112. Ir-Reliġjużi joffru r-rieda tagħhom lil Alla


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 7/12/1994.

1. Meta Ġesù sejjaħ xi dixxipli biex isegwuh, huwa ħawwel fihom l-bżonn ta’ ubbidjenza votata lill-persuna tiegħu.

Din ma kinitx biss tal-osservanza komuni tal-liġi divina u tal-kmandi tal-kuxjenza umana retta u ġenwina, imma ta’ impenn ferm ikbar. Li ssegwi lil Ġesù kien ifisser li taċċetta li twettaq dak li hu kien jamar personalment u li tinxteħet taħt id-direzzjoni tiegħu għas-servizz tal-Vanġelu, għall-miġja tas-Saltna ta’ Alla (cf. Lq 9, 60.62).

Għalhekk, minbarra l-impenn fiċ-ċelibat u fil-faqar, bl-“Imxi Warajja” tiegħu kien jitlob ukoll dak ta’ ubbidjenza li kien jikkostitwixxi l-estensjoni lid-dixxipli tal-ubbidjenza tiegħu lill-Missier, fil-kundizzjoni ta’ Verb imkarnat, li sar il-“Qaddej ta’ Jaħwè” (cf.  42, 1; 52, 13; 53, 12; Fil 2, 7). Bħall-faqar u l-kastità, hekk l-ubbidjenza tikkaratterizza t-twettiq tal-missjoni ta’ Ġesù u kienet anzi l-prinċipju fundamentali, tradott fis-sentiment vivissmu li kien wasslu biex jgħid: “L-ikel tiegħi huwa nagħmel ir-rieda ta’ Dak li bagħatni u nwettaq l-opra tiegħu” (Ġw 4, 34; cf. Ġwanni Pawlu II, Redemptionis Donum, 13). Aħna nafu mill-Vanġelu li bis-saħħa ta’ dan l-atteġġjament Ġesù wasal b’dedikazzjoni sħiħa tiegħu nnifsu għas-sagrifiċċju tas-Salib, meta – bħal ma jikteb San Pawl –  Hu li kien ta’ natura divina “umilja lilu nnifsu billi għamel lilu nnifsu ubbidjenti sal-mewt, u sal mewt fuq is-salib” (Fil 2, 8). L-Ittra lil-Lhud tenfasizza li Kristu, “minkejja li kien Iben, tgħallem madankollu l-ubbidjenza mill-ħwejjeġ li sofra” (Lh 5, 8).

Ġesù stess irrivela li l-ispirtu tiegħu kien imil lejn l-oblazzjoni totali tiegħu nnifsu, kważi għal misterjuż “pondus Crucis”, speċi ta’ liġi ta’ gravità tal-ħajja issagrifikata, li kellha jkollha l-wirja suprema tagħha fit-talb tal-Ġetsemani: “Abbà, Missier! Kollox huwa possibbli għalik: biegħed minni dan il-kalċi” Imma, mhux dak li rrid jien imma dak li trid int” (Mk 14, 36).

2. Werrieta tad-dixxipli b’mod dirett imsejħa minn Ġesù biex isegwuh fil-missjoni messjanika tiegħu, ir-reliġjużi – jgħid il-Konċilju – “bil-professjoni ta’ ubbidjenza joffru lil Alla d-dedikazzjoni sħiħa tar-rieda propja bħala sagrifiċċju tagħhom infushom, u permezz ta’ dan is-sagrifiċċju b’mod iktar kostanti u sikur jingħaqdu mar-rieda feddejja ta’ Alla” (Perfecate Caritatis, 14). Huwa fil-korrispondenza għall-volontà divina ta’ fidwa, li tiġġustifika ruħha ċ-ċaħda għal-libertà propja. Bħala ftuħ għall-pjan feddej ta’ Alla fuq l-orizzont immens, li fih il-Missier iħaddan lill-krejaturi kollha, l-ubbidjenza evanġelika tmur ferm ‘il hemm mid-destin individwali tad-dixxiplu: dan huwa sehem fl-opra tal-Fidwa universali.

Dan il-valur feddej kien enfasizzat minn San Pawl dwar l-ubbidjenza ta’ Kristu. Jekk id-dnub kien invada d-dinja b’att ta’ diżubbidjenza, il-fidwa universali kienet miksuba bl-ubbidjenza tar-Redentur: “Bħal ma bid-diżubbidjenza ta’ wieħed biss ilkoll sirna midimbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’ wieħed biss sirna ġusti” (Rm 5, 19). Fil-patristika tal-ewwel sekli kien irkuprat u żviluppat il-paralelliżmu bejn Adam u Kristu, magħmul minn San Pawl; bħala wkoll riferenza għal Marija, f’relazzjoni ma’ Eva, taħt l-aspett tal-ubbidjenza. Għalhekk Sant Irinew jikteb: “L-għoqda tad-diżubbidjenza ta’ Eva ġiet maħlula mill-ubbidjenza ta’ Marija” (Sant’Irinew, Adversus haereses, 3,22,4). “Bħal ma dik kienet ġiet sedotta b’mod li ma tobdix lil Alla, hekk din ħalliet li tkun ipperswaduta biex tobdi lil Alla” (Ivi). Għal dan Marija saret koperatriċi tal-fidwa: “Causa salutis” (Ivi). Bl-ubbidjenza tagħhom ir-reliġjużi wkoll huma involuti b’mod profond fl-opra tal-fidwa.

3. San Tumas jara fl-ubbidjenza reliġjuża l-forma l-iktar perfetta tal-imitazzjoni ta’ Kristu, li dwarha San Pawl jgħid li “sar ubbidjenti sal-mewt, u sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 8). Hija allura għandha l-ewwel post fl-olokawst tal-professjoni reliġjuża (cf. San Tumas, Summa theologiae, II-II, q. 186, aa. 5,7,8).

Fuq il-passi ta’ din it-tradizzjoni sabiħa u qawwija, il-Konċilju jsostni li “b’imitazzjoni ta’ Ġesù Kristu . . . ir-reliġjużi, imqanqla mill-Ispirtu Santu, jissottomettu ruħhom fi spirtu ta’ fidi għas-Superjuri li jkunu s-sostituti ta’ Alla, u permezz tagħhom ipoġġu ruħhom għas-servizz tal-aħwa kollha fi Kristu, bħal Kristu stess għas-sottomissjoni tiegħu lill-Missier ġie biex jaqdi l-aħwa u ta’ ħajtu  għall-fidwa tal-multitudni” (Perfectae Caritatis, 14). L-ubbidjenza lill-Missier kienet attwata minn Ġesù mingħajr ma ħalliet barra l-medjazzjonijiet umani. Fi ċkunitu Ġesù obda lil Ġużeppi u lil Marija: jgħid San Luqa li “kien jobdihom” (Lq 2, 51).

Hekk Ġesù huwa l-mudell ta’ dawk kollha li jobdu awtorità umana billi f’din l-awtorità jiddixxernaw sinjal tar-rieda divina. U mill-parir evanġeliku r-reliġjużi huma msejħa biex jobdu lis-Superjuri minħabba li huma jirrapreżentaw lil Alla. Għal dan San Tumas, waqt li jispjega t-test (San Benedittu, Regola, c. 68) tar-regola ta’ San Benedittu, isostni li r-reliġjuż għandu jsegwi l-ġudizzju tas-Superjuri (cf. San Tumas, Summa theologiae, I-II, q. 13, a. 5 ad 3).

4.Huwa faċli li dak li jkun jifhem li fid-dixxerniment ta’ din r-rappreżentanza divina fi krejatura umana tinsab spiss id-diffikultà tal-ubbidjenza. Imma jekk hawn dak li jkun jiffaċċja l-misteru tas-Salib, m’għandux jitilfu minn quddiem għajnejh. Dak li jkun għandu dejjem jiftakar li l-ubbidjenza reliġjuża mhijiex sempliċement sottomissjoni umana għal awtorità umana. Dak li jobdi jissottometti lilu nnifsu lil Alla, għar-rieda divina mfissra fir-rieda tas-Superjuri. Din hija kustjoni ta’ fidi. Ir-reliġjużi għandhom jemmnu lil Alla li jikkomunika lilhom ix-xewqat tiegħu permezz tas-Superjuri. Ukoll fil-każijiet li fihom jidħru d-difetti tas-Superjuri, ir-rieda tagħhom, jekk mhix kontra l-liġi ta’ Alla jew għar-Regola, tesprimi r-rieda divina. Saħansitra meta mill-punt di vista ta’ ġudizzju uman d-deċiżjoni ma tidhirx għaqlija, ġudizzju ta’ fidi jaċċetta l-misteru tax-xewqa divina:  mysterium Crucis.

Mill-bqija, il-medjazzjoni umana, ukoll jekk imperfetta, iġġib siġill awtentiku: dak tal-Knisja li bl-awtorità tagħha tapprova l-Istituti reliġjużi u l-liġijiet tagħhom, bħallikieku toroq sikuri tal-perfezzjoni nisranija. Ma’ din ir-raġuni ta’ ekkleżjalità tingħaqad oħra: dik li toħroġ mill-iskop tal-Istituti reliġjużi, li huwa li “jagħtu l-kollaborazzjoni tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu skont il-pjan ta’ Alla”  (Perfecate Caritatis, 14). Għar-reliġjuż li hekk jiddisinja u jipprattika l-ubbidjenza, dan isir is-sigriet tal-vera feliċità mogħtija miċ-ċertezza nisranija li ma tkunx segwejt ir-rieda propja, imma dik divina, b’imħabba qawwija lejn Kristu u l-Knisja.

Lis-Superjuri, madankollu, il-Konċilju jirrakkomanda li jkunu ewlenin fl-imġieba ħelwa tagħhom mar-rieda ta’ Alla; li jagħrfu srwwa r-responsabiltà tagħhom; li jiżviluppaw l-ispirtu ta’ servizz; li jesprimu l-karità lejn ħuthom; li jirrispettaw l-persuna tas-sudditi; li jippromwovu klima ta’ koperazzjoni; li jisimgħu bil-qalb lil ħuthom, waqt li jżommu soda l-awtorità tagħhom li jiddeċiedu (cf. Perfectae Caritatis, 14).

5. L-imħabba għall-Knisja kienet fl-oriġni tar-regolu u l-Kostituzzjonijiet tal-familji reliġjużi, li kultant kienu jiddikjaraw espressament l-impenn ta’ sottomissjoni għall-awtoritajiet ekkleżjali. Hekk jispjega ruħu l-eżempju ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola, li, biex jaqdi aħjar lil Kristu u lill-Knisja, ta lill-Kumpanija ta’ Ġesù il-famuż “rabà vot”! dak ta’ “ubbidjenza speċjali għall-Papa dwar il-missjonijiet”. Dan il-vot jispeċifika istruzzjoni, li kienet u hija kostruttiva fi kwalunkwè professjoni reliġjuża. Istituti oħra wkoll għamlu ċara din l-istruzzjoni b’mod jew ieħor. Illum il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku jagħmel enfasi speċjali fuqha, b’mod konformi mal-aħjar tradizzjoni tad-dutrina u tal-ispiritwalità li joħorġu mill-Vanġelu: “L-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata la darba ddedikati b’mod speċjali għas-servizz ta’ Alla u tal-Knisja kollha, huma b’titolu  speċifiku suġġetti għall-awtorità suprema tal-Knisja stess” (Codice di Diritto Canonico, can. 590, § 1). “Il-membri individwi (tal-Istituti) huma miżmuma li jobdu lill-Papa bħala s-Superjur suprem tagħhom, ukoll bis-saħħa tar-rabta sagra tal-ubbidjenza” (Ivi, § 2). Dawn huma normi ta’ ħajja li, imħaddna u segwiti b’fidi, jwasslu lir-reliġjużi ferm ‘il hemm minn kunċett ġuridiku ta’ kollokazzjoni ta’ rapporti fil-komunità nisranija: huma jħossu l-bżonn li jinserixxu ruħhom l-iktar li jistgħu fl-inklinazzjonijiet spiritwali u fl-inizjattivi apostoliċi tal-Knisja, fil-waqtiet differenti tal-ħajja tagħha, bl-azzjoni tagħhom jew talinqas bit-talb, u dejjem bl-imħabba filjali tagħhom.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.