120. L-Ispirtu Santu huwa r-Ruħ tal-Ħajja komunitarja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 22/03/1995.

1. Fil-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja, il-Konċilju Vatikan II jiddikjara li l-ħajja kkonsagrata, fil-forom multipli tagħha, turi “l-qawwa infinita tal-Ispirtu Santu, operanti b’mod tal-għaġeb fil-Knisja” (Lumen Gentium, 44).

Similment id-Digriet tal-Konċilju dwar it-tiġdid tat-triq reliġjuża jenfasizza li kien “l-impuls tal-Ispirtu Santu” li ta bidu kemm għall-ħajja eremitika kif ukoll għall-fondazzjoni tal-“familji reliġjużi” li l-Knisja bl-awtorità tagħha laqgħet b’mod volontarju u approvat” (Perfectae Caritatis, 1).

L-ispiritwalità tal-impenn reliġjuż, li janima l-Istituti kollha ta’ ħajja kkonsagrata, għandu b’mod ċar iċ-ċentru tiegħu fi Kristu, fil-persuna tiegħu, fil-ħajja verġinali u fqira tiegħu,imwassla sal-oblazzjoni suprema tagħha nfisha għall-aħwa b’ubbidjenza perfetta lil-Missier. Din hija, iżda, spiritwalità, fis-sens l-iktar qawwi tal-kelma, jiġifieri ta’ orjentament mogħti mill-Ispirtu Santu. Infatti, s-sekwenza ta’ Kristu fil-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-impuls tal-Ispirtu Santu, awtur ta’ kull progress intern u donatur ta’ kull grazzja fil-Knisja. “Animati mill-Karità li l-Ispirtu Santu jsawwab f’qalbhom”, jerġà jgħid il-Konċilju, il-persuni kkonsagrati “jgħixu dejjem iktar għal Kristu u għal Ġismu li huwa l-Knisja” (Perfectae Caritatis, 1).

2. Fil-ħajja reliġjuża, infatti, u f’kull ħajja kkonsagrata hemm azzjoni sovrana u deċiżiva tal-Ispirtu Santu, li l-erwieħ attenti jistgħu jisperimentaw b’mod ineffabbli għal ċerta konnaturalità maħluqa mill-karità divina, bħal ma jgħid San Tumas (cf. Summa Theologiae, II-II q. 45, a.2).

Meta fil-Knisja Ġesù Kristu jsejjaħ l-irġiel jew in-nisa biex isegwuh, huwa jsemmà leħnu u l-faxxinu tiegħu permezz tal-azzjoni nterna tal-Ispirtu Santu, li lilu jafda d-dmir li jġiegħel tiftiehem is-sejħa u li jqanqal ix-xewqa li dak li jkun iwieġeb għaliha b’ħajja ddedikata għal kollox lil Kristu u lis-Saltna tiegħu. Huwa hu li jiżviluppa, fis-sigriet tar-ruħ, il-grazzja tal-vokazzjoni, waqt li jiftaħ il-mixja mitluba sabiex din il-grazzja tilħaq l-għan tagħha. Huwa Hu l-edukatur ewlieni tal-vokazzjonijiet. Huwa Hu l-gwida tal-erwieħ ikkonsagrati fit-triq tal-perfezzjoni. Huwa Hu l-awtur tal-ġenerożità, tas-sabar u tal-fedeltà ta’ kull wieħed u ta’ kulħadd.

3. Barra milli jiżvolġi l-azzjoni tiegħu fl-erwieħ individwali, l-Ispirtu Santu jinsab fl-oriġni wkoll tal-komunitajiet ta’ persuni kkonsagrati: huwa l-istess Konċilju Vatikan II li jinnotah (cf. Perfectae Caritatis, 1). Hekk kien fl-imgħoddi, hekk hu llum. Minn dejjem fil-Knisja l-Ispirtu Santu jagħti lil xi wħud il-kariżma ta’ Fundaturi. Minn dejjem jagħmel iva li madwar il-Fundatur jew il-Fundatriċi jinġabru persuni li jaqsmu l-orjentament tal-forma tiegħu ta’ ħajja kkonsagrata, it-tagħlim tiegħu, l-ideal tiegħu, il-ġibda tiegħu ta’ karità, jew ta’ maġisteru, jew ta’ apostolat pastorali. Minn dejjem l-Ispirtu Santu joħloq u jkabbar l-armonija tal-persuni kkonsagrati u jgħinhom biex jiżviluppaw ħajja komuni animata mill-karità, skont l-orjentament partikolari tal-kariżma tal-Fundatur u tas-segwaċi fidili tiegħu. Huwa ta’ konsolazzjoni li  tosserva li l-Ispirtu Santu wkoll fi żminijiet riċenti ġiegħel li jitwieldu fil-Knisja forom ġodda ta’ komunitajiet u qanqal esperimenti ġodda ta’ ħajja kkonsagrata.

Huwa importanti li nfakkru, min-naħa l-oħra, li fil-Knisja huwa l-Ispirtu Santu li jiggwida l-Awtoritajiet responsabbli fl-ilqugħ u fl-għarfien kanonikament il-komunitajiet ta’ erwieħ ikkonsagrati, wara li jkunu eżaminaw, eventwalment ordnaw aħjar u fl-aħħarnett approvaw il-kostituzzjonijiet tagħhom (cf. Lumen Gentium, 45), biex imbagħad jinkuraġġixxu, isostnu u mhux rari jispiraw l-għażliet operattivi tagħhom. Kemm inizjattivi, kemm fundazzjonijiet ġodda ta’ istituti u ta’ parroċċi ġodda, kemm spedizzjonijiet missjunarji jafu l-bidu tagħhom, ftit jew wisq magħruf, lit-talbiet jew lill-indikazzjonijiet li r-rgħajja tal-Knisja indirizzaw lill-Fundaturi jew lis-Superjuri maġġuri tal-Istituti!

Spiss l-azzjoni tal-Ispirtu Santu tiżviluppa u saħansitra tqanqal kariżmi tar-reliġjużi permezz tal-ġerarkija. F’kull każ tinqeda b’dan biex tipprovdi lill-Familji reliġjużi l-garanzija ta’ orjentament konformi mar-rieda divina u mat-tagħlim tal-Vanġelu.

4. U iktar: huwa l-Ispirtu Santu li jeżerċita l-influss tiegħu fil-formazzjoni tal-kandidati għall-Hajja kkonsagrata. Huwa hu li jistabilixxi l-għaqda armonika fi Kristu tal-elementi kollha spiritwali, apostoliċi, dotrinali prattiċi li l-Knisja stess tqis meħtieġa għal formazzjoni tajba (cf. Potissimum Institutioni, Direttive dwar il-formazzjoni fl-Istituti reliġjużi).

Huwa l-Ispirtu Santu li jgħinna nifhmu, b’mod partikolari, il-valur tal-parir evanġeliku tal-kastità permezz ta’ illustrazzjoni interna li tmur ‘il hemm mill-kondizzjoni ordinarja tal-intelliġenza umana (cf. Mt 19, 10-12). Huwa hu li jqanqal fl-erwieħ l-ispirazzjoni għal donazzjoni radikali lil Kristu fit-triq taċ-ċelibat. Huwa bl-opra tiegħu li “il-persuna kkonsagrata permezz tal-voti reliġjużi “tqiegħed) fiċ-ċentru ta’ ħajjitha affettiva relazzjoni iktar immedjata ma’ Alla permezz ta’ Kristu fi Spirtu, bħala effett tal-parir evanġeliku tal-kastità” (Pot. Inst., 13).

Ukoll fil-pariri evanġeliċi l-oħra l-Ispirtu Santu jġiegħel tinħass il-qawwa operatriċi u plażmatriċi. Huwa ma jagħtix biss l-qawwa li tiċħad il-ġid terren u l-vantaġġi tiegħu, imma jifforma fil-moħħ l-ispirtu tal-faqar, waqt li jistampa l-gost li dak li jkun ifittex teżor ċelesti ferm ‘il fuq  mill-ġid materjali.  Huwa jagħti wkoll d-dawl meħtieġ għall-ġudizzju tal-fidi biex dak li jkun jagħraf, fir-rieda tas-superjuri, ir-rieda misterjuża ta’ Alla u biex jiddixxerna, fl-eżerċizzju tal-ubbidjenza, koperazzjoni umli imma ġeneruża għat-twettiq tal-pjan feddej.

5. Ruħ tal-Ġisem Mistiku, l-Ispirtu Santu huwa r-ruħ ta’ kull ħajja komunitarja. Huwa jiżviluppa l-prijoritajiet kollha tal-karità li jistgħu jikkontribwixxu għall-għaqda u għall-paċi fil-ħajja komuni. Huwa jagħmel iva li l-kelma u l-eżempju ta’ Kristu dwar l-imħabba tal-aħwa tkun il-qawwa operanti fil-qlub, bħal ma kien jgħid San Pawl (cf. Rm 5, 5). Bil-grazzja tiegħu Huwa jġiegħel tippenetra fl-imgieba tal-ikkonsagrati l-imħabba tal-qalb mansweta u umli ta’ Ġesù, l-atteġġjament ta’ servizz tiegħu, il-maħfra erojka tiegħu.

Xejn inqas meħtieġ huwa l-influss permanenti tal-Ispirtu Santu għall-perseveranza tal-ikkonsagrati fit-talb u fil-ħajja ta’ għaqda intima ma’Kristu. Huwa Hu li jagħti x-xewqa tal-intimità divina, li jkabbar il-gost għat-talb, jispira attrazzjoni krexxenti lejn il-persuna ta’ Kristu, kelmtu, ħajtu eżemplari.

Huwa wkoll in-nifs tal-Ispirtu Santu li janima l-missjoni apostolika tal-ikkonsagrati bħala persuni ndividwali u bħala komunità. L-iżvilupp storiku tal-ħajja reliġjuża, ikkaratterizzat minn dedikazzjoni krexxenti għall-missjoni evanġelizzattriċi jikkonferma din l-azzjoni tal-Ispirtu Santu bħala sosten tal-impenn missjunarju tal-Familji reliġjużi fil-Knisja.

6. L-ikkonsagrati, min-naħa tagħhom, għandhom jikkultivaw ħlewwa kbira għall-ispirazzjonijiet u l-mozzjonijiet tal-Ispirtu Santu, għaqda insistenti miegħu, talb bla jaqtà niex jiksbu d-doni tiegħu b’abbundanza dejjem ikbar, akkumpanjata minn abbandun qaddis għall-inizjattiva tiegħu. Din hija t-triq skopruta dejjem aħjar mir-rgħajja u dutturi qaddisin tal-Knisja f’armonija mad-dutrina ta’ Ġesù u tal-Appostli. Din hija t-triq tal-Fundaturi u Fundatriċi qaddisin, li fetħu fil-Knisja tant forom differenti ta’ komunitajiet, li minnhom tnisslu l-ispiritwalitajiet differenti: Brażiljana, agostinjana, benedittina, franġiskana, dumnikana, karmelitana u tant oħrajn: tant esperjenzi, toroq u skejjel li jixhdu l-għana tal-kariżmi tal-Ispirtu Santu u jfornixxu l-aċċess, permezz ta’ bosta toroq partikolari, għall-uniku  Kristu totali, fl-unika Knisja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb