjoni storika tagħha: dik tal-lajċi, tas-saċerdoti, tal-erwieħ ikkonsagrati fl-isfera tal-pariri evanġeliċi.

4. Biżżejjed li aċċennajna għal din ir-realtà ġdida, mingħajr ma nistgħu niddeskrivu b’mod partikulareġġjat il-movimenti differenti, biex pjuttost nenfasizzaw is-sinifikat tal-preżenza tagħhom fil-Knisja tallum.

Huwa mportanti li nagħrfu fihom sinjal tal-kariżmi mogħtija mill-Ispirtu Santu lill-Knisja f’forom dejjem ġodda, kultant imprevedibbli. L-esperjenza ta’ dawn is-snin tippermettilna niddikjaraw li, f’armonija mas-sisien tal-fidi, bogħod milli jispiċċaw, il-ħajja kariżmatika ssib fil-Knisja espressjonijiet ġodda b’mod speċjali fil-forom ta’ ħajja kkonsagrata.

Aspett għal kollox partikolari – u sa ċertu punt ġdid – ta’ tali esperjenza huwa l-importanza li ġeneralment fiha għandha l-karattru lajkali. Huwa minnu li dwar il-kelma “lajk” jistà jkun hemm nuqqas ta’ ftehim, ukoll fil-qasam reliġjuż. Meta l-lajċi jimpenjaw ruħhom fit-triq tal-pariri evanġeliċi, bla ebda dubju huma jidħlu b’certu qies fi stat ta’ ħajja kkonsagrata, differenti ħafna mill-ħajja l-iktar komuni tal-fidili l-oħra, li jagħżlu l-ħajja taż-żwieġ u tal-professjonijiet ta’ ordni profana. Il-lajċi “kkonsagrati” madankollu jifħmu li jikkonservaw u jikkonsolidaw l-attakkament tagħhom mat-titlu ta’ “lajk”, ladarba jridu jkunu u jiddikjaraw ruħhom bħala membri tal-Poplu ta’ Alla, skont l-oriġni tat-terminu “lajk” (minn laòs = poplu), u jagħtu xhieda ta’ din l-appartenenza tagħhom mingħajr ma jinqatgħu minn ħuthom, lanqas fil-ħajja ċivili.

Hija wkoll ta’ mportanza u interess notevoli l-viżjoni ekkleżjali tal-movimenti, li fihom turi ruħha rieda deċiża li jgħixu l-ħajja tal-Knisja kollha bħala komunità ta’ segwaċi ta’ Kristu, u li tirrifletti ruħha fl-għaqda u l-kollaborazzjoni profonda bejn “lajċi”, reliġjużi u saċerdoti fl-għażliet personali u fl-apostolat.

Huwa minnu li dawn it-tliet karatteristiċi: jiġifieri l-vitalità kariżmatika, ir-rieda ta’ xhieda tal-appartenenza għall-Poplu ta’ Alla, l-esiġenza ta’ għaqda tal-konsagrati mal-lajċi u s-saċerdoti, huma propjetà komuni għall-forom kollha ta’ ħajja reliġjuża kkonsagrata; imma wieħed ma jistax ma jagħrafx li dawn juru ruħhom b’mod iktar qawwi fil-movimenti kontemporanji, li ġeneralment jispikkaw minħabba impenn profond ta’ aderenza għall-misteru tal-Knisja u ta’ servizz kwalifikat lill-missjoni tagħha.

5. Barra l-movimenti u l-komunitajiet ta’ orjentazzjoni “lajku-ekkleżjali”, jinħtieġ naċċennaw għal tipi ta’ komunitajiet riċenti, li jaċċentwaw maġġorment fuq elementi tradizzjonali tal-ħajja reliġjuża. Xi wħud minn dawn il-komunitajiet ġodda għandhom orjentazzjoni propjament monastika, bi żvilupp notevoli tat-talb liturġiku; oħrajn jidħlu fil-linja tat-tradizzjoni “kanonika”, li, maġemb dik iktar strettament “monastika”, kienet hekk ħajja fis-sekli medjevali b’attenzjoni partikolari tal-parroċċi u wara, tal-apostolat fuq sfera iktar wiesgħa. Ukoll iktar radikali, illum. Hija t-tendenza ġdida “eremitika”, bil-fondazzjoni u t-twelid mill-ġdid ta’ erimitaġġi ta’ għaġna antika u ġdida fl-istess ħin.

Għal min iħares b’mod superfiċjali, xi wħud minn dawn il-forom ta’ ħajja kkonsagrata jistgħu jidhru b’nuqqas ta’ qbil mal-orjentamenti attwali tal-ħajja ekkleżjali. Fir-realtà, iżda, il-Knisja – li bla dubju ta’ xejn tinħtieġ konsagrati li jduru b’mod iktar dirett lejn id-dinja biex jevanġelizzawha – għandha ugwalment u forsi wkoll iktar bżonn ta’ dawk li jfittxu, jikkultivaw u jixhdu l-preżenza u l-intimità ta’ Alla, ukoll li huma bl-intenzjoni li jiksbu l-qdusija tal-umanità. Dawn huma ż-żewġ aspetti tal-ħajja kkonsagrata li juru ruħhom f’Ġesù Kristu, li resaq lejn il-bnedmin biex iġibilhom id-dawl u l-ħajja, imma minn band’oħra fittex il-solitudni biex jiddedika ruħu għall-kontemplazzjoni u għat-talb. Ebda waħda minn dawn l-esiġenzi ma tistà tkun ttraskurata fil-ħajja attwali tal-Knisja. Għandna nkunu grati lill-Ispirtu Santu li jġegħlna nifhmu bla ma jaqtà permezz tal-kariżmi li Huwa jqassam b’abbundanza u l-inizjattivi spiss sorprendenti li Huwa jillumina.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb