125. Il-Knisja ma tistax tabbanduna x-Xogħol Missjunarju


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 03/05/1995.

1. Fil-lingwaġġ tradizzjonali wieħed jitkellem dwar il-“missjonijiet”, fil-plural, u dwar il-“missjunarji” li joperaw hemm minħabba mandat speċifiku.

Dan huwa metodu kif dak li jkun jesprimi ruħu li ma jikkontradixxix l-għaqda tal-“missjoni” tal-Knisja, dan juri anzi b’intensità ikbar dan l-impenn fundamentali tal-evanġelizzazzjoni. Il-missjunarji mhux biss ma jqegħdux fil-ġemb il-prinċipju li l-Knisja kollha hija missjunarja imma, għall-kuntrarju, iwettqu dan minn ras il-għajn.

X’inhuma l-missjonijiet? Skont il-Konċilju, dawn huma l-“inizjattivi ewlenin, li bihom il-komunikaturi tal-Vanġelu, waqt li jmorru mad-dinja kollha, jiżvolġu d-dmir tal-predikazzjoni tal-Vanġelu u li jwaqqfu l-Knisja f’nofs il-popli u l-gruppi li għadhom ma jemmnux fi Kristu” (Digriet Ad Gentes, 6). Fl-Enċiklika Redemptoris Missio hemm ippreċiżat li dawn jiġu miftuħa fit-territorji li fihom il-Knisja “għadha ma tefgħetx l-għeruq” u fost il-popli “li l-kultura tagħhom għadha ma ġietx influwenzata mill-Vanġelu” (Redemptoris Missio, 34).

2. Nistgħu nippreċiżaw li dawn l-attivitajiet jimmiraw għall-bini tal-Knisja lokali. Mhux biss jattribwixxu biex jistabilixxu xi strutturi u ġerarkija ekkleżjali,  imma jikkollaboraw biex jiffurmaw xi komunitajiet ta’ ħajja nisranija permezz tax-xandir tal-Kelma ta’ Alla u l-amministrazzjoni tas-Sagramenti. Diġa San Tumas d’Aquino kien tkellem dwar din l-impjantazzjoni tal-Knisja bħala  munus apostoliku (cf. I Sent., D. 16, q. 1, a. 2, ad 2 e 4; a. 3; Summa Theol., I, q. 43, a. 7, ad 6; I-II, q. 106, a. 4, ad 4). Kunċett li jappartieni lil tradizzjoni ekkleżjoloġika soda, kien ġie approfondit mill-Papiet tas-seklu tagħna f’diversi dokumenti, rivavvivat mill-Konċilju Vatikan II (cf. Ad Gentes, 34). Kemm il-meqjuma Predeċessuri tiegħi kif ukoll San Tumas jużaw ukoll l-espressjoni l-oħra: dilatatio Ecclesiae, jiġifieri d-deferiment, it-tifrix tal-Knisja (cf. S. Tumas, Comm. in Matth. 16,28). Il-Konċilju jispjega li l-mezz ewlieni għal din l-impjantazzjoni (u deferiment) huwa l-predikazzjoni tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu… Miż-żerriegħa tal-kelma ta’ Alla jiżviluppaw ruħhom il-Knejjes indiġeni partikolari…”, fil-ġisem tal-Knisja unika li fiha l-bnedmin “jiġu miġbura permezz tal-magħmudija u jirċievu l-għixien u l-ħajja tal-kelma ta’ Alla u tal-ħobż ewkaristiku”” (Ad Gentes, 6) (cf. At 2, 42; 1 Pt 1, 23). Dawn huma Knejjes li, “għonja b’qawwa propja u minn maturità propja”, mogħnija b’ġerarkija propja, jiddisponu minn mezzi xierqa għall-ħajja nisranija tal-membri propji u jistgħu jikkontribwixxu għall-ġid tal-Knisja kollha (cf. Ad Gentes, 6).

Dan huwa l-ideal li għandu jkun segwit fl-attività missjunarja: il-fundazzjoni ta’ Knisja li minnha nfiha tipprovdi għar-Rgħajja tagħha u għall-bżonnijiet kollha tal-ħajja tal-fidi, waqt li tibqà f’komunjoni mal-Knejjes l-oħra partikolari u mas-Sede ta’ Pietru.

3. Wieħed jistà jiddistingwi xi stadji tal-attività missjunarja (cf. Ad Gentes, 6): il-“bidu jew fondazzjoni”, bi predikazzjoni tal-Vanġelu mmirata biex tmexxi lill-bnedmin lejn il-magħmudija; warajha jsegwi l-“iżvilupp jew il-perjodu ġdid  żagħżugħ”, mal-edukazzkoni fil-fidi u fil-mod ra’ ħajja, bil-formazzjoni tal-komunità lokali, bit-tnissil jew żvilupp tal-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Permezz ta dawn il-waqtiet formattivi tġi fornuta struttura ministerjali għall-komunità waqt li tgħinha biex tiżviluppa ruħha  f’perspettiva ta’ ftuħ u ta’ koperazzjoni missjunarja.

Dwar l-attività missjunarja u dwar il-valur tal-missjonijiet sfortunatament ma naqsux, ukoll fi żminijiet riċenti, xi nuqqasijiet ta’ fehim.  Nibdew mir-rabta li, minħabba mottivi storiċi eventwali, għal ċertu perijodu stabilixxiet ruħha bejn l-attività missjunarja u l-kolonizzazzjoni politika, fejn wieħed ried jassumi li l-għibien gradwali tal-fenomenu storiku tal-kolonji kellu jkollu bħala konsegwenza l-għibien parallelu tal-missjonijiet.

Ma tali nċertezzi żdiedet il-konsiderazzjoni li fil-Knejjes ta’ evanġelizzazzjoni antika, li minnhim kienu jiġu bosta missjunarji operanti fil-“pajjiżi tal-missjoni”, kiber dejjem iżjed l-għarfien li wkoll it-territorju tagħhom kien qiegħed isir “art tal-missjoni” u kien jinħtieġ “evanġelizzazzjoni ġdida”. Minħabba f’hekk ippreżentat ruħha l-problema ta’ għażla li kellha ssir bejn il-missjonijiet f’pajjiżi li kienu għadhom ma ġewx evanġelizzati u d-dmirijiet urġenti ta’ apostolat fil-pajjiżi tal-kristjanità antika.

4. Il-kwistjoni ma tistax ssolvi ruħha bl-għażla tat-tieni alternattiva, meħudha b’mod assolut, b’detriment għal tal-ewwel. Huwa minnu li fil-“pajjiżi tal-kristjanità antika” il-bżonn ta’ evanġelizzazzjoni ġdida kien qiegħed jinħass, hemm “fejn gruppi sħaħ ta’ mgħammdin tilfu s-sens ħaj tal-fidi, jew saħansitra ma kinux qegħdin jingħarfu aktar bħala membri tal-Knisja, billi kienu qegħdin jgħaddu eżistenza bogħod minn Kristu u mill-Vanġelu tiegħu” (Redemptoris Missio, 33). Bdanakollu l-attività missjunarja speċifika tibqà irrinunċjabbli u għandha ssir fit-territorji fejn il-Knisja għadha ma ġietx stabbilita, jew li fiha n-numru tal-insara huwa żgħir ħafna. Hemm bżonn li l-messaġġ evanġeliku jitwassal għall-għarfien ta’ kulħadd u l-istess komunitajiet tal-insara, avolja fjorixxenti u eżemplari, għandhom ikunu kapaċi li jeżerċitaw influss benefiku fuq id-drawwiet u fuq l-istituzzjonijiet, permezz ta’ djalogu profitabbli mal-gruppi u l-komunitajiet l-oħra.

Bħal ma ġigħelt li jkun osservat fl-Enċiklika kkwotata, “in-numru ta’ dawk li jinjoraw lil Kristu, u ma jiffurmawx parti mill-Knisja, qiegħed kull ma jmur jiżdied, anzi minn tmiem il-Konċilju kważi rdoppja” (Redemptoris Missio, 3). Dan jiddependi mill-fatt li fuq il-linja tal-iżvilupp tal-popolazzjoni dinjija, il-porzjon kwantitattiv ta’ dawk mhux insara żdied b’mod notevoli f’reġġjonijiet demografiċi magħrufa u minħabba stabbilità maġġuri fil-konservazzjoni ta’ elementi reliġjużi kważi inerenti mal-kulturi.

5. Rigward imbagħad għar-rapport bejn attività missjunarja u politika kolonizzatriċi ta’ xi pajjiżi, jeħtieġ nanalizzaw b’serenità u kjarezza l-fatti, li minnhom jirriżulta li, jekk f’xi każijiet il-koinċidenza jistà jkun li wasslet għal imġibiet terribbli min-naħa tal-missjunarji fir-riferenza għan-nazzjonijiet tal-oriġni jew fil-kollaborazzjoni mal-poteri lokali, li minnhom iżda mhux dejjem kien faċli li ma tagħtix kashom, madankollu l-attività evanġelizzatriċi meqjusa fil-globalità tagħha dejjem iddistingwiet ruħha għal skop differenti ħafna minn dak tal-potenzi terreni: il-promozzjoni tad-dinjità personali tal-bnedmin evanġelizzati, li twassalhom biex jidħlu fil-filjazzjoni divina ipprovduta għal kull bniedem minn Kristu u kkomunikata lill-fidili fil-magħmudija. Infatti, dan iffavorixxa b’mod ġenerali l-progress ta’ dawk il-popli lejn il-libertà u l-iżvilupp tagħhom ukoll fuq il-pjan ekonomiku-soċjali. Il-missjunarji aġixxew minħabba l-istima li kellhom lejn il-bnedmin għaliex kienu persuni maħbuba minn Alla u mifdijin minn Ġesù Kristu.

Illum bħall-bieraħ l-attività tagħhom fost popli jew gruppi li fihom il-Knisja għadha mhix preżenti u operanti ma tweġibx għal miri ta’ poteri u interessi, linqas mhi ispirata mill-kburija ta’ superjorità kulturali u soċjali. Trid għall-kuntrarju tkun – u fir-realtà hija – servizz umli ta’ mħabba lejn dawk li għadhom ma rcivewx d-dawl u l-ħajja ta’ Kristu fl-isfera tal-Knisja  (Ecclesia), minnu mixtieqa u mwaqqfa għas-salvazzjoni tad-dinja kollha.

Il-Konċilju jagħraf ukoll li hemm xi sitwazzjonijiet li fihom l-attività missjunarja trid tillimita ruħha għal preżenza diskreta, għaliex hija ma tistax tiżviluppa ruħha fi strutturi viżibilment organizzati u operanti (cf. Ad Gentes, 6). Forsi propju f’każijiet simili l-missjunarji għadhom jirrapreżentaw b’mod iktar ċar il-Knisja, mwaqqfa minn Kristu biex tippriedka l-Vanġelu u biex tibni ma’ kullimkien komunità ta’ salvazzjoni. Infatti hija hi dejjem iktar konxja tal-misteru tas-Salib, li, kultant, jinvolvi, bħal ma hu b’mod wiesà muri mill-istorja, l-istennija siekta  u kunfidenti tad-dawl tal-Għid.