Illum il-Knisja tfakkar lil Beatu Nazju Falzon


Fl-1 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil Beatu Nazju Falzon, Kjeriku li għex bejn is-snin 1813 sa 1865.

Nazju Falzon twieled fl-1 ta’ Lulju, 1813 fil-belt Valletta, minn ġenituri magħrufa għall-onestà u t-tjubija tagħhom. Missieru kien l-Avukat Ġużeppi Falzon li wara laħaq imħallef; u ommu, is-Sinjura Marija Tereża Debono. Nazju ġie mgħammed l-għada li twieled, fil-Knisja ta’ San Duminku tal-Belt.

Kien tifel intelliġenti u mexa ħafna ’l quddiem fl-iskola, mhux biss fi grad elementari u sekondarju, iżda wkoll fl-università fejn studja kemm il-liġi kif ukoll it-teoloġija. Meta kellu 21 sena kien diġà kiseb lawrja ta’ avukat u oħra fit-teoloġija.

Minħabba l-umiltà tiegħu, Nazju ma riedx isir saċerdot u ħa biss l-ordnijiet minuri fl-1831. Kellu żewġ ħutu saċerdoti Mons. Kalċidon u Mons. Franġisk, kamrier sigriet tal-Papa.

Il-fidi kbira tiegħu kienet tidher fil-qima li kellu lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Anke meta kellu l-istudju u l-eżamijiet qatt ma ħalla l-quddiesa u t-tqarbina ta’ kuljum. Kien iżur diversi knejjes fl-istess jum biex jinviżta lil Ġesù Sagramentat u skont ix-xhieda ta’ Patri Franġiskan, Nazju ġieli dam tliet sigħat għarkupptejh quddiem it-tabernaklu.

Nazju Falzon f’ħajtu għamel ħafna karità moħbija; ġieli bagħat il-flus lil xi familji u foqra u dejjem iwissihom biex ma jgħidu lil ħadd. Iżda wara mewtu xandru ma’ kullimkien il-ġenerożità tiegħu.

Il-karità spiritwali li kellu l-Beatu Falzon dehret fuq kollox fit-tagħlim tad-duttrina li kien jagħti mhux biss lit-tfal, iżda wkoll lill-kbar: mas-suldati u mal-baħrin Ingliżi, Nazju wettaq appostolat ta’ konverżjonijiet, wassalhom biex jaċċettaw il-Fidi Nisranija. Flimkien ma’ ħuh Mons. Kalċidon, wassal għall-konverżjoni iktar minn 600 żagħżugħ u raġel, kemm Protestanti kif ukoll xi Lhud u Għarab.

Ħadem ħafna wkoll għall-vokazzjonijiet, kien devot kbir tal-Imqaddsa Verġni Marija u sa mewtu, minn mindu kellu 7 snin ħa d-drawwa li jirreċita 15-il posta tar-Rużarju ta’ kuljum. Kien jitkellem bl-ikbar ħeġġa fuq il-qawwa tar-Rużarju Mqaddes. Kellu wkoll devozzjoni tal-ħames salmi, barra milli kien jgħid kuljum l-uffiċċju ż-żgħir tal-Madonna.

Huwa miet fl-1 ta’ Lulju, 1865 proprju dakinhar li għalaq 52 sena. Xħin qam filgħodu, ħassu ma jiflaħx, għalhekk qal lil ħuh, “Għażiż ħija, ser nitolbok, li llum ma tħallinix.” Wara li għamel xi ħin jitlob, assistit minn ħuh, ħalla din d-dinja u ngħaqad m’Alla għal dejjem.

Ġie bbeatifikat f’Malta nhar id-9 ta’ Mejju tas-sena 2001, mill- Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fl-għeluq tal-pellegrinaġġ ġubilari tiegħu fuq il-passi ta’ San Pawl, li ħadu wkoll fil-Greċja u s-Sirja.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.