124. Il-Knisja tippriedka l-Vanġelu sa tmiem iż-Żminijiet


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 26/04/1995.

1. Il-missjoni universali tal-Knisja tiżvolgi fiż-żmien u titwettaq tul l-istorja tal-umanità.

Qabel il-miġja ta’ Kristu, il-perijodu tat-tħejjija (cf. Gal 3, 23; Lh 1, 1) u tal-istennija (cf. Rm 3, 26; At 17, 30) intemm bil-miġja tal-“milja taż-żmien”, meta Bin Alla inkarna ruħu għall-fidwa tal-bniedem (cf. Gal 4, 4). Minn din il-ġrajja beda perijodu ġdid, li ma taniex qies u li jestendi ruħu sal-konsumazzjoni tal-istorja.

L-evanġelizzazjoni tad-dinja hija sottomessa mela wkoll għal-liġijiet tas-suċcessjoni tas-sekli u tal-ġenerazzjonijiet umani. Din iddur ma’ kull bniedem, ma’ kull żmien u ma’ kull kultura. Il-bxara evanġelika trid għalhekk dejjem tiġġedded: trid tkun kapaċi li tagħmel lilha nfisha b’mod kostanti iktar sħiħa u profonda, ukoll fir-reġġjonijiet u fil-kulturi ta’ evanġeliżżażżjoni antika. Fl-aħħar minn l-aħħar hija għandha tibda mill-ġdid kuljum, sal-wasla tal-“aħħar jum”  (Ġw 12, 48).

2. L-evanġelizzazzjoni għandna narawha fil-prospettiva li fiha jqiegħda Kristu stess: it-twettiq sħiħ tagħha jseħħ biss fi tmiem id-dinja: “Dan il-Vanġelu tas-Saltna se jkun imħabbar fid-dinja kollha, sabiex tkun ingħatat xhieda lill-ġnus kollha; u allura jasal it-tmiem” (Mt 24, 14).

Lilna mhuwiex mogħti li “nkunu nafu iż-żminijiet u l-waqtiet” (At 1, 7) stabbiliti mill-pjan divin dwar it-twettiq tal-opra tal-evanġelizzazzjoni, prekondizzjoni għall-miġja tas-Saltna ta’ Alla. Linqas ma nistgħu inkunu nafu liema grad ta’ profondità għandha tilħaq l-opra missjunarja sabiex “jasal it-tmiem”. Nafu biss li l-evanġelizzazzjoni hija progressiva fl-istorja, li lilha tagħti s-sinifikat definittiv meta tkun twettqet. Sa dak il-waqt, hemm il-misteru tal-evanġeliżżazzjoni li jinfed il-misteru stess tal-istorja.

3. Wieħed irid jinnota li għadna ‘l bogħod minn evanġelizzazzjoni sħiħa tal-“ġnus kollha” (Mt 24, 14; 28, 19), u li l-maġġoranza l-kbira tal-bnedmin għadhom ma ngħaqdux mal-Vanġelu u linqas mal-Knisja. U allura, bħal ma ktibt fir-Redemptoris Missio “l-attività missjunarja għadha biss fil-bidu” (Redemptoris Missio, 30). Tali konklużjoni ta’ ordni storiku ma topponix ruħha għar-rieda feddejja universali tal-Missier ċelesti li jwassal, bid-dawl ta’ Kristu, id-don tal-fidwa fil-qalb ta’ kull bniedem permezz tal-qawwa tal-Ispirtu Santu. Dan il-misteru ta’ preżenza u ta’ azzjoni feddejja huwa bla dubju ta’ xejn fundamentali għall-impenn ekkleżjali tal-evanġelizzazzjoni. F’din il-prospettiva għandu jiftiehem il-mandat ta’ Ġesù afdat lill-Appostli, u allura lill-Knisja li “jmorru”, li “jgħammdu”, li “jgħallmu”, li “jippridkaw il-Vanġelu lil kull krejatura” (Mc 16, 15), “lill-ġmus kollha” (Mt 28, 19; Lq 24, 47), “sa tmiem id-dinja” (Mt 28, 20).

Fl-għeluq tal-Vanġelu ta’ Marku naqraw li l-Appostli “telqu u ppridkaw ma’ kullimkien waqt li l-Mulej kien jopera flimkien magħhom u kien iwettaq l-kelma bl-għeġubijiet li kienu jakkumpanjawhom” (Mk 16, 20). Wieħed jistà jgħid li l-missjoni afdata lilhom minn Kristu qanqlet kważi speċi ta’ urġenza fit-twettiq tal-mandat riċevut ra’ evanġilizzazzjoni tal-ġnus kollha. L-ewwel insara qasmu tali spirtu u ħassew b’qawwa l-bżonn li jwasslu l-bxara t-tajba f’kull reġġjun tad-dinja. Wara elfejn sena, l-istess dmir u l-istess responsabiltà għadhom jeżistu ntatti fil-Knisja. Infatti, illum ukoll jiġi mitlub lill-insara biex jiddedikaw ruħhom, kull wieħed fl-istat tal-ħajja tiegħu, għall-opra mportanti tal-evanġelizzazzjoni.

4. F’katekeżi preċedenti fakkart il-mistoqsija li d-dixxipli għamlu lil Kristu fil-waqt tat-Tlugħ fis-Sema: “Mulej, huwa dan iż-żmien li fih se terġà twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?” (At 1, 6).

Kien għadhom ma fehmux liema Saltna Kristu kien ġie biex iwaqqaf. Is-Saltna ta’ Alla, li se testendi ruħha għad-dinja kollha u għal kull ġenerazzjoni, hija t-trasformazzjoni spiritwali tal-umanità permezz ta’ proċess ta’ konverżjoni li tiegħu l-Missier biss jaf iż-żminijiet. Infatti, lid-dixxipli, li kien għadhom inkapaċi li jifhmu l-opra ta’ Kristu, l-Irxuxtat iwieġeb: “Ma jimissx lilkom li tkunu tafu ż-żminijiet u l-waqtiet li l-Missier irriserva għall-għażla tiegħu” (At 1, 7).

Il-Missier, mela, ippreveda suċċessjoni ta’ żminijiet u waqtiet għat-twettiq tal-pjan feddej tiegħu. Lilu biss jappartienu dawn il-“kairoi”, dawn il-mumenti ta’ grazzja, li jippronunzjaw b’mod ċar u distint l-istadji tat-twettiq tas-Satna tiegħu. Minkejja li huwa omnipotenti, huwa ddeċieda li jopera fl-istorja b’sabar skont ir-ritmi tal-iżvilupp uman – personali u kollettiv – , waqt li jqis il-possibiltajiet, ir-reżistenzi, id-disponibiltà u l-libertà tal-bniedem.

Tali pedagoġija divina għandha tkun il-mudell li għaliha għandha tispira ruħha kull azzjoni missjunarja tal-Knisja. L-evanġelizzaturi għandhom jaċċettaw iż-żminijiet tal-evanġelizzazzjoni, kultant bil-mod, kultant ukoll bil-mod ħafna, bis-sabar,  konxji li Alla, li lilu jappartienu “ż-żminijiet u l-waqtiet”, jiggwida b’mod instankabbli b’għerf sovran il-kors tal-istorja.

5. Iż-żminijiet tal-istennija, kif diġa rrivelajt, jistgħu jkunu twal qabel ma naslu  għall-waqt favorevoli. Il-Knisja, minkejja li tbati minħabba reżistenzi, truxija u dewmien, orkestrati b’mod makakk mill-“Proċep ta’ din id-dinja” (Ġw 12, 31), taf li għandha taġixxi bis-sabar, fir-rispett profond ta’ kull sitwazzjoni etnika, kulturali, pskoloġika u soċjoloġika. Hija, madankollu, ma tistà qatt taqtà qalbha jekk l-isforzi tagħha ma jkunux dejjem inkurunati b’suċċess; b’mod speċjali ma tistax titbiegħed mid-dmir fundamentali li kien afdat lilha, dak li xxandar il-Bxara t-Tajba lill-ġnus kollha.

Li tkun taf tistenna “iż-żminijiet u l-waqtiet” ta’ Alla jitlob atteġġjament għassiesi biex tkun tistà taħtaf, fil-varjazzjoni tal-kondizzjonijiet storiċi, l-okkażjonijiet u l-possibiltajiet tax-xandir evanġeliku. Dan jirrakkomandah il-Konċilju meta jfakkar  li “tali kondizzjonijiet jiddependu kemm mill-Knisja kif ukoll mill-popli, mill-gruppi jew mill-bnedmin, li lilhom tkun indirizzata l-missjoni. Il-Knisja, minkejja li tippossiedi f’forma sħiħa u totali l-mezzi għall-fidwa, mhux dejjem u mhux minnufih taġixxi jew tistà taġixxi b’mod sħiħ” (Ad Gentes, 6). L-azzjoni tagħha “taf bidu u gradi, anzi kultant, wara progress mibdi b’mod feliċi, jkollha tirreġistra b’mod doloruż rigress, jew talinqas tasal biex issib ruħha fi stadju ta’ inadegwatezza u insuffiċjenza” (Ad Gentes, 6). Dan ukoll jifforma parti mill-misteru tas-Salib li jimla l-istorja.

6. Hija ħaġa magħrufa li, tul is-sekli, għal raġunijiet differenti għebu komunitajiet sħaħ insara. Din hija l-elokwenza doloruża tal-istorja, li twissi dwar il-possibiltajiet ta’ falliment relatat mal-aġir uman. Minn dan ma kienet preservata linqas l-opra evanġelizzatriċi. Imma l-istorja tiċċertifikalna wkoll li bil-grazzja ta’ Alla, ir-rigressi, limitati għal xi postijiet jew għal xi żminijiet, ma jtellfux l-iżvilupp ġenerali tal-evanġelizzazzjoni li, skont il-kelma ta’ Kristu, jestendi ruħu b’mod progressiv għall-umanità kollha (cf. Mt 24, 14). Infatti, il-Knisja, minkejja qalb il-provi u t-tribulazzjonijiet, tkompli bil-missjoni evanġelizzatriċi bl-istess impetu tal-ewwel sekli u s-Saltna ta’ Alla tkompli tiżviluppa ruħha u tinxtered.

7. Illum ukoll hija hi konxja dwar id-diffikultajiet li jippreżentaw ruħhom fi triqtha tul l-istorja. Hija madankollu temmen b’mod ħaj fil-qawwa tal-Ispirtu Santu li jiftaħ il-qlub għall-Vanġelu u li jiggwidaha fil-missjoni. Infatti huwa hu, li jiġbed lejn Kristu lil kull bniedem, lil kull kultura u lil kull poplu, waqt li jirrispetta l-libertà u r-ritmi, waqt li jmexxi lil kulħadd bi ħlewwa lejn il-verità. Għalhekk, dak li jistà jidher għall-għajnejn umani proċess bil-mod u skussat, huwa fir-realtà il-mod tal-aġir ta’ Alla. Hija tali ċertezza li ssostni u tqawwi fid-dixxipli ta’ Kristu – nibdew mir-rgħajja u mill-missjunarji – it-tama li x-xogħol tagħhom mhux għalxejn u li mhux se jintilef. Tali tama hija msejsa fuq il-prospettiva eskatoloġika li tinsab fil-bażi tal-opra evanġelizzatriċi tal-Knisja, pellegrina fuq l-art sa tmiem iż-żminijiet.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb