133. Nagħrfu l-Importanza tat-Talb


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 26/07/1995.

1. Il-mixja ekumenika hija dover li l-fidili katoliċi u l-insara tal-Knejjes l-oħra u l-komunitajiet ekkleżjali jħossu b’mod ħaj.

Il-Konċilju Vatikan II għamel tiegħu din l-istanza u fid-Digriet Unitatis Redintegratio iffissa l-prinċipji ta’ ekumeniżmu san. Illum irrid infakkar il-linji essenzjali, waqt li nfakkar li dawn ġew iddikjarati mill-ġdid b’mod iktar partikolareġġjat, flimkien mal-orjentamenti prattiċi, fid- Direttorju għall-applikazzjoni tal-prinċipji u tan-normi dwar l-ekumeniżmu (Nuova edizione, Città del Vaticano 1993).

Quddiem din id-diviżjoni li titturmenta d-dinja nisranija għal sekli ma nistgħux nibqgħu bla ma niċċaqilqu. Kattolċi u mhux kattolċi ma jistgħux ma jħossux tbatija ntima meta josservaw il-firdiet tagħhom, hekk kontrastanti mal-kliem imnikket ta’ Kristu fl-Aħħar Ċena (cf. Ġw 17, 20-23). Bla dubju l-unità kostitwenti tal-Knisja mixtieqa mill-Fundatur qatt ma ġiet nieqsa: din tibqà, indistruttibbli, fil-Knisja kattolika, imwielda nhar Pentekoste bid-don tal-Ispirtu Santu lill-Appostli baqgħet fidila mal-linja dutrinali u komunitarja li tistrieħ fuq is-sies tar-Rgħajja leġittmi f’komunjoni mas-Suċċessur ta’ Pietru. Dan huwa fatt providenzjali, li fih id-dati storiċi huma minsuġin b’mod intimu mal-pedamenti tejoloġiċi, bħala konsegwenza tar-rieda ta’ Kristu. Imma ma nistgħux ninnegaw li fit-twettiq storiku, fl-imgħoddi bħal fil-preżent, l-unità tal-Knisja ma turix għal kollox la l-qawwa linqas l-estensjoni li, skont l-esiġenzi evanġeliċi li minnu tiddependi, jistgħu u għandhom ikunu.

2. Għalhekk, l-ewwel atteġġjament tal-insara li jfittxu din l-unità u jagħrfu d-distanza eżistenti bejn l-unità mixtieqa minn Kristu u dik imwettqa b’mod konkret, ma jistax ikun għajr dak li  jdawru għajnejhom lejn is-Sema biex jitolbu lil Alla dejjem stimuli ġodda għall-unità, taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu Santu. Skont l-indikazzjonijiet tal-Konċilju irridu qabel kollox nagħrfu l-valur essenzjali tat-talb għall-unità. Dan infatti ma jirriduċix ruħu għal sempliċi forma ta’ qbil jew fehim uman tajjeb. Ġesù talab lill-Missier unità ta’ dawk li jemmnu immudellata fuq il-komunjoni divina li għaliha Hu u l-Missier, fl-għaqda mal-Ispirtu Santu, huma “ħaġa waħda” (Ġw 17, 20-21). Din hija mira li tistà tintlaħaq biss bl-għajnuna tal-grazzja divina. Minn hawn il-bżonn tat-talb.

Minn banda oħra, il-fatt ta’ kuljum li l-impenn ekumeniku jispjega ruħu f’kamp mimli diffikultajiet iġiegħlek tħoss b’mod iktar ħaj l-insuffiċjenza umana u l-urġenza tar-rikors fiduċjuż għall-omnipotenza divina. Dan huwa dak li nuru b’mod speċjali fil-Ġimgħa li tiġi ddedikata kull sena għat-talb għall-unità tal-insara: Dan huwa qabel kollox waqt ta’ talb iktar intens, Huwa minnu li tali inizjattiva mportanti tiffavorixxi wkoll studji, laqgħat, bdil ta’ ideat u ta’ esperjenzi, imma l-iskop ewlieni jibqà dejjem it-talb.

Ukoll f’bosta okkażjonijiet oħra l-għaqda ta’ dawk li jemmnu tikkostitwixxi l-oġġett tat-talb tal-Knisja. Anzi jmissna nfakkru li fil-waqt kulminanti ta’ kull Ċelebrazzjoni ewkaristika, ftit qabel it-tqarbin, is-saċerdot jagħmel lill-Mulej t-talba għall-għaqda u l-paċi tal-Knisja.

3. Il-kontribut l-ieħor li l-Konċilju jitlob minn kull nisrani huwa l-impenn attiv għall-unità. L-ewwelnett bil-ħsieb u l-kelma: il-kattolċi huma mħeġġa biex jagħmlu “l-isforzi kollha biex jeliminaw kliem, preġudizzji u opri li ma jirriflettux b’sens ġust u verità l-kundizzjoni tal-aħwa mifruda u għalhekk jirrendu iktar diffiċli r-relazzjonijiet mutwi magħhom” (Unitatis Redintegratio, 4). Waqt li ntenni tali rakkomandazzjoni mportanti, inħeġġeġ lil kulħadd biex jegħleb il-preġudizzji u biex jassumi atteġġjament ta’ karità ħajja u ta’ stima sinċiera, waqt li jagħmlu l-aċċent fuq l-elementi tal-unità, pjuttost milli fuq dawk tal-firda, bla preġudizzji fuq id-difiża tal-wirt sħiħ mgħoddi mill-Appostli.

Huwa meħtieġ ukoll li nieħdu ħsieb id-djalogu għal għarfien mutwu aħjar. Jekk dan isir bejn esponenti imħejjija b’mod kif imiss (cf. Lettera enciclica Ut unum sint, 81), dan jistà jiffavorixxi tkabbir tal-istima u fehim reċiproċi bejn id-diversi Knejjes u komunjonijiet u “kollaborazzjoni iktar wiesgħa fi kwalunkwè dmir mitlub minn kull kuxjenza nisranija għall-ġid komuni” (Unitatis Redintegratio, 4).

Fil-bażi tad-djalogu ta’ kull inizjattiva ekumenika oħra għandu jkun hemm dispożizzjoni lejali u koerenti biex ikunu magħrufa l-manifestazzjonijiet tal-grazzja fl-aħwa li għadhom mhumiex f’komunjoni sħiħa magħna. Bħal ma jiddetta l-Konċilju, “huwa meħtieġ li l-kattolċi bil-ferħ jagħrfu u jistmaw l-valuri tassew insara, obbligatorji mill-wirt komuni, li jinsabu għand l-aħwa mifrudin minna (Unitatis Redintegratio, 4). Madankollu, “f’din il-mixja qalbiena lejn l-unità, il-luċidità u l-prudenza tal-fidi jimponu fuqna li nevitaw l-ireniżmu falz u n-nuqqas tan-normi tal-Knisja” (Lettera enciclica Ut unum sint, 79). Li niskopru u li nagħrfu l-ġid. Il-virtù, il-ħerqa għal grazzja dejjem ikbar, preżenti fil-Knejjes l-oħra, iservi wkoll għall-bini tagħna.

4. Biex ikun awtentiku u fruttuż, l-ekumeniżmu jitlob, ukoll min-naħa tal-fidili kattolċi xi dispożizzjonijiet fundamentali. Qabel kollox il-karità, b’ħarsa sħiħa ta’ simpatija u xewqa ħajja ta’ koperazzjoni, fejn hu possibbli, mal-aħwa tal-Knejjes l-oħra jew Komunitajiet ekkleżjali. Fit-tieni post il-fedeltà lejn il-Knisja kattolika, għalkemm bla ma ninjoraw linqas ninnegaw in-nuqqasijiet murija mill-imġieba ta’ ċerti membri tagħha. Fit-tielet post l-ispirtu ta’ dixxerniment, biex napprezzaw dak li huwa tajjeb u denju ta’ tifħir.

Fl-aħħarnett, hija mitluba rieda sinċiera ta’ purifikazzjoni u ta’ tiġdid, kemm permezz tal-impenn personali orjentat lejn il-perfezzjoni nisranija, kif ukoll billi nikkontribwixxu, “kull wieħed skont il-kondizzjoni tiegħu li jagħmel iva li l-Knisja, waqt li ġġorr f’ġisimha l-umiltà u l-mortifikazzjoni ta’ Kristu (cf. 2 Kor 4, 10; Fil 2, 5-8), minn jum għal jum tippurifika u ġġedded lilha nfisha, sakemm Kristu jġibha tidher quddiemna tlellex bil-glorja, mingħajr tebgħa jew tikmixa” (cf. Ef 5, 27) (Unitatis Redintegratio, 4).

5. Din mhix prospettiva utopistika: it-twettiq tagħha jistà u għandu jseħħ minn jum għal jum, seklu għal seklu, persuna għal persuna ikun xi jkun it-tul tal-istorja u l-varjetà tal-ġrajjiet tagħha, ‘il- biċċa l-kbira mprevedibbli. F’din il-prospettiva jimxi l-ekumeniżmu, li għahekk isib postu f’kuntest iktar wiesà  meta mqabbel ma’ dak tal-problema tal-adeżjoni individwali għall-Knisja kattolika min-naħa ta’ persuni ndividwali ġejjin minn komunitajiet insara oħra, li t-tħejjija u r-rikonċiljazzjoni tagħhom mhix f’kuntrast mal-inizjattiva ekumenika, ladarba “il-waħda u l-oħra ġejjin mid-dispożizzjoni tal-għaġeb ta’ Alla” (Unitatis Redintegratio, 4).

Nikkonkludu mela l-katekeżi preżenti bit-tama u l-eżortazzjoni li lkoll, fil-Knisja, nafu ngħassu l-unità fil-ħwejjeġ meħtieġa u ngawdu mil- libertà ġusta ta’ riċerka, ta’ djalogu, ta’ konfront, ta’ kollaborazzjoni ma’ dawk kollha li jipprofessaw lil Ġesù Kristu Sidna. Ilkoll nikkonservaw dejjem il-karità, li tibqà dejjem l-aħjar manifestazzjoni tar-rieda li nipperfezzjonaw l-espressjoni storika tal-unità u tal-kattoliċità tal-Knisja.