47. “Eros” u “Ethos” jiltaqgħu u jsgħmlu l-frott fil-qalb umana


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 05/11/1980.

1. Fil-kors tar-riflessjonijiet tagħna ta’ kull ġimgħa fuq l-espressjoni ta’ Kristu fid-Diskors tal-Muntanja, li fiha huwa, b’riferenza għall-kmandament “La tikkommettix adulterju”, jqabbel il-“konkupixxenza” (“il-ħarsa konkupixxenti”) mal-“adulterju mwettaq fil-qalb”, infittxu li nwieġbu għad-domanda: dan il-kliem jakkuża biss il-“qalb” umana jew inkella huwa qabel kollox appell li jsir lilha?

Appell, sintendi, ta’ karattru etiku; appell importanti u essenzjali għall-istess ethos tal-Vanġelu. Inwieġbu li l-imsemmi kliem huwa speċjalment appell.

Fl-istess ħin, nippruvaw inqarrbu r-riflessjonijiet tagħna għall-“itinerarji” li jsegwu, fl-ambitu tagħha, il-kuxjenza tal-bnedmin kontemporanji. Diġa fiċ-ċiklu preċedenti tal-konsiderazzjonijiet tagħna aċċennajna għall-“eros”. Dan it-terminu Grieg, li mill-mitoloġija għadda għall-filosofija, imbagħad għal-lingwa letterarja u fl-aħħar għal-lingwa mitkellma, kuntrarju għall-kelma “ethos” huwa barrani u mhux magħruf għal-lingwaġġ bibbliku. Jekk fl-analiżi preżenti tat-testi bibbliċi nadoperaw it-terminu “ethos”, mhux magħruf għas-Sebgħin u għat-Testment il-Ġdid, dan nagħmluh minħabba s-sinifikat ġenerali li hu akkwista fil-filosofija u fit-tejoloġija, waqt li nħaddnu fil-kontenut kollu tagħhom l-isferi kumplessi tat-tajjeb u tal-ħażin, li jiddependu mir-rieda umana u li huma sottoposti għal-liġi tal-kuxjenza u tas-sensibiltà tal-“qalb” umana. It-terminu “eros”, barra li huwa isem propju tal-personaġġ mitoloġiku, għandu fil-kitbiet ta’ Platun sinifikat filosofiku(1), li donnu huwa differenti mis-sinifikat komuni u wkoll minn dak li, is-soltu, jingħata fil-letteratura. B’mod ovvju, irridu hawn nikkunsidraw il-gamma vasta ta’ sinifikati, li huma differenti bejniethom b’mod sfumat, fejn jirrigwarda kemm il-personaġġ mitoloġiku, kif ukoll il-kontenut filosofiku, sija speċjalment mill-punt di vista “somatiku” jew “sesswali”. Waqt li nikkunsidraw il-gamma hekk vasta ta’ sinifikati, ikun sew li nivvalutaw, b’mod daqstant ieħor differenzjat, dak li jimponielna f’rapport mal-“eros” (cf. p. es. C. S. Lewis, Eros, in “The Four Loves”, Harcourt, Brace, New York 1960, pp. 131-133. 152. 159-160; P. Chauchard, Vices des vertus, vertus des vices,Mame, Paris 1965, p. 147.) u jiġi definit bħala “erotiku”.

2. Skont Platun, l-“eros” jirrapreżenta l-qawwa interna, li tittraxxina lill-bniedem lejn dak li huwa tajjeb, veru u sabiħ. Din l-“attrazzjoni” tindika f’tali każ, l-intensita ta’ att soġġettiv tal-ispirtu uman. Minflok, fis-sinifikat komuni – kif ukoll fil-letteratura – din l-attrazzjoni” donnha li hija qabel xejn ta’ natura senswali. Huwa jqanqal il-ġibda reċiproka tat-tnejn, tar-raġel u tal-mara, gqrib, gl-għaqda tal-iġsma, għal dik l-għaqda li dwarha jitkellem Ġenesi2,24. Hawn jinħtieg li nwieġbi għad-domanda jekk l-“eros” jikkonnotax l-istess sinifikat li hemm fin-narrazzjoni bibblika (Ġen 2,23-25), liema bla ebda dubju jixhed l-attrazzjoni reċiproka u s-sejħa perenni tal-persuna umana – permezz tal-maskulinità u l-femminilità – għal dik l-“unità tal-ġisem” li, f’xi ħin, trid twettaq l-unjoni-komunjono tal-persuni. Huwa propju għal din l-interpretazzjoni tal-”eros” (u flimkien mar-rapport tagħha mal-ethos) li jakkwista mportanza fundamentali wkpll il- mod li fih nifhmu l-“konkupixxenza”, li dwarha jkellimna fid-Diskors tal-Muntanja.

3. Skont Platun, il-lingwaġġ komuni jikkunsidra b’mod speċjali dak is-sinifikat tal-“konkupixxenza”, li preċedentement iddefinejna bħala “psikoloġiku u li jistà wkoll jissejjaħ “sesswoloġiku”: u dan a bażi ta’ prerekwiżiti, li jillimitaw lilhom infushom qabel għall-interpretazzjoni naturalistika, “somatika” u senswalistika tal-erotiżmu uman. (Hawn marridu, bl-ebda mod, innaqqsu il-valur tar-riċerki xjentifiċi f’dan il-kamp, imma rridu niġbdu l-attenzjoni għall-perikolu tar-riduttiviżmu u tal-esklussiviżmu). Mela, f’sens psikoloġiku u sesswaloġiku, il-konkupixxenza tindika l-intensità soġġettiva tat-tendenza għall-oġġett minħabba l-karattru sesswali tagħha (valur sesswali) Dik it-tendenza għall-intensità soġġettiva tagħha minħabba l-“attrazzjoni” speċifika li tifrex id-dominju tagħha fuq l-isfera emottiva tal-bniedem u tinvolvi l-“korporjetà” tiegħu (il-maskulinità U l-femminilità somatika tiegħu). Meta fid-Diskors tal-Muntanja nisimgħu l-kliem dwar il-“konkupixxenza” tar-raġel li “jħares lejn” mara biex jixtieqha”, dan il-kliem – mifhum f’sens “psikoloġiku” (sesswaloġiku) – jirreferi għall-fenomeni li fil-lingwaġġ komuni jiġi appuntu kkwalifikat “erotiku”. Fil-limiti tal-espressjoni ta’ Mattew5,27-28 jirreferi biss għall-att intern, waqt li “erotiċi” jiġu definiti speċjalment dawk il-modi ta’ aġir u ta’ komportament reċiproku tar-raġel u tal-mara, li huma manifestazzjoni esterna propju ta’ tali atti interni. Xejn inqas, donnu li huwa bla dubbju li – waqt li nirraġunaw hekk – wieħed irid iqiegħed is-sinjal ta’ ugwaljanza bejn “erotiku” u dak “li joħroġ mix-xewqa” ( u jservi biex jissodisfa l-istess konkupixxenza tal-ġisem). Li kieku kien hekk, allura, il-kliem ta’ Kristu skont Mattew 5,27-28 kien jesprimi ħaqq negattiv fuq dak li hu “erotiku” u ndirizzat għall-qalb umana, kien jikkostitwixxi fl-istess ħin ammonizzjoni severa kontra l-“eros”.

4. Madankollu diġa aċċennajna li t-terminu  “eros” għandu bosta sfumaturi semantiċi. U għalhekk, billi rridu niddefinixxu r-rapport tal-espressjoni tad-Diskors tal-Muntanja (Mt 5,27-28) bl-isfera wiesgħa tal-fenomeni “erotiċi”, jiġifieri ta’ dawk l-azzjonijiet u ta’ dawk il-komportamenti reċiproċi permezz ta’ liema r-raġel u l-mara jersqu lejn xulxin u jingħaqdu hekk li jkunu “ġisem wieħed” (cf. Ġen 2,24), hemm bżonn li nagħtu każ tal-multipliċità tal-isfumaturi semantiċi tal-“eros”. Jidher possibbli, infatti, li fl-ambitu tal-kunċett ta’ “eros” – waqt li tikkunsidra s-sinifikat tiegħu platoniku – issib il-post għal dak l-ethos, għal dawk il-kontenuti etiċi u b’mod indirett ukoll tejoloġiċi, liema, matul l-analiżi tagħna, ġew innutati mill-appell ta’ Kristu għall-“qalb” umana fid-Diskors tal-Muntanja. Ukoll l-għarfien tal-isfumaturi semantiċi multipliċi tal-“eros” u ta’ dak li, fl-esperjenza u d-deskrizzjoni tal-bniedem, f’epoki diversi u f’diversi punti ta’ lonġitudni u latitudni ġejografika u kulturali, jiġi definit bħala “erotiku”, jistà jgħin biex wieħed jifhem l-għana speċifika u kumplessa tal-“qalb”, għal-liema Kristu ġibed l-attenzjoni fl-espressjoni tiegħu ta’ Mattew 5,27-28.

5. Jekk nammettu li l-“eros” ifisser il-qawwa nterna li “tiġbed” lill-bniedem lejn il-veru, it-tajjeb u s-sabiħ, allura, fl-ambitu ta’ dan il-kunċett wieħed jara wkoll tinfetaħ it-triq lejn dak li Kristu ried jesprimi fid-Diskors tal-Muntanja. Il-kliem ta’ Mattew 5,27-28, jekk inhu “akkuża” tal-qalb umana, fl-istess ħin huwa ferm iktar appell indirizzat lilha. Tali appell huwa l-kategorija propja tal-ethos tal-fidwa. Is-sejħa għal dak li hu veru, tajjeb u sabiħ kontemporanjament ifisser, fl-ethos tal-fidwa, il-bżonn li nirbħu dak li joħroġ mill-konkupixxenza tripla. Saħansitra jfisser il-possibiltà u l-bżonn li nbiddlu dak li kien imtaqqal mill-konkupixxenza tal-ġisem. Barra minn dan, jekk il-kliem ta’ Mattew 5,27-28 jirrapreżenta tali sejħa allura jfisser li, fl-ambitu erotiku, l-“eros” u l-“ethos” mhumiex differenti bejniethom, ma jikkontrastawx lil xulxin, imma huma msejħa biex jiltaqgħu fil-qalb umana, u f’din il-laqgħa, biex jagħtu l-frott. Tassew denju tal-“qalb” umana huwa li l-forma ta’ dak li huwa “erotiku” jkun kontemporanjament forma tal-ethos, jiġifieri ta’ dak li huwa “etiku”.

6. Tali affermazzjoni hija ferm importanti għall-ethos u fl-istess ħin għall-etika. Infatti,  ma’ dan l-aħħar kunċett jiġi spiss ħafna kollegat sinifikat “negattiv”, għaliex l-etika ġġib magħha normi, kmandamenti u wkoll projbizzjonijiet. Aħna nklinati b’mod komuni biex nikkunsidraw il-kliem tad-Diskors tal-Muntanja dwar il-“konkupixxenza” (dwar il-“ħars biex tixtieq”) b’mod esklussiv bħala projbizzjoni, projbizzjoni fl-isfera tal-“eros” jiġifieri fl-isfera “erotika”. U spiss nikkuntentaw ruħna biss b’tali komprensjoni, mingħajr ma nfittxu li niżvelaw il-valuri verament profondi u essenzjali li din il-projbizzjoni tkopri, jiġifieri tassikura. Hija mhux biss tipproteġihom, imma tirrendihom ukoll aċċessibbli u teħlishom, jekk aħna nitgħallmu niftħu “qalbna” lejhom.

Fis-Diskors tal-Muntanja Kristu jgħallem dan u jiddirieġi tali valuri lejn qalb il-bniedem.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >