105. Ir-Rieda ta’ Ġesù hija l-oriġni tal-Ħajja kkonsagrata

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 12/10/1994.

1. Dak li l-iktar jgħodd fil-forom qodma u ġodda tal-“ħajja kkonsagrata”, huwa li fiha tiddistingwi ruħha l-konformità fundamentali mar-rieda ta’ Kristu, għalliem tal-pariri evanġeliċi u, f’dan is-sens, fundatur tal-ħajja reliġjuża u ta’ kull stat analogu ta’ konsagrazzjoni.

Kif jgħid il-Konċilju Vatikan II il-pariri evanġeliċi huma “msejsa fuq il-kliem u fuq l-eżempji tal-Mulej” (Lumen gentium, 43).

Ma naqsux dawk li qanqlu dubju dwar din il-fondazzjoni billi qiesu l-ħajja kkunsagrata bħala istituzzjoni purament umana, mwielda mill-inizjattiva ta’ nsara li kienu jqisu li jgħixu iktar fil-fond l-ideal tal-Vanġelu. Issa huwa minnu li Ġesù ma waqqafx b’mod dirett xi waħda mill-komunitajiet reliġjużi li kull ma jmur żviluppaw fil-Knisja, linqas ma ddeċieda forom partikolari ta’ ħajja kkonsagrata. Imma dak li Hu ried u waqqaf huwa l-istat ta’ ħajja kkonsagrata, fil-valur ġenerali tagħha u fl-elementi essenzjali tagħha. Mhemmx prova storika li tippermetti li dak li jkun jispjega dan l-istat b’inizjattiva umana suċcessiva u linqas faċilment konċepibbli li l-ħajja kkonsagrata – li żvolġiet irwol hekk kbir fl-iżvilupp tal-qdusija u tal-missjoni tal-Knisja – ma ġietx minn rieda fundatriċi ta’ Kristu. Jekk nesploraw sewwa x-xhieda evanġeliċi, niskopru li din ir-rieda tidher hemm b’mod ċarissmu.

2. Mill-Vanġelu jirriżulta li sa mill-bidu tal-ħajja tiegħu pubblika Ġesù jsejjaħ xi rġiel biex isegwuh. Din is-sejħa ma’ tesprimix lilha nfisha b’mod meħtieġ fi kliem: tistà tirriżulta senpliċement mill-attrazzjoni eżerċitata mill-personalità ta’ Ġesù fuq dawk li jiltaqà magħhom, bħal fil-każ tal-ewwel żewġ dixxipli, skont ir-rakkont tal-Vanġelu ta’ Ġwanni. Diġa dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista, Indri u sieħbu (li donnu li jidher li hu l-istess evanġelista) jaffaxxinaw ruħhom u kważi jinħatfu minn dak li jiġi ppreżentat lilhom bħala “l-ħaruf ta’ Alla”; u minnufih imorru jsegwu lil Ġesù saħansitra qabel ma kellimhom. Meta Ġesù jistaqsi: “X’intom tfittxu?”, huma jwieġbu b’mistoqsija oħra: “Mgħallem, fejn toqgħod?”. Allura jirċievu l-istedina li tbiddel ħajjithom: “Ejjew u taraw” (cf. Ġw 1, 38-39).

Imma ġeneralment l-espressjoni l-iktar karatteristika tas-sejħa huwa l-kliem: “Ejja warajja” (Mt 8, 22; 9, 9; 19, 21; Mk 2, 14; 10, 21; Lq 9, 59; 18, 22; Ġw 1, 43; 21, 19). Dan juri l-inizjattiva ta’ Ġesù. Qabel dak iż-żmien dawk li kienu jixtiequ jħaddnu l-insegwiment ta’ mgħallem kienu jagħżlu lil dak li tiegħu kienu jridu jsiru dixxipli. Ġesù iżda, b’dak il-kliem “Imxi warajja”, juri li huwa hu li jagħżel lil dawk li jrid li jkollu bħala sieħda u dixxipli. Huwa infatti jgħid lill-Appostli: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom” (Ġw 15, 16).

F’din l-inizjattiva ta’ Ġesù titfaċċa rieda sovrana, imma wkoll imħabba qawwija. Hemm naqraw li, meta ż-żagħżugħ jiddikjara li kien osserva l-kmandamenti tal-liġi sa minn età tenera, Ġesù, “iffissa lejh, ħabbu” (Mk 10, 21). Din il-ħarsa penetranti, mimlija mħabba, tikkumpanja l-istedina: “Mur, bigħ dak li għandek u tih lill-fqar u jkollok teżor fis-sema imbagħad ejja u imxi warajja” (Ivi). Din l-imħabba divina u umana ta’ Ġesù, hekk tħeġġeġ li tkun irrekordjata minn xhud tax-xena, hija dik li tirrepeti ruħha f’kull appell għad-don totali ta’ dak li jkun fil-ħajja kkonsagrata. Bħal ma ktibt fl-eżortazzjoni apostolika Redemptionis donum, “fiha din tirrifletti l-imħabba eterna tal-Missier, li tant ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu uniġenitu, sabiex kull min jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 16)” (Ġwanni Pawlu II, Redemptionis donum, n. 3).

3. Dejjem skont ix-xhieda tal-Vanġelu, is-sejħa biex timxi wara Ġesù tinvolvi esiġenzi wesgħin ħafna: ir-rakkont tal-istedina liż-żagħżugħ għani timponi l-aċċent fuq iċ-ċahda tal-ġid materjali; f’każijiet oħra tiġi b’mod iktar espress enfasizzata ċ-ċaħda tal-familja (cf. Lq 9, 59-60). Ġeneralment; timxi wara Ġesù jfisser ċaħda ta’ kollox biex tingħaqad miegħu u takkumpanjah fit-toroq tal-missjoni tiegħu.  Din hija ċ-ċaħda li magħha qablu l-Appostli, kif jiddikjara Pietru: “Ara, aħna tlaqna kollox u ġejna warajk” (Mt 19, 27). Propju fit-tweġiba lil Pietru Ġesù jindika ċ-ċaħda tal-ġid uman bħala element fundamentali biex tmur warajh (cf. Mt 19, 29). Mit-Testment il-Qadim jirriżulta li Alla kien jitlob lill-poplu tiegħu biex imur warajh permezz tal-osservanza tal-kmandamenti, imma mingħajr ebda formula tat-talbiet hekk radikali. Ġesù juri s-sovranità divina tiegħu billi jitlob dedikazzjoni assoluta lilu, sal-qtugħ totali mill-ġid u mill-imħabbiet tad-dinja  .

4. Wieħed iżda jinnota li, minkejja li waqt li jagħmel it-talbiet ġodda inklużi fl-appell li dak li jkun jimxi warajh, Ġesù jippreżentahom għall-għażla ħielsa ta’ dawk li huwa jsejjaħ. Dawn mhumiex preċetti, imma stediniet jew “pariri”. L-imħabba li biha Ġesù jagħmillu s-sejħa, ma tneħħix liż-żagħżugħ għani l-poter tad-deċiżjoni ħielsa, bħala ma juri r-rifjut tiegħu li jsegwih għall-preferenza mogħtija lill-ġid li jippossiedi. L-evanġelista Marku jikteb li hu “telaq imħawwad, għaliex kellu bosta ġid” (Mk 10, 22). Ġesù għal dan ma jikkundannahx. Imma min-naħa tiegħu josserva mhux mingħajr ċertu dwejjaq li huwa diffiċli għall-għonja li jidħlu fis-saltna tas-smewwiet, u li Alla biss jistà jopra ċerti distakki, ċerti liberazzjonijiet interni, li jippermettu  li dak li jkun iwieġeb għas-sejħa (cf. Mk 10, 23-27).

5. Mill-banda l-oħra, Ġesù jassikura li ċ-ċaħdiet mitluba tal-appell biex nimxu warajh jiksbu r-rikumpensa tagħhom, “teżor ċelesti”, jew aħjar abbondanza ta’ ġid spiritwali. Huwa saħansitra jwiegħed il-ħajja eterna fis-seklu futur, u il-mitt darba iktar f’dan is-seklu (cf. Mt 19, 29). Dan il-mitt darba iktar jirreferixxi għal kwalità ta’ ħajja superjuri, għal feliċità iktar għolja.

L-esperjenza tgħallem li l-ħajja kkonsagrata, skont il-pjan ta’ Ġesù, hija ħajja feliċi b’mod profond. Tali feliċità tirrelata ruħha mal-fedeltà għall-pjan ta’ Ġesù. Dan ma jipprekludix il-fatt li, dejjem skont l-aċċenn għall-persekuzzjonijiet imsemmi minn Marku fl-istess episodju (Mk 10, 30), il-“mittdarba” ma teżentax ruħha mill-assoċjazzjoni għas-salib ta’ Kristu.

6. Ġesù sejjaħ biex jimxu warajh ukoll lin-nisa. Xhieda tal-Vanġeli tgħid li grupp ta’ nisa, kienu jakkumpanjaw lil Ġesù, u li dawn in-nisa kienu numru (cf. Lq 8, 1-3; Mt 27, 55; Mk 15, 40-41). Din kienet novità kbira b’mod relattiv mal-użanzi Lhud: ir-rieda nnovatriċi biss ta’ Ġesù, li kienet tinkludi u sa ċertu mod il-liberazzjoni tal-mara, tistà tispjega dan il-fatt. Ebda rakkont ta’ vokazzjoni ta’ xi mara ma waslilna mill-Vanġeli; imma l-preżenza ta’ nisa numeruża flimkien mat-Tnax maġemb Ġesù tassumi sejħa tiegħu, għażla tiegħu, kienet jew ma kinitx silenzjuża jew espressa.

Infatti Ġesù juri li l-istat ta’ ħajja kkonsagrata, li jikkonsisti fli nsegwuh, mhuwiex marbut b’mod meħtieġ mad-destinazzjoni għall-ministeru saċerdotali, u li tali stat jikkonċerna sewwa n-nisa kif ukoll l-irġiel, kull wieħed fil-qasam tiegħu u bil-funzjoni mogħtija mis-sejħa divina. Fil-grupp ta’ nisa li kienu jsegwu lil Ġesù wieħed jistà jiddistingwi l-aħbar u anzi n-nukleju inizjali tan-numru mmens ta’ nisa li jimpenjaw ruħhom fil-ħajja reliġjuża jew f’forom oħra ta’ ħajja kkonsagrata, tul is-sekli tal-Knisja, sallum. Dan jgħodd għal dawk “ikkonsagrati”, imma wkoll għal dawk il-bosta ħutna nisa li jsegwu f’forom ġodda l-eżempju awtentiku tal-kollaboratriċi ta’ Ġesù: per eżempju bħala “volontarji” lajċi f’tant opri tal-apostolat, f’tant ministeri u uffiċċji tal-Knisja.

7. Nikkonkludu dawn il-katekeżi bl-għarfien li Ġesù, waqt li jsejjaħ irġiel u nisa biex jitilqu kollox sabiex isegwuh, inawgura stat ta’ ħajja li jiżviluppa ruħu b’mod progressiv fil-Knisja tiegħu, fil-forom differenti ta’ ħajja kkonsagrata, li titwettaq fil-ħajja reliġjuża, jew ukoll – għall-magħżulin ta’ Alla – fis-saċerdozju. Miż-żminijiet evanġeliċi sallum kompliet topera r-rieda fundatriċi ta’ Kristu li tesprimi ruħha f’dik l-istedina  l-iktar sabiħa u l-iktar qaddisa indirizzata lil tant erwieħ: “Imxi warajja!”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: