48. L-ispontanjetà hija verament umana meta hija l-frott matur tal-kuxjenza


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 12/11/1980

1. Illum nerġgħu naqbdu l-analiżi tagħna, mibdiha ġimgħa ilu, dwar ir-rapport reċiproku bejn dak li huwa “etiku” u dak li huwa “erotiku”.

Ir-riflessjonijiet tagħna jisvolġu ruħhom fuq l-istorja tal-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-Diskors tal-Muntanja, li bih Hu rabat mal-kmandament “La tikkommettix adulterju” u, fl-istess ħin, iddefinixxa l-“konkupixxenza” (il-“ħarsa konkupixxenti”) bħala “adulterju mwettaq fil-qalb”. Minn dawn ir-riflessjonijiet jirriżulta li l-“ethos” huwa marbut mal-iskoperta ta’ ordni ġdid ta’ valuri. Hemm bżonn nerġgħu nsibu kontinwament f’dak li huwa “erotiku” s-sinifikat sponsali tal-ġisem u d-dinjità awtentika tar-rigal. Dan huwa x-xogħol tal-ispirtu uman, xogħol ta’ natura etika. Jekk ma jassumix tali xogħol, l-istess attrazzjoni tas-sensi u l-passjoni tal-ġisem jistgħu jieqfu fil-pura konkupixxenza nieqsa mill-valur etiku, u l-bniedem, maskju u femmina, ma jisperimentax dik il-milja tal-“eros”, li tfisser dik il-qabża tal-ispirtu uman lejn dak li huwa veru, tajjeb u sabiħ, li minħabba fih ukoll dak li huwa “erotiku” isir veru, tajjeb u sabiħ. Huwa, mela, indispensabbli, li l-ethos isir il-forma kostitwenti tal-eros.

2. L-imsemmija riflessjonijiet huma marbutin b’mod strett mal-problema tal-ispontanjetà. Tassew spiss wieħed jemmen li huwa propju l-ethos li jneħħi l-ispontanjetà lil dak li huwa erotiku fil-ħajja u fil-komportament tal-bniedem; u minħabba f’dan il-mottiv jesiġi d-distakk mill-etħos “a vantaġġ” tal-eros. Ukoll il-kliem tad-Diskors tal-Muntanja jidher donnu jostakola dan il-“ġid”.  Jekk mhux ukoll, tali opinjoni hija żbaljata u, fi kwalunkwè każ, superfiċjali. Waqt li naċċettawha u nsostnuha b’ostinazzjoni, ma naslu qatt għad-dimensjonijiet sħaħ tal-eros, u dan b’mod inevitabbli jirrifletti ruħu fl-ambitu tal-“prassi” relattiva, jiġifieri fl-imġieba tagħna kif ukoll fl-esperjenza konkreta tal-valuri. Infatti, dak li jaċċetta l-ethos tal-espressjoni ta’ Mattew 5,27-28 irid ikun jaf li huwa wkoll msejjaħ għas-sħiħa u matura  spontanjetà tar-rapporti, li jitnisslu mill-attrazzjoni perenni tal-maskulinità u l-femminilità tal-impulsi tal-propja qalb.

3. Il-kliem ta’ Kristu huwa rigoruż. Jesiġi mir-raġel li hu, fl-ambitu li fih jiffurmaw ruħhom ir-rapporti mal-persuna tas-sess l-ieħor, ikollu kuxjenza sħiħa u profonda tal-atti propji tiegħu u speċjalment tal-atti nterni; li huwa jkollu kuxjenza tal-impulsi nterni ta’ “qalbu”, hekk li jkun kapaċi li jindividwahom u jikkwalifikahom b’mod matur. Kliem Kristu jesiġi li f’din l-isfera, li donnha tappartjeni b’mod esklussiv għall-ġisem u għas-sensi, jiġifieri għar-raġel estern, huwa jkun jaf ikun tassew raġel intern; ikun jaf jobdi lill-kuxjenza retta; ikun jaf ikun l-awtentiku padrun tal-propji mpulsi intimi, bħala għassies li jgħasses sors moħbi; u jkun jaf fl-aħħar jislet minn dawk l-impulsi kollha dak li huwa konvenjenti għall-“purezza tal-qalb”, waqt li jsawwar b’kuxjenza u konsistenza dak is-sens personali tas-sinifikat sponsali tal-ġisem, li jiftaħ l-ispazju ntern tal-libertà tar-rigal.

4. Mela, jekk il-bniedem irid iwieġeb għas-sejħa espressa minn Mattew 5,27-28, irid b’perseveranza u b’konsistenza jitgħallem x’inhu s-sinifikat tal-ġisem, is-sinifikat tal-femminilità u l-maskulinità. Irid jitgħallmu mhux biss permezz ta’ astrazzjoni oġġettivizzanti (għalkemm ukoll dak huwa meħtieġ), imma speċjalment fl-isfera tar-rejazzjonijiet interni tal-propja “qalbu”. Din hija “xjenza”, li ma tistax verament tiġi mifhuma mill-kotba biss, għaliex hawn għandha x’taqsam fl-ewwel post il-“kuxjenza” profonda tal-interjorità umana.

Fl-ambitu ta’ dan l-għarfien, il-bniedem jitgħallem jiddistingwi bejn dak li, minn naħa, jikkomponi l-għana multiformi tal-maskulinità u l-femminilità fis-sinjali li jiġu mis-sejħa tagħhom perenni u mill-attrattiva krejatriċi, u dak li, min-naħa l-oħra, jġib biss is-sinjal tal-konkupixxenza. U għalhemm dawn il-varjanti u sfumaturi tal-movimenti nterni tal-“qalb” f’ċertu limitu jitħawdu bejniethom, madankollu jingħad li l-bniedem intern kien imsejjaħ minn Kristu biex jakkwista valutazzjoni matura u sħiħa li twasslu biex jiddistingwi u jiġġudika il-movimenti diversi ta’ qalbu stess. U hemm bżonn inżidu li dan il-kompitu jistà jiġi mwettaq u huwa tassew denju tal-bniedem.

Infatti, id-dixxerniment li dwaru qegħdin nitkellmu huwa f’rapport essenzjali mal-ispontanjetà. L-istruttura soġġettiva tal-bniedem turi, f’dan il-qasam, għana speċifika u differenzjazzjoni ċara. Bħala konsegwenza, hija ħaġa, per eżempju, sodisfazzjon nobbli, ħaġa oħra minflok ix-xewqa sesswali; meta x-xewqa sesswali hija marbuta ma’ sodisfazzjon nobbli, huwa differenti minn xewqa pura u sempliċi. B’mod analogu, fejn jirrigwarda l-isfera tar-rejazzjoni immedjata tal-“qalb”, l-eċcitament senswali huwa ferm differenti mill-emozzjoni profonda, li biha mhux biss is-sensibiltà nterna, imma l-istess sesswalità tirrejaġixxi għall-espressjoni ntegrali tal-femminilità u tal-maskulinità. Ma jistax wieħed hawn jiżviluppa b’mod iktar wiesà dan l-argument. Imma hija ħaġa ċerta, li, jekk niddikkjaraw li il-kliem ta’ Kristu skont Mattew 5,27-28 huwa rigoruż, dan huwa wkoll fis-sens li jiġbor fih l-esiġenzi rigwardanti l-ispontanjetà umana.

5. Ma jistax ikun hemm tali spontanjetà fil-movimenti u l-impulsi kollha li jitnisslu mill-konkupixxenza karnali pura, nieqsa kif inhi minn għażla u minn ġerarkija adegwata. Huwa propju a prezz tad-dominju fuqhom li l-bniedem jilħaq dik l-ispontanjetà l-iktar profonda u matura, li biha “qalbu” tikkontrolla l-istinti, terġà tiskopri s-sbuħija spiritwali tas-sinjal kostitwit tal-ġisem uman fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu. In kwantu din l-iskoperta tikkonsolida ruħha fil-kuxjenza bħala konvinzjoni u fir-rieda bħala orjentament sew fl-għażliet possibbli kif ukoll fix-xewqiet sempliċi, il-qalb umana ssir parteċipi, biex ngħidu hekk, ta’ spontanjetà oħra, minn liema xejn jew veru ftit jaf l-“bniedem karnali”. Mhemm ebda dubju li permezz tal-kliem ta’ Kristu skont Mattew 5,27-28, aħna msejħin appuntu għal tali spontanjetà. U forsi l-iktar sfera mportanti tal-“prassi” – relattiva għall-atti “nterni” – hija appuntu dik li gradwalment timmarka t-triq lejn l-imsemmija spontanjetà.

Dan huwa argument vast li nagħmlu sew li nergġħu naqbduh mill-ġdid xi darba fil-ġejjieni, meta niddedikaw ruħna biex nuru liema hija n-natura vera tal-evanġelika “purezza tal-qalb”. Għalissa ntemmu billi ngħidu li l-kliem tad-Diskors tal-Muntanja, li bih Kristu jiġbed l-attenzjoni tas-semmiegħa tiegħu – ta’ dak iż-żmien u tallum – dwar il-“konkupixxenza” (“il-ħarsa konkupixxenti”), jindikaw b’mod indirett it-triq lejn spontanjetà matura tal-“qalb” umana, li ma tifgax ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet nobbli tagħha, anzi, għall-kuntrarju, tilliberahom u, f’ċertu sens, taġevolahom.

Għalissa biżżejjed dak li għidna dwar ir-rapport reċiproku bejn dak li huwa “etiku” u dak li hu “erotiku”, skont l-ethos tad-Diskors tal-Muntanja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >