126. L-Attività Missjunarja tibqa’ Urġenti


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 10/05/1995.

1. Ejjew inkomplu r-riflessjoni mibdija fil-katekeżi preċedenti rigward l-oġġezzjonijiet u d-dubji dwar il-valur tal-attività missjunarja, u speċjalment dwar il-għan evanġelizzatriċi.

Ma naqasx min ried jinterpreta l-azzjoni missjunarja bħala tentattiv ta’ impożizzjoni fuq konvinzjonijiet oħrajn u għażliet propji, f’kuntrast ma’ ċertu spirtu modern li joffri bħala konkwista assoluta definittiva l-libertà tal-ħsieb u tal-kuxjenza personali.

Skont tali prospettiva l-attività missjunarja għandha tiġi sostitwita minn djalogu interreliġjuż, li jikkonsisti fi bdil ta’ opinjonijiet u ta’ nformazzjonijiet, li bihom kull waħda mill-partijiet tgħarraf il-“kredu” propju u tistagħna bil-ħsieb ta’ ħaddieħor, mingħajr ebda preokkupazzjoni li tasal għal xi konklużjonijiet. Dan għandu jinvolvi – jgħidu, – min-naħa tal-insara iċ-caħda għall-indirizzar ta’ dawk mhux insara fit-triq tal-Vanġelu, l-astensjoni milli jipproponu jew jiffavorixxu l-konverżjoni, l-esklużjoni mill-prospettiva tal-magħmudija. Hekk tiġi rrispettata t-triq tas-salvazzjoni segwita minn kulħadd skont l-edukazzjoni u t-tradizzjoni reliġjuża propja (cf. Redemptoris Missio, 4).

2. Imma idea simili tidher inkompatibbli mal-mandat ta’ Kristu lill-Appostli (cf. Mt 28, 19-20; Mk 16, 15), trażmess lill-Knisja, u mal-ekkleżjoloġija awtentika li għaliha reġà fakkar il-Konċilju Vatikan II biex juri l-bżonn bla dubju tal-attività nisranija. Dawn huma xi veritajiet fundamentali: Alla jrid is-salvazzjoni ta’ kulħadd: Ġesù Kristu huwa “l-uniku medjatur”, li “ta lilu nnifsu għall-fidwa ta’ kulħadd” (1 Tm 2, 4-5), għalhekk “ma teżisti f’ħadd iktar is-salvazzjoni” (At 4, 12); huwa għalhekk bżonnjuż “li kulħadd idur lejh, wara li jkunu saru jafuh permezz tal-predikazzjoni tal-Knisja, u miegħu u mal-Knisja, ġismu, jingħaqdu b’mod ħaj permezz tal-magħmudija” (Ad Gentes, 7).

Il-Konċilju jagħmel referenza għall-kliem ta’ Ġesù Kristu dwar l-impenn irrinunċjabbli missjunarju afdat lill-Appostli. Huwa, waqt li jdaħħal b’mod espress il-bżonn tal-fidi u tal-magħmudija (cf. Mk 16, 16; Ġw 3, 5), fl-istess ħin ikkonferma r-rwol tal-Knisja, li fiha hu meħtieġ li nidħlu u nipperseveraw  jekk irridu nsalvaw (cf. Ad Gentes, 7). Dan il-bżonn tal-fidi milqugħa permezz tal-predikazzjoni tal-Knisja, sabiex insalvaw, mhuwiex biss  inferenza tejoloġika, imma huwa dutrina rivelata mill-Mulej. Minnha tiġi l-urġenza tal-azzjoni missjunarja għall-predikazzjoni tal-Vanġelu u għoti tal-magħmudija, li tassikura d-dħul fil-komunjoni tal-Knisja. Din id-dutrina tradizzjonali tal-Knisja tikxef l-inkonsistenza u s-superfiċjalitajiet ta’ atteġgjament relattivista u irenista, dwar it-triq tas-salvazzjoni f’reliġjon differenti minn dik imsejsa fuq il-fidi fi Kristu.

3. Bla dubju wieħed irid jemmen fl-eżistenza ta’ toroq sigrieti tal-pjan divin ta’ salvazzjoni għal dawk li mingħajr ħtija ma jistgħux jidħlu fil-Knisja; madankollu wieħed ma jistax, f’isem dawn it-toroq, inaqqas jew jabbanduna l-attività nisranija. Għal dan il-għan josserva l-Konċilju: “Għalkemm Alla, permezz ta’ toroq li huwa biss jaf jagħraf, jistà jwassal lill-bnedmin, li mingħajr ħtija tagħhom jinjoraw il-Vanġelu, għal dik il-fidi li mingħajrha huwa mpossibbli jogħġbuh   (Lh 11, 6), huwa madankollu dmir essenzjali tal-Knisja, u fl-istess ħin dritt sagrosant tagħha, li xxerred l-Vanġelu, sabiex l-attività missjunarja żżomm sħiħa – illum u dejjem – l-validità u l-bżonn tagħha” (Ad Gentes, 7).

4. Tal-“validità u l-bżonn” tal-azzjoni missjunarja l-Konċilju jispjega qabel kollox r-raġunijiet ekklesjoloġiċi, li jirrigwardaw il-ħajja nterna tal-Knisja. “Grazzi għall-attività missjunarja il-ġisem mistiku jiġbor u jmexxi bla ma jaqtà l-qawwiet tiegħu biex jippromwovi l-iżvilupp propju (cf. Ef 4, 11-16)”. Il- membri tal-Knisja, “animati mill-karità, jaqsmu mal-bnedmin kollha il-ġid spiritwali tal-ħajja preżenti u futura”. Alla jiġi gglorifikat għaliex grazzi għal dik l-attività “il-bnedmin jilqgħu f’forma konxja u sħiħa l-opra feddejja mwettqa minn Kristu”. Hekk jitwettaq il-pjan ta’ Alla li għalih ikkonsagra ruħu Kristu, jiġifieri “il-kostituzzjoni tal-ġeneru uman kollu fl-uniku poplu ta’ Alla, l-għaqda tiegħu mill-ġdid fl-uniku Ġisem ta’ Kristu, il-bini tiegħu fl-uniki tempju tal-Ispirtu Santu” (Ad Gentes, 7).

L-attività missjunarja twieġeb b’mod sħiħ għall-pjan tal-Ħallieq, imqiegħed fid-dawl mit-tradizzjoni patristika li għaliha jagħmel referenza l-Konċilju Vatikan II. Dan jattwa ruħu “meta dawk kollha li jieħdu sehem min-natura umana, riġenerati fi Keistu permezz tal-Ispirtu Santu, jkunu jistgħu jgħidu, waqt li b’armonija jdawru ħarsithom għall-ġlorja ta’ Alla: “Missierna””. Imma fl-istess ħin, l-evanġelizzazzjoni “twieġeb għax-xewqa intima tal-bnedmin kollha” (Ad Gentes, 7), li huma ftit jew wisq b’mod konxju – u nistgħu ngħidu – kważi b’mod istintiv, fittiexa ta’ Alla, ta’ armonija fraterna, ta’ paċi, ta’ ħajja eterna. L-attività missjunarja timmira preċiżament għal dan kollu.

5. Fost l-aspirazzjonijiet fundamentali tal-bniedem, li fuqhom l-attività missjunarja tal-Knisja twassal id-dawl tar-rivelazzjoni ta’ Kristu, hemm l-għarfien tal-verità dwaru stess u dwar id-destin propju. Jiddikjara l-Konċilju: “Minħabba l-fatt stess li tħabbrilhom lil Kristu, il-Knisja tirrivela lill-bnedmin b’mod ġenwin l-verità dwar il-kondizzjoni tagħhom u l-vokazzjoni integrali tagħhom, għaliex huwa Kristu l-bidu u l-eżempju tal-umanità l-ġdida, ta’ dik l-umanità mimlija mħabba fraterna, sinċerità, spirtu ta’ paċi, li kulħadd jixtieq b’mod sinċier. Kristu u l-Knisja, li lilu bil-predikazzjoni evanġelika tagħha tirrendi xhieda, jissuperaw il-partikolariżmi ta’ razza u nazzjonalità, sabiex ħadd u fl-ebda popst ma jkunu jistgħu jidhru barranin” (Ad Gentes, 8).

Jeħtieġ f’dan il-punt nirripetu dak li għalih tant drabi ġbidna l-attenzjoni: il-verità tal-Vanġelu mhix marbuta ma’ xi nazzjon partikolari jew kultura: din hija l-verità ta’ Kristu li ddawwal lil kull bniedem mingħajr distinzjoni ta tradizzjonijiet jew ta’ razez. Għal tali raġuni huwa meħtieġ li tkun imxandra lill-umanità kollha kemm hi: “Kristu huwa l-verità u l-ħajja, li l-predikazzjoni evanġelika tiżvela lil kulħadd  ” (Ad Gentes, 8).

6. Nistgħu nikkonkludu r-riflessjoni tallum billi nikkonfermaw ukoll għal żmienna l-validità sħiħa tal-missjonijiet u tal-attività missjunarja, bħala konkretizzazzjonijiet eċcellenti tal-missjoni tal-Knisja li tippridka lil Kristu Verb Inkarnat, Redentur tal-bniedem. Infatti, permezz tal-azzjoni missjunarja l-Knisja tapplika l-poter feddej tal-Mulej Ġesù għall-ġid integrali tal-bniedem, fi stennija u tħejjija tal-miġja ġdida tiegħu fid-dinja, fil-milja eskatoloġika tas-Saltna ta’ Alla. Dwar il-missjunarji nistgħu ntennu mill-ġdid illum dak li jiddikjara San Pawl, li kien mar Ruma bħala missjunarju: “Minn filgħodu sa filgħaxija kien jesponi b’għaqal kbir, billi jagħti x-xhieda tiegħu, is-Saltna ta’ Alla, billi jfittex li jikkonvinċihom fir-rigward ta’ Ġesù”  (At 28, 23). Fis-silta mill-Atti tal-Appostli qed nitkellmu dwar laqgħa mal-aħwa tal-komunità Lhudija ta’ Ruma. F’dik l-okkażjoni “xi wħud kienu qegħdin ikunu ipperswaduti, l-oħrajn ma kinux jemmnu” (At 28, 24). L-Appostlu iżda kien wasal b’mod definittiv għar-riżoluzzjoni kbira tiegħu: “Kunu afu mela li din is-salvazzjoni ta’ Alla tiġi issa mdawra fuq il-pagani, u huma jisimgħuha!!” (At 28, 28).

Nistgħu ngħidu li dakinhar beda f’Ruma, fid-dar mikrija minn Pawlu, stadju ġdid tal-iżvilupp tal-istorja tal-Kristjaneżmu: storja ta’ fidi, ta’ ċiviltà u ta’ valuri evanġeliċi, dejjem għanja u fertili għall-ġid tal-umanità.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb