134. L-Unità tittawwal minn tiġdid kontinwu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 02/08/1995.

1. Fil-katekeżi preċedenti enfasizzajna kif il-Konċilju Vatikan II jindika t-talb bħala dmir ewlieni inevitabbli tal-insara li tassew feħsiebhom jimpenjaw ruħhom għat-twettiq sħiħ tal-unità mixtieqa minn Kristu.

Il-Konċilju jżid li l-moviment ekumeniku “jimpenja l-Knisja kollha, kemm il-fidili kif ukoll ir-Rgħajja” kull wieħed skont il-ħila propja, tant fil-ħajja nisranija ta’ kuljum, kif ukoll fl-istudji tejoloġiċi u storiċi (cf. Unitatis Redintegratio, 5). Dan ifisser li r-responsabiltà f’tali qasam jistà u għandu jitqies f’diversi livelli. Din tinvolvi l-insara kollha imma, kif dak li jkun jistà jimmaġina, timpenja xi wħud, bħal ngħidu aħna t-tejoloġi u l-istoriċi, b’mod għal kollox speċjali. Diġa għaxar snin ilu osservajt li “hemm bżonn nuru f’kollox il-premura li hemm bżonn niffaċċjaw dak li ħutna nsara, b’mod leġittimu jixtiequ u jistennew minna,  billi naf il-mod kif jaħsbuha u s-sensibiltà tagħhom… Hemm bżonn li d-doni ta’ kull wieħed jiżviluppaw ruħhom għall-użu u għall-vantaġġ ta’ kulħadd” (Insegnamenti di Giovanni Paolo II, VIII/1 [1985] 1991).

2. Nistgħu nelenkaw il-linji ewlenin li l-Konċilju ppropona li għandna naqbdu fl-azzjoni ekumenika. Huwa jfakkar qabel kollox l-bżonn ta’ tiġdid kontinwu. “Il-Knisja pellegrina – jiddikjara – hija msejħa minn Kristu għal riforma kontinwa ta’ dak, li minħabba li hi istituzzjoni umana u terrena, li dejjem għandha bżonn” (Unitatis Redintegratio, 6). Din hija riforma li tirrigwarda kemm id-drawwiet kif ukoll id-dixxiplina. Wieħed jistà jżid li tali bżonn jiġi minn fuq, jew aħjar mill-istess dispożizzjoni divina li tpoġġi lill-Knisja fi stat ta’ żvilupp permanenti. Dan jinvolvi aġġustament għaċ-ċirkustanzi storiċi, imma wkoll u b’mod speċjali l-progress fit-twettiq tal-vokazzjoni tagħha bħala tweġiba dejjem iktar adegwata għall-esiġenzi tal-pjan feddej ta’ Alla.

Punt ieħor fundamentali huwa l-impenn tal-Knisja fli tagħraf in-nuqqasijiet u d-difetti li, minħabba d-dgħufija umana inikktu l-membri pellegrinanti tagħha tul l-istorja. Dan jgħodd b’mod speċjali għall-ħtijiet li, ukoll min-naħa tal-kattolċi, saru kontra l-unità. M’għandniex ninsew t-twissija ta’ Ġwanni: “Jekk ngħidu li m’għamilniex dnub, inkunu qegħdin ingiddbuh u kelmtu ma tkunx fina” (1 Gv 1, 10). Propju waqt li jirreferi għal din it-twissija, il-Konċilju jħeġġeġ: “Għalhekk b’talba umli nitolbu maħfra lil Alla u lil ħutna mifrudin, kif ikoll aħna naħfru lil min hu ħati għalina” (Unitatis Redintegratio, 7).

Ta’ mportanza kbira tirrivela ruħha, f’din il-mixja, il-purifikazzjoni tat-tifkira storika, ladarba “kull wieħed għandu jikkonverti b’mod iktar radikali għall-Vanġelu u għandu jibdel ħarstu, mingħajr qatt ma jitlef minn quddiem għajnejh l-pjan ta’ Alla” (Lettera enciclica Ut unum sint, 15).

3. Barra minn dan wieħed għandu wkoll jiftakar li l-armonija ma’ ħutna tal-Knejjes l-oħra u tal-komunitajiet ekkleżjali, kif mill-bqija mal-kumplament tal-proxxmu inġenerali, issib għeruqha fid-determinazzjoni li ngħaddu ħajja konformi ma’ Kristu. Tkun mela l-qdusija ta’ ħajja, assikurata mill-għaqda ma’ Alla permezz tal-grazzja tal-Ispirtu, li tirrendi possibbli u li tgħin biex tavanza wkoll l-unjoni tad-dixxipli kollha ta’ Kristu, ladarba l-unità hija don li jiġi mill-għoli.

Flimkien mal-“konverżjoni tal-qalb” u l-“qdusija ta’ ħajja”, jerġgħu jidħlu fl-azzjoni ekumenika wkoll it-“talb privat u pubbliku għall-unità tal-insara”, li normalment jinkuraġġixxu f’diversi ċirkustanzi u b’mod speċjali fl-okkażjoni ta’ konferenzi ekumeniċi. Dawn jirriżultaw tant iktar meħtieġa meta iktar ikunu nnutati d-diffikultajiet tul il-mixja lejn l-unità sħiħa u viżibbli. Wieħed hekk jifhem li mill-grazzja divina biss jistà jiġi progress reali lejn l-unità mixtieqa minn Kristu. Għalhekk huwa ta min ifaħħar kwalunkwè okkażjoni li fiha d-dixxipli ta’ Kristu jiltaqgħu biex jitolobu mingħand Alla d-don tal-unità.

Il-Konċilju jiddikjara li dan mhux biss huwa leċitu, imma wkoll desiderabbli (cf. Unitatis Redintegratio, 8). L-imġieba konkreta li għandha tinżamm fid-diversi ċirkustanzi – ta’ post, ta’ ħin u ta’ persuni – għandha tkun deċiża f’ sintonija mal-Isqof tal-post, fil-kuntest tan-normi mogħtija mill-Konferenzi episkopali u tas-Santa Sede (cf. Unitatis Redintegratio, 8; Direttorio ecumenico, 28-34).

4. B’impenn speċjali dak li jkun għandu jfittex li jagħraf aħjar kemm l-istat tal-moħħ, kif ukoll il-pożizzjonijiet dutrinali, spiritwali u liturġiċi tal-aħwa tal-Knejjes l-oħra jew Komunitajiet ekkleżjali. Għal-tali skop iservu l-konferenzi ta’ studju, mlaqqà “bis-sehem taż-żewġ partijiet, biex jiffaċċjaw b’mod speċjali l-kwistjonijiet tejoloġiċi, fejn kull wieħed jiddilja b’mod indaqs, sakemm dawk li jieħdu sehem taħt il-viġilanza tal-Isqfijiet ikunu tassew esperti” (Unitatis Redintegratio, 9). Dawn il-laqgħat ta’ studju għandhom ikunu animati mix-xewqa li jaqsmu l-ġid tal-Ispirtu u tal-għarfien għal skambju effettiv tad-doni fid-dawl tal-verità ta’ Kristu u bil-moħħ tassew dispost (cf. Unitatis Redintegratio, 9). Metodoloġija animata mill-passjoni għall-verità fil-karità titlob minn dawk kollha li jieħdu sehem impenn triplu ta’ espożizzjoni sewwa tal-pożizzjoni propja, bi sforz ta’ feħim tal-oħrajn, u tiftix tal-punti tal-armonija.

Ukoll in vista ta’ dawn il-forom ta’ azzjoni ekumenika, il-Konċilju jirrakkomanda li t-tagħlim tat-tejoloġija u tad-dixxiplini l-oħra, b’mod speċjali storiċi, jsir “ukoll taħt l-aspett ekumeniku” (Unitatis Redintegratio, 10). Dan jevita l-istil polemiku u minflok juri tendenza li turi l-konverġenzi u  d-diverġenzi li jeżistu bejn il-partijiet differenti b’mod li jimplimenta u jippreżenta l-veritajiet tal-fidi. Huwa evidenti li l-fermezza fil-fidi definita ma tiġix ixxukkjata, kemm-il darba adeżjoni sinċiera mal-Knisja tkun a bażi tal-metodoloġija ekumenika segwita fl-opra ta’ formazzjoni.

5. Fuq din l-istess bażi għandhom jistrieħu l-modalitajiet tad-djalogu. Fih id-dutrina kattolika għandha tkun esposta b’ċarezza fl-integralità tagħha: “Xejn mhu aktar aljen mill-ekumeniżmu daqs dak l-ireniżmu falz, li minnu tasal biex tbati l-purezza tad-dutrina kattolika u jiġi mdallam is-sens tagħha ġenwin u preċiż” (Unitatis Redintegratio, 11).

L-impenn tat-tejoloġi għandu mela jkun dak li jispjegaw il-fidi kattolika bi profondità u eżattezza. Huma għndhom jipproċedu “bi mħabba tal-verità, b’karità u umiltà  ”.

Barra minn hekk, meta jiġu kkonfrontati d-duttrini, għandna niftakru – kif jirrakkomanda l-Konċilju – “li teżrsti ordni jew “ġerarkija” fil-veritajiet tad-dutrina kattolika, billi hija differenti l-konnessjoni tagħhom mill-pedament tal-fidi nisranija” (Unitatis Redintegratio, 11). Fuq dan il-punt importanti għandhom ikunu mħejjija sewwa u kapaċi jiddixxernaw r-riferenza li t-teżi differenti u l-istess artikoli tal-Kredu għandhom maż-żewġ veritajiet fundamentali tal-Kristjaneżmu it-Trinità u l-Inkarnazzjoni Tal-Verb Bin Alla  “propter nos homines et propter nostram salutem”. It-tejoloġi kattoliċi ma jistgħux iqiegħdu ruħhom f’toroq li jikkuntrastaw mal-fidi apostolika, mgħallma mis-Santi Padri u mill-ġdid ikkonfermata mill-Konċilji. Huma għandhom dejjem jitilqu mill-aċċettazzjoni umli u sinċiera tal-eżortazzjoni mtenniha mill-Konċilju propju dwar d-djalogu ekumeniku: L-insara kollha jipprofessaw quddiem il-popli kollha l-fidi f’Alla wieħed u tlieta, fl-Iben ta’ Alla inkarnat, Redentur u Sidna” (Unitatis Redintegratio, 12).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb