119. In-Nisa reliġjużi jservu lil Alla b’mod fidil

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 15/03/1995.

1. Il-ħajja kkonsagrata femminili għandha post ferm importanti fil-Knisja.

Biżżejjed dak li jkun jaħseb fl-influss profond tal-ħajja kontemplattiva u tat-talb tar-reliġjużi, fl-opra li jiżvolġu fil-kamp skolastiku u f’dak ospidalier, fil-kollaborazzjoni li f’bosta postijiet huma jagħtu fil-ħajja tal-parroċċi, fis-servizzi mportanti li jassikuraw f’livell dijoċeżan u interdijoċeżan, u għad-dmirijiet kwalifikati li dejjem iktar jassumu fil-qasam tas-Santa Sede.

Niftakru wkoll li f’xi nazzjonijiet l-aħbar evanġelika, l-attività katekistika u l-istess għoti tal-Magħmudija kien afdat fil-biċċa l-kbira lir-reliġjużi nisa, li għandhom kuntatt dirett man-nies fl-iskola u qrib il-familji.Linqas ma jintesew in-nisa l-oħra li, f’forom diversi ta’ konsagrazzjoni individwali u ta’ komunjoni ekkleżjali, jgħixu fl-oblazzjoni lil Kristu u għas-servizz tas-Saltna tiegħu fil-Knisja, bħal ma jseħħ illum fl-ordni tal-verġni, li fih dik li tkun tidħol permezz tal-konsagrazzjoni speċjali lil Alla f’idejn l-Isqof dijoċeżan (cf. CIC, can. 604).

2. Ikun imbierek dak il-grupp enormi ta’ “qaddejja tal-Mulej”, li jtawlu u jġeddu tul is-sekli l-esperjennza l-iktar sabiħa tan-nisa li, waqt li jsegwu lil Ġesù, jaqduh flimkien mad-dixxipli tiegħu (cf. Lq 8, 1-3).

Huma, mhux inqas mill-Appostli, kienu semgħu l-qawwa konkwistatriċi tal-kelma u tal-karità tal-Imgħallem divin u kienu nxteħtu jgħinuh u jaqduh kif setgħu fl-itinerarji tal-missjoni tiegħu. Joħroġ mill-Vanġelu t-tkabbir min-naħa ta’ Ġesù, li ma setax ma japprezzax dik il-wirja ta’ ġenerożità u ta’ delikatezza karatteristiċi tal-psikoloġija femminili, imma imnebbħa minn fidi f’Persuntu, li ma kellhiex spjegazzjonijiet sempliċement umani. Huwa sinifikattiv l-eżempju ta’ Marija Maddalena dixxipla u ministra fidila ta’ Kristu f’ħajtu u mbagħad xhud u kważi wieħed jistà jgħid l-ewwel messaġġiera tal-Qawmien mill-Imwiet tiegħu (cf. Ġw 20, 17-18).

3. Mhux eskluż li f’dak il-moviment ta’ adeżjoni sinċiera u fidila jirrifletti ruħu f’forma sublimi s-sentiment ta’ dedikazzjoni totali li twassal lil mara għall-isponsalità u, ukoll aktar, għal livell ta’ mħabba soprannaturali, għall-konsagrazzjoni verġinali lil Kristu, bħal ma rrivelajt fil- Mulieris Dignitatem (cf. n. 20).

F’dak is-segwitu ta’ Kristu, tradott f’”servizz”, nistgħu niskopru wkoll s-sentiment l-ieħor femminili tal-oblazzjoni tagħha nfisha, espressa hekk tajjeb mill-Verġmi Marija bħala konklużjoni tad-djalogu mal-Anġlu: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1, 38). Din hija espressjoni ta’ fidi u ta’ mħabba, li tikkonkretizza ruħha fl-ubbidjenza għas-sejħa divina, b’servizz lil Alla u lil aħwa: hekk f’Marija, hekk fin-nisa li kienu jsegwu lil Ġesù, hekk f’dawk kollha li, fuq il-passi tagħhom, segwewh tul il-korsa tas-sekli.

L-isponsali mistika llum tidher iktar debboli fiż-żgħażagħ aspiranti għall-ħajja reliġjuża, mhux favorita f’tali sentiment linqas tal-mentalità komuni, linqas tal-iskola, linqas tal-letturi. Dawn huma noti, mill-bqija, figuri ta’ qaddisin li sabu u segwew fili oħra kondutturi tar-rapport tagħhom ta’ konsagrazzjoni lil Alla: bħala servizz għall-miġja tas-Saltna tiegħu, id-donazzjoni tiegħek innifsek lilu biex isservih fl-aħwa foqra, is-sens ħaj tas-sovranità tiegħu (“Mulej tiegħi u Alla tiegħi”! cf. Ġw 20, 28), l-identifikazzjoni fl-oblazzjoni ewkaristika, il-filjolanza fil-Knisja, il-vokazzjoni għall-opri tal-ħniena, ix-xewqa li tkun l-iżgħar jew l-aħħar fil-komunità nisranija, jew li tkun il-qalb tal-Knisja jew li toffri fl-ispirtu propju tempju ċkejken lit-Trinità Mqaddsa. Dawn huma xi wħud mil-leit-motiv ta’ ħajjiet maqbuda – bħal dik ta’ San Pawl u fuq kollox bħal dik ta’ Marija – minn Ġesù Kristu (cf. Fil 3, 12).

Wieħed jistà wkoll, b’mod utli jenfasizza, għar-reliġjużi nisa kollha, il-valur tas-sehem fil-kondizzjoni ta’ “Qaddej tal-Mulej” (cf. Iż 41, 9; 42, 1; 49, 3; Fil 2, 7 eċċ.), li hija propja ta’ Kristu Saċerdot u Ostja. Is-“servizz” li Ġesù ġie biex jirrendi billi jagħti ħajtu “għall-fidwa tal-multitudni” (Mt 20, 28) isir eżempju li jimitawh u kważi sehem feddej biex ikun attwat fis-“servizz” fratern (cf. Mt 20, 25-27). Dan ma jeskludix – imma anzi jinvolvi – twettiq speċjali tal-isponsalità tal-Knisja fl-għaqda ma’ Kristu u fl-applikazzjoni kontinwa għad-dinja tal-frott tal-Fidwa operata mas-saċerdozju tas-Salib.

4. Skont il-Konċilju, il-misteru tal-għaqda sponsali tal-Knisja ma’ Kristu jiġi ppappreżentat f’kull ħajja kkonsagrata (cf. Lumen Gentium, 44), speċjalment permezz tal-professjoni tal-parir evanġeliku tal-kastità (cf. Digriet Perfectae Caritatis, 12). Madankollu huwa komprensibbli li tali rappreżentazzjoni tkun dehret imwettqa b’mod speċjali fil-mara kkonsagrata li lilha jkun spiss attribbwit, ukoll fit-testi liturġiċi, it-titlu ta’ “sponsa Christi”. Huwa minnu li Tertulliano kien qed japplika x-xbiha taż-żwieġ, ma’ Alla indistintament lill-irġiel u lin-nisa, meta kiteb: “Kemm irġiel u nisa, fl-ordnijiet tal-Knisja, waqt li jagħmlu appell għall-kontinenza, ippreferew li jiżżewġu ma’ Alla…” (De exort. cast., 13. PL 2, 930 A; CC 2, 1035, 35-39), imma ma nistgħux ninnegaw li r-ruħ femminili hija partikolarment kapaċi li tgħix l-isponsalità mistika ma’ Kristu u allura tirriproduċi fiha nfisha l-wiċċ u l-qalb tal-Knisja-Għarusa. Minħabba dan fir-rit tal-professjoni tar-reliġjużi nisa u tal-verġni sekolari kkonsagrati il-kant jew ir-reċta tal-antifona “Veni sponsa Christi…” timla lil qlubhom b’kommozzjoni qawwija, waqt li tkebbeb lill-interessati u lill-assemblea kollha f’awra mistika.

5. Fil-loġika tal-għaqda ma’ Kristu kemm bħala Saċerdot, kif ukoll bħala Għarus, jiżviluppa ruħu fil-mara wkoll is-sens tal-maternità spiritwali. Il-Verġinità – jew kastità evanġelika – tinvolvi ċ’ċaħda għall-maternità fiżika, imma biex tittraduċi ruħha, skont il-pjan divin, f’maternità ta’ ordni superjuri, li fuqha jiddi d-dawl tal-maternità tal-Verġni Marija. Kull verginità kkonsagrata hija ddestinata li tirċievi mingħand il-Mulej don li jirriproduċi f’ċertu qies il-karattru tal-universalità u tal-fertilità spiritwali tal-maternità ta’ Marija.

Dan jiskopri ruħu fl-opra mwettqa minn bosta nisa kkonsagrati fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ għall-fidi. Huwa magħruf li ħafna Kongregazzjonijiet femminili twaqqfu u ħolqu skejjel numerużi biex iwasslu din l-edukazzjoni, li għaliha, b’mod speċjali fejn huma nvoluti ż-żgħar, il-kwalitajiet tal-mara huma prezzjużi u nsostitwibbli. Dan jiskopri ruħu wkoll f’tant opri ta’ karità u għajnuna favur il-foqra, il-morda, l-handikappati, l-abbandunati, speċjalment tat-trabi u tat-tfal li xi darba kienu jissejħu mwarrbin: kollha każijiet li fihom jidhru mpenjati t-teżori tad-dedikazzjoni u tal-ħniena tal-qalb femminili. Dan jiskopri ruħu fl-aħħarnett fil-forom diversi ta’ koperazzjoni fis-servizzi tal-parroċċi u tal-opri kattolċi, fejn marru jirrivelaw ruħhom dejjem aħjar l-attitudnijiet tal-mara għall-kollaborazzjoni mal-ministeru pastorali.

6. Imma fost il-valuri preżenti fil-ħajja kkonsagrata femminili, wieħed irid dejjem jagħraf l-ewwel post għat- talb. Din hija l-forma ewlenija ta’ attwazzjoni u ta’ espressjoni tal-intimità mal-Għarus divin. Ir-reliġjużi kollha huma msejħa biex ikunu nisa tat-talb, nisa tal-ħniena, nisa ta’ ħajja nterna, ta’ “ħajja ta’ orazzjoni”. Jekk inhu minnu li x-xhieda għal din il-vokazzjoni hija iktar evidenti fl-Istituti ta’ ħajja attiva li jissalvagwardjaw b’kura il-ħinijiet ta’ talb u ta’ kontemplazzjoni rispondenti għall-bżonn u għat-talb tal-erwieħ ikkonsagrati, u għall-istess indikazzjonijiet evanġeliċi. Ġesù li kien jirrakkomanda t-talb lid-dixxipli kollha tiegħu, ried iqiegħed fid-dawl il-valur tal-ħajja tal-orazzjoni u tal-kontemplazzjoni bl-eżempju ta’ mara, Marija ta’ Betanja, minnu mfaħħra għaliex kienet għażlet “l-aħjar parti” (Lq 10, 42): tismà l-kelma divina, tassimilaha, tagħmel minnha sigriet tal-ħajja. Ma kienx jewwilla dan d-dawl mixgħul għall-futur kollu attribwit mill-mara lill-ħajja tat-talb tal-Knisja?

Fit-talb frekwenti, mill-bqija, hemm ukoll is-sigriet tal-perseveranza f’dak l-impenn ta’ fedeltà lil Kristu, li għandha tkun eżemplari għall-Knisja kollha.

Din ix-xhieda ċara ta’ mħabba li ma tiċċaqlaqx tistà tkun ta’ għajnuna kbira għan-nisa l-oħra fis-sitwazzjonijiet ta’ kriżi li wkoll taħt dan l-aspett jaffettwaw lis-soċjetà tagħna. Nittamaw u nitolbu li bosta nisa kkonsagrati, waqt li fihom għandhom il-qalb ta’ għarajjes ta’ Kristu u waqt li juruh fil-ħajja, iservu wkoll biex jirrivelaw u jagħmlu wkoll biex kulħadd jifhem aħjar il-fedeltà  tal-Knisja fl-għaqda tagħha ma’ Kristu l-Għarus tagħha: fedeltà fil-verità, fil-karità, fix-xewqa ta’ fidwa universali.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading