8. L-unità oriġinarja tar-raġel u tal-mara fl-umanità

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 07/11/1979.

1. Il-kliem tal-ktieb tal-Ġenesi, “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu” (Ġen 2:18), huwa kważi preludju għar-rakkont tal-ħolqien tal-mara.

Flimkien ma’ dan ir-rakkont, is-sens tas-solitudni oriġinarja isir parti mill-unità oriġinarja, li l-punt ewlieni tagħha donnu li huwa proprju l-kelmiet ta’ Ġenesi 2:24. Kristu rrefera għalihom fid-djalogu tiegħu mal-Fariżej: “ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn ikunu ġisem wieħed” (Mt 19:5). Jekk Kristu kkwota dawn il-kelmiet filwaqt li rrifera għall-“bidu”, xieraq hawn li niċċaraw it-tifsira ta’ dik l-unità oriġinarja li għandha għeruqha fil-fatt tal-ħolqien tal-bniedem bħala raġel u mara.

Ir-rakkont tal-ewwel kapitolu tal-Ġenesi ma jagħrafx il-problema tas-solitudni oriġinarja tal-bniedem. Infatti l-bniedem sa mill-bidu huwa “raġel u mara”. Għall-kuntrarju, it-test Jaħwista tat-tieni kapitlu jawtorizzana, b’xi mod, sabiex għall-ewwel naħsbu biss fuq il-bniedem minħabba li, permezz tal-ġisem tiegħu, huwa jappartjeni lid-dinja viżibbli, imma jmur lil hinn minnha. Imbagħad, iġegħelna naħsbu dwar l-istess bniedem, imma permezz tad-dualiżmu tas-sess.

Il-korporjetà u s-sesswalità mhumiex identifikati irwieħhom għal kollox. Għalkemm il-ġisem uman, fil-binja normali tiegħu, għandu fih is-sinjali tas-sess u huwa, min-natura tiegħu, maskil u femminil, madankollu il-fatt li l-bniedem huwa “ġisem”, jappartjeni għall-istruttura tas-suġġett personali b’mod iktar profond mill-fatt li, fil-binja somatika tiegħu,  huwa wkoll raġel u mara. Għalhekk is-sinifikat tas-“solitudni oriġinarja”, li jistà jkun irriferut sempliċement għall-“bniedem”, sostanzjalment jiġi qabel is-sinifikat tal-unità oriġinarja. Din tal-aħħar infatti hija bbażata fuq il-maskilinità u l-femminilità, bħalli kieku żewġ “inkarnazzjonijiet” differenti, jiġifieri fuq żewġ modi ta’ “kif jista jkun il-ġisem” tal-bniedem maħluq “xbieha ta’ Alla” (Ġen 1:27).

Id-Djalogu bejn il-bniedem u Alla-Ħallieq

2. Waqt li nsegwu t-test Jaħwista, li fih il-ħolqien tal-mara huwa deskritt separatament (Ġen 2:21-22), fl-istess ħin irridu nżommu quddiem għajnejna,, dik ix-“xbiha ta’ Alla” tal-ewwel rakkont tal-ħolqien. It-tieni rakkont iżomm, fil-lingwaġġ u fl-istil, il-karatteristiċi kollha tat-test Jaħwista. Il-mod tal-irrakkontar jaqbel mal-mod ta’ kif wieħed kien jaħseb u jesprimi ruħu f’dak il-perijodu li għalih jappartjeni t-test.

Jekk insegwu l-filosofija tar-reliġjon u dik tal-lingwaġġ ta’ dak iż-żmien, nistgħu ngħidu li l-lingwaġġ użat hu wieħed mitiku. F’dan il-każ, it-terminu “mit” ma jindikax kontenut tal-ħrejjef, imma sempliċement mod arkajku ta’ kif wieħed jesprimi kontenut iktar profond. Niskopru dan il-kontenut bla ebda diffikultà taħt is-saff ta’ rakkont antik.  Hu verament meraviljuż f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalitajiet u l-konsiderazzjoni għall-veritajiet li jinsabu fih.  Irridu nżidu li, sa ċertu punt, it-tieni rakkont tal-ħolqien tal-bniedem għandu forma ta’ djalogu bejn il-bniedem u Alla-Ħallieq.  Dan jidher l-aktar f’dik il-parti li fiha l-bniedem (adam) jiġi maħluq b’mod definit bħala raġel u mara (is-issah)[1] . Il-ħolqien iseħħ f’żewġ dimensjonijiet kważi fl-istess ħin: l-azzjoni ta’ Alla-Jahwè li joħloq issir f’korrelazzjoni mal-proċess tal-għarfien uman.

3. Hekk, mela, Alla-Jahwè jgħid: “Mhux sew li l-bniedem jibqà waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih” (Ġen 2,18). U fl-istess ħin il-bniedem jikkonferma is-solitudni propja tiegħu (Ġen 2,20). Wara dan, naqraw: “U l-Mulej Alla tefa’ nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U ħadlu waħda minn kustiljih u flokha mlieh bil-laħam. U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja li kien ħa mill-bniedem, f’mara.” (Ġen 2,21-22). Jekk se nagħrblu il-lingwaġġ speċifiku, qabel xejn irridu nagħrfu li, fir-rakkont tal-Ġenesi, ir-raqda li jorqod il-bniedem – bil-ħidma ta’ Alla-Jahwè – bi tħejjija għal att ġdid ta’ ħolqien, għandha tagħtina x’naħsbu.  Fuq l-isfond tal-mentalità kontemporanja, mdorrija – permezz tal-analiżi tas-subkonxju – li torbot mad-dinja tan-ngħas xi kontenut sesswali, dik ir-raqda tista’ twassal għal assoċjazzjoni partikulari.[2].

Madankollu, ir-rakkont bibliku donnu li jmur iktar ’il hemm mid-dimensjoni tas-subkonxju uman.  Jekk imbagħad nammettu li hemm differenza sinifikattiva ta’ vokabularju, nistgħu naslu biex jikkonkludu li l-bniedem (“ adam”) jaqa’ f’dik in-“nagħsa” biex minnha jqum “maskil” u “femminil”.  Infatti, aħna niġu wiċċ imb wiċċ mad-distinzjoni “ is-issah” għall-ewwel darba f’ Ġenesi 2:23.  Jistà jkun, mela, li hawn l-analoġija tal-irqad  tindika mhux tant il-mogħdija mill-konxju għas-subkuxju, daqskemm ir-ritorn speċifiku għan-non-eżistenza (l-irqad għandu fih komponent li jeqred l-eżistenza kuxjenti tal-bniedem), jiġifieri għall-mument ta’ qabel il-ħolqien, sabiex, permezz tal-inizjattiva ħallieqa ta’ Alla, il-bniedem” solitarju jkun jistà jqum minn din ir-raqda fl-unità doppja tiegħu bħala maskil u femminil[3]

Madanakollu fid-dawl tal-kuntest tal-Ġenesi 2:18-20, m’hemm ebda dubju li l-bniedem jorqod dik ir-“raqda” bix-xewqa li jsib ħlejqa oħra tixbhu. Jekk nistgħu, permezz tal-analoġija mal-irqad, nitkellmu hawn ukoll dwar il-ħolm, irridu ngħidu li dan l-arketip bibliku jippermettilna li nammettu li bħala kontenut ta’ dan il-ħolm ikun hemm it-“tieni jien”, li hu wkoll personali u ugwalment relatat mas-sitwazzjoni tas-solitudni oriġinarja, jiġifieri dak il-proċess kollu ta’ stabilizzazzjoni tal-identità umana f’relazzjoni mal-esseri ħajjin flimkien (“l-animalia”), minħabba li hu proċess ta’ “differenzjazzjoni” tal-bniedem minn dan l-istess ambjent.  B’dan il-mod, iċ-ċirku tas-solitudni tal-bniedem-persuna jinkiser, għaliex l-ewwel “bniedem” iqum minn dik ir-raqda bħala “maskil u femminil”.

L-istess umanità

4. Il-mara ssir “bil-kustilja” li Alla-Jahwè kien ħa mir-raġel. Waqt li nikkunsidraw il-mod arkajku, metaforiku u figurattiv li bih l-ħsieb tqiegħed fi kliem, nistgħu nistabbilixxu li hawn għandna kwistjoni ta’ omoġenjità tal-esseri kollu tat-tnejn li huma. Din l-omoġenjità tikkonċerna fuq kollox il-ġisem, l-istruttura somatika, u hija kkonfermata wkoll mill-ewwel kliem tar-raġel lill-mara maħluqa: “Din id-darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi” (Ġen 2:23)[4].  Madankollu, il-kliem ikkwotat jirreferi wkoll għall-umanità tal-bniedem-maskil. Dan il-kliem għandu jinqara fil-kuntest tal-affermazzjonijiet magħmula qabel il-ħolqien tal-mara, li fih, minkejja li l-“inkarnazzjoni” tar-raġel kienet għadha ma seħħitx, il-mara tiġi deskritta bħala “għajnuna tgħodd għalih” (ara: Ġen 2:18 u 20)[5]. Hekk, mela, f’ċertu sens il-mara tiġi maħluqa, skont l-istess umanità.

Minkejja d-diversità tal-kostituzzjoni marbuta mad-differenza sesswali, l-omoġenjità somatika hija hekk evidenti li l-bniedem (maskil), wara li qam mill-irqad ġenetiku, jesprimiha minnufih, meta jgħid: “Din id-darba din hija laħam minn laħmi u għadma minn għadmi” (Ġen 2:23). B’dan il-mod il-bniedem (maskil) jimmanifesta għall-ewwel darba l-ferħ u saħansitra l-eżaltazzjoni, li huwa ma kellux motiv għalihom qabel, minħabba n-nuqqas ta’ ħlejqa oħra bħalu. Il-ferħ għal ħlejqa umana oħra, għat-tieni “jien”, jiddomina fil-kliem li l-bniedem (maskil) ilissen għad-dehra tal-mara (femminil).  Dan kollu jgħin biex ikun stabbilit is-sinifikat sħiħ tal-unità oriġinarja. Il-kliem hawn huwa ftit, imma kull kelma ġġirr piż kbir.  Irridu mela nqisu – u dan nagħmluh ukoll aktar ’il quddiem – il-fatt li dik l-ewwel mara, iffurmata mill-kustilja “meħuda…lir-raġel” (maskil), tiġi minnufih aċċettata bħala għajnuna xierqa għalih.

Aħna nerġgħu lura għal din l-istess tema, jiġifieri għas-sinifikat tal-unità oriġinarja tar-raġel u tal-mara fl-umanità, fil-meditazzjoni li jmiss.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm


[1] (It-terminu Ebrajk “’adam” jesprimi l-kunċett kollettiv tal-ispeċi umana, jiġifieri l-“bniedem” li jirrapreżenta l-umanità. [Il-Bibbja tiddefenixxi lill-individwu billi tuża l-espressjoni: “bin il-bniedem” – “ben-’adam”]. Il-kontrapożizzjoni: “’iš-’iššah” tenfasizza d-differenza sesswali [bħal fil-Grieg “anergyne“].  Wara l-ħolqien tal-mara, it-test bibliku jkompli jsejjaħ lill-ewwel bniedem “’adam” [bl-artikolu definit], u b’dan il-mod jesprimi l-“personalità korporja” tiegħu, minħabba li huwa kien sar “missier l-umanità”, il-proġenitur u rappreżentant tagħha, bħal ma, imbagħad, Abraham beda jissejjaħ “missier dawk li jemmnu” u Ġakobb kien identifikat ma’ Iżrael – il-Poplu Magħżul.)

[2] (Ir-raqda ta’ Adam [bl-Ebrajk “tardemah”] hija raqda fil-fond [bil-Latin: “sopor”], li matulha il-bniedem la jkun konxju u lanqas joħlom [il-Bibbja għandha terminu ieħor biex tiddefenixxi il-ħolm: “halom”; ara: Ġen 15:12; 1Sam 26:12] Mill-banda l-oħra, Freud jeżamina l-kontenut tal-“ħolm” [bil-Latin: “somnium”] li, billi jinħoloq minn elementi psikiċi “imwarrba fis-subkonxju”, jippermetti, skont hu, li jitħalla joħroġ il-kontenut inkonxju.  Dan tal-aħħar, skont hu, huwa dejjem sesswali. M’għandniex xi ngħidu, din l-idea l-awtur bibliku ma kienx jaf  biha. Fit-teoloġija tal-awtur Jaħwista, ir-raqda li Alla jġiegħel lill-ewwel bniedem jorqod, tenfasizza l-“esklussività tal-azzjoni ta’ Alla” fl-opra tal-ħolqien tal-mara; il-bniedem ma kellu l-ebda sehem kuxjenti fiha.  Alla jinqeda bil-kustilja tiegħu biss biex jenfasizza in-natura komuni tar-raġel u tal-mara)

[3] ( “tardenah” [bil-Malti: “ngħas”] huwa t-terminu li jidher fl-Iskrittura Mqaddsa, meta waqt l-irqad jew eżattament wara, jkunu se jseħħu ġrajjiet straordinarji [ara: Ġen 15:12; 1Sam 26:12; Iż 29:10; Ġb 4:13; 33:15]. Is-Settanta tittraduċi “tardemah” b’ “éktasis” [estasi].  Fil-Pentetewku “tardemah” tidher għal darb’oħra f’kuntest misterjuż. Fuq il-kmand t’Alla, Abram ħejja sagrifiċċju ta’ annimali, filwaqt li keċċa minn fuqhom it-tajr tal-priża. “Hi u nieżla x-xemx, waqa’ fuq Abram “ngħas” qawwi, u waqgħu fuqu biża’ u dalma kbira…” [Ġen 15:12]. Proprju f’dak il-waqt Alla jibda jitkellem u jtemm patt miegħu, li kien “il-quċċata tar-rivelazzjoni” magħmula lil Abram. Din ix-xena, b’xi mod, tixbah lil dik tal-ġnien tal-Ġetsemani. Lil Ġesù “bdew jaħkmuh il-biżà u d-dwejjaq… ” [Mk 14:33] u sab lill-Appostli “ “reqdin minħabba s-swied ta’ qalb.”[Lq 22:45].  L-awtur bibliku jammetti fl-ewwel bniedem ċertu sens ta’ dgħufija u solitudni, jekk mhux ukoll ta’ biża’ [“mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu”, “ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih”]. Jistà jkun li dan l-istat qanqal “raqda kkawżata mid-dwejjaq”, jew jistà jkun, bħal f’Abram “waqgħu fuqu biża u dalma kbira” ta’ non-eżistenza; jew bħal fuq l-għatba tal-opra tal-ħolqien: “u kienet l-art taħwid u baħħ, id-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi” [Ġen 1,2].  F’kull każ, skont iż-żewġ testi, li fihom il-Pentetewku, jew aħjar il-Ktieb tal-Ġenesi, jitkellem dwar l-irqad fil-fond [tardemah], isseħħ azzjoni divina speċjali, jiġifieri “patt” mimli konsegwenzi għall-istorja kollha tas-salvazzjoni: Adam jagħti bidu għall-ġens uman, Abram għall-Poplu l-Magħżul).

[4] Huwa interessanti li ninnutaw li għas-Suméri tal-qedem is-sinjal kuneiformi li jindika in-nom “kustilja” kien identiku ma’ dak użat biex jindika l-kelma “ħajja”. F’dak li għandu x’jaqsam mar-rakkont Jaħwista, skont ċerta interpretazzjoni ta’ Ġenesi 2:21, Alla  reġa’ kesa l-kustilja bil-laħam [minflok ma mela postha bil-laħam] u b’dan il-mod “ifforma” l-mara, li hekk kisbet oriġini mil-“laħam u mill-għadam” tal-ewwel bniedem [maskil]. Fil-lingwaġġ bibliku din hija definizzjoni ta’ konsangwinità jew dixxendenza mill-istess razza [eżempju: ara  Ġen 29:14]: il-mara tappartjeni għall-istess speċi tar-raġel, waqt li hija differenti mill-kreaturi ħajjin l-oħra maħluqin qabel. Fl-antropoloġija bibblika t-terminu “għadam” jesprimi komponent l-iktar importanti tal-ġisem.  Billi għal-Lhud ma kienx hemm distinzjoni preċiża bejn “gisem” u “ruħ” [il-ġisem kien jitqies bħala manifestazzjoni esterna tal-personalità], l-“għadam” kienu ifissru, bħala sempliċement sineddoke, l-“esseri” uman [eżempju ara: S 139:15: “Ma kienx moħbi għadmi minnek”]. Mela l-frażi “għadma mill-għadmi”, tista’ tieħu tifsira f’sens ta’ qrubija, bħal “l-esseri mill-esseri tiegħi”; “laħam minn laħmi”, fi kliem ieħor, għalkemm għandha karatteristiċi fiżiċi differenti, il-mara għandha l-istess personalità li għandu r-raġel. Fil-“kant nuzjali” tal-ewwel bniedem, l-espressjoni “għadma minn għadmi, laħam minn laħmi” hija għamla ta’ superlattiv, enfasizzata barra minn hekk mir-ripetizzjoni tripla: “din”, “hija”, “il”).

[5] Huwa diffiċli li tittraduċi eżatt l-espressjoni Ebrajka “cezer kenegdô”, li tiġi tradotta b’mod differenti fil-lingwi Ewropej, per eżempju: Latin: “adiutorium ei conveniens sicut oportebat iuxta eum“; Ġermaniż: “eine Hilfe…, die ihm entspricht“; Franċiż: “égal vis-á-vis de lui“; Taljan: “un aiuto che gli sia simile“; Spanjol: “como él que le ayude“; Ingliż: “a helper fit for him“; Pollakk: “odopowicdnia alla niego pomoc“. Billi t-terminu “għajnuna” donnu jissuġerixxi l-kunċett ta’ “kumplimentarjetà” jew aħjar ta’ “korrispondenza eżatta”, it-terminu “simili” pjuttost jingħaqad ma’ dak ta’ “similarità”, imma f’sens differenti mis-somiljanza tal-bniedem ma’ Alla).

%d bloggers like this: