135. Il-Vatikan II faħħar t-Tradizzjonijiet tal-Lvant


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 09/08/1995.

1. F’tema ta’ ekumeniżmu huwa importanti b’mod partikolari dak li jiddikjara l-Konċilju Vatikan II dwar ir-rapporti bejn il-Knejjes tal-Lvant ortodossi u l-Knisja kattolika: li jiġifieri s-separazzjoni attwali ma tistax tnessi l-mixja twila mwettqa flimkien, f’isem il-fedeltà għall-wirt apostoliku komuni.

“Il-Knejjes tal-Lvant u tal-Punent segwew tul mhux ftit sekli triq propja, magħqudin iżda mill-komunjoni fraterna tal-fidi u tal-ħajja sagramentali, waqt li ntervenew bħala moderatriċi b’kunsens komuni s-Sede Romana  kull meta qam bejniethom nuqqas ta’ ftehim dwar il-fidi u d-dixxiplina” (Unitatis Redintegratio, 14). Matul dak il-perijodu storiku, il-Knejjes tal-Lvant kellhom il-mod propju kif jiċcelebraw u jesprimu l-misteru tal-fidi komuni, u kif isegwu d-dixxiplina. Tali differenzi leġittumi ma kinux ifixklu li jkun aċċettat il-ministeru afdat lil Pietru u lis-suċċessuri tiegħu.

2. Matul il-mixja mwettqa flimkien, il-Punent irċieva bosta mil-Lvant fil-qasam tal-liturġija, tat-tradizzjoni spiritwali, tal-ordni ġuridiku. Barra minn dan, “id-dommi fundamentali tal-fidi nisranija – tat-Trinità u tal-Verb ta’ Alla nkarnat minn Marija Verġni – kienu definiti f’Konċilji ekumeniċi ċċelebrati fil-Lvant” (Unitatis Redintegratio, 14). L-iżvilupp dutrinali, li kien hemm fil-Lvant fl-ewwel sekli, kien deċiżiv għall-formulazzjoni tal-fidi universali tal-Knisja. Hawn nixtieq infakkar b’qima profonda d-dutrina definita minn diversi Konċilji ekumeniċi tal-ewwel sekli: il-konsustanzjalità tal-Iben għall-Missier, f’Niċea fis-sena 325; id-divinità tal-Ispirtu Santu fl-ewwel Konċilju ta’ Kostantinopli ċċelebrat fis-sena 381; il-maternità divina ta’ Marija, f’Efesu fis-sena 431; L-unità tal-persuna u d-duwaliżmu tan-natura fi Kristu, f’Kalċedonju fis-sena 451. Minn dan il-kontribut fundamentali u definittiv għall-fidi nisranija għandhom jitilqu l-iżviluppi tematiċi li jippermettu li nesploraw dejjem aħjar l-“għana bla qies” tal-misteru ta’ Kristu (cf. Ef 3, 8).

Il-Konċilju Vatikan II evita li nerġgħu lura fuq iċ-ċirkustanzi tas-separazzjoni, kif ukoll li nieqfu fuq il-valutazzjoni taċ-ċanfir mutwu. Huwa biss iġegħelna ninnutaw li l-wirt identiku rċevut mingħand l-Appostli kien hawn u hemm żviluppat b’mod varju fil-Lvant u fil-Punent, “ukoll minħabba d-differenza tal-mentalità u tal-kondizzjonijiet tal-ħajja” (Unitatis Redintegratio, 14). Dan ħoloq diversi diffikultajiet li, “barra mill-kawżi barranin, ukoll minħabba nuqqas ta’ fehim mutwu u karità, fetħu t-triq għall-firda” (Unitatis Redintegratio, 14). It-tifkiriet tal-paġni dolorużi tal-imgħoddi, għandhom minflok jissakkru f’gaġġa ta’ rekriminazzjonijiet u polemiċi, u jistimulaw għal fehim reċiproku u karità fil-preżent kif ukoll fil-ġejjieni.

3. F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza il-konsiderazzjoni kbira li l-Konċilju juri għat-teżori spiritwali tal-Lvant, ibda minn dawk marbutin tal-Liturġija sagra. Il-Knejjes tal-Lvant iwettqu l-atti liturġiċi b’ħafna mħabba. Dan jgħodd b’mod speċjali għaċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika, li fiha aħna lkoll imsejħa biex niskopru dejjem aħjar s-“sors tal-ħajja tal-Knisja u s-sikurezza tal-ħajja futura” (Unitatis Redintegratio, 15). Fiha “il-fidili, magħquda mal-Isqof, għandhom aċċess għal Alla Missier permezz tal-Iben, Verb inkarnat, mejjet u gglorifikat fl-effużjoni tal-Ispirtu Santu, u jidħlu f’komunjoni mat-Trinità Qaddisa, waqt li jsiru “parteċipi tan-natura divina” (2 Pt 1, 4). Hekk il-Knisja ta’ Alla hija mibnija u tikber fil-Knejjes individwali” (Unitatis Redintegratio, 15).

Id-Digriet dwar l-ekumeniżmu jfakkar imbagħad id-devozzjoni ta’ dawk tal-Lvant lejn Marija, id-dejjem Verġni, Omm Alla, mgħolliha b’innijiet tal-għaġeb. Il-kult iddedikat lit-Theotokos idawwal l-importanza essenzjali ta’ Marija fl-opra tal-fidwa u jdawwal ukoll is-sens u l-valur tal-qima mogħtija lill-qaddisin. Id-digriet fl-aħħarnett jirriserva aċċenn speċjali għat-tradizzjonijiet spiritwali u b’mod speċjali għal dawk tal-ħajja monastika, waqt li josserva li minn dan is-sors “issib l-oriġni tagħha r-regola monastika tal-Latini, u li wara rċeviet minn żmien għal żmien ħeġġa ġdida” (Unitatis Redintegratio, 15).

Il-kcontribut tal-Lvant għall-ħajja tal-Knisja ta’ Kristu kien u jibqà mportanti ħafna. Għalhekk il-Konċilju jħeġġeġ lill-kattolċi sabiex ikunu jafu “li l-għarfien, il-qima, il-konservazzjoni u s-sustinament tal-wirt liturġika u spiritwali għani ta’ dawk tal-Lvant huwa tal-ikbar importanza għall-kura fidila tat-tradizzjoni nisranija integra u għar-rikonċiljazzjoni tal-Insara tal-Lvant u tal-Punent” (Unitatis Redintegratio, 15). B’mod speċjali, il-kattolċi huma mistiedna “biex jidħlu iktar spiss fl-għana tas-Santi Padri tal-Lvant” fit-tradizzjoni tal- ispiritwalità li “tittrasporta l-bniedem kollu għall-kontemplazzjoni tal-ħwejjeġ divini” (Unitatis Redintegratio, 15).

4. Dwar l-aspetti tal-interkomunikazzjoni, id-Direttorju ekumeniku riċenti jikkonferma u jispeċifika kemm kien diġa stabbilit mill-Konċilju, jew aħjar li ċerta interkomunikazzjoni hija possibbli, ladarba l-Knejjes tal-Lvant għandhom sagramenti veri, b’mod speċjali s-Saċerdozju u l-Ewkaristija.

Dwar dan il-punt delikat ġew addottati indikazzjonijiet speċifiċi, li skonthom kull kattoliku meta jkun impossibbli għalih li jsib saċerdot kattoliku, jistà jirċievi mill-ministru ta’ Knisja tal-Lvant is-sagramenti tal-Qrar, tal-Ewkaristija u tal-Griżma tal-Morda (Direttorio, 123). B’mod reċiproku, il-ministri kattolċi jistgħu b’mod leċitu jamministraw is-sagramenti tal-Qrar, tal-Ewkaristija u tal-Griżma tal-Morda lill-insara tal-Lvant li jitolbuhomlhom. Dak li jkun iżda għandu jevita kull forma ta’ azzjoni pastorali li ma tkunx għal kollox rrispettuża tad-dinjità u tal-libertà tal-kuxjenzi (Direttorio, 125). Ukoll f’każijiet speċifiċi huma previsti u ddixxiplinati forom ta’ komunikazzjoni fil-ħwejjeġ sagri, fi preżenza ta’ sirwazzjonijiet konkreti partikolari.

F’dan il-kuntest irrid nibgħat tislima kordjali lil dawk il-Knejjes tal-Lvant li jgħixu f’komunjoni sħiħa mal-Isqof ta’ Ruma, minkejja li jżommu t-tradizzjonijiet antiki tagħhom liturġiċi, dixxiplinari u spiritwali. Huma jġorru xħieda partikolari favur dik id-diversità fl-unità li tikkontribwixxi għas-sbuħija tal-Knisja ta’ Kristu. Il-missjoni lilhom afdata hija, illum iktar minn qatt qabel, dik li jaqdu għall-unità mixtieqa minn Kristu għall-Knisja tiegħu, waqt li jieħdu sehem “fid-djalogu tal-karità u fid-djalogu tejoloġiku, kemm fuq il-livell lokali kif ukoll fuq il-livell universali, waqt li b’dan il-mod jikkontribwixxu għall-fehim reċiproku” (Lettera enciclica Ut unum sint, 60).

5. Skont il-Konċilju, “il-Knejjes tal-Lvant, konxji mill-unità meħtieġa tal-Knisja kollha għandhom awtorità li jirregolaw ruħhom skont id-dixxiplini propji” (Unitatis Redintegratio, 16). Hemm ukoll differenza leġittma fit-trażmissjoni tal-unika dutrina rċevuta mingħand l-Appostli. Il-formuli differenti tejoloġiċi tal-Lvant u tal-Punent mhijiex ħaġa ta’ barra minn hawn li spiss jaqblu, iktar milli pjuttost jopponu lil xulxin. Il-Konċilju jinnota wkoll li t-tradizzjonijiet tejoloġiċi awtentiċi ta’ dawk tal-Lvant għandhom “għeruqhom b’mod eċċellenti fl-Iskrittura Mqaddsa” (Unitatis Redintegratio, 17).

Hemm bżonn mela li nifhmu dejjem iktar dak li l-Konċilju jgħallem u jirrakkomanda fuq ir-rispett tal-Knejjes tal-Lvant fl-użanzi tagħhom, fid-drawwiet u fit-tradizzjonijiet spiritwali tagħhom. Bihom hemm bżonn li nimmiraw li jkollna rapporti ta’ karità sinċiera u ta’ kollaborazzjoni fruttuża, f’fedeltà sħiħa għall-verità. Ma nistgħux ma naqsmux u ntennu t-tama li “tikber il-kollaborazzjoni fraterna magħhom, fi spirtu ta’ karità u billi nwarrbu kull sentiment ta’ rivalità kontenzjuża” (Unitatis Redintegratio, 18). Iva, jalla l-Mulej tassew jagħtina dan, bħala don ta’ imħabbtu għall-Knisja ta’ żmienna!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb