Illum il-Knisja tfakkar lil San Bernardino Realino

Print Friendly, PDF & Email

Fit-2 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil San Bernardino Realino, Saċerdot, Ġiżwita li għex bejn is-snin 1530 sa 1616.

Dan il-qaddis twieled f’Carpi, fl-Italja. Bħala żagħżugħ, beda jistudja għal tabib f’Bolonja, imma mbagħad, biex jogħġob lil ċerta Cloride, xebba bil-għaqal u reliġjuża ħafna, li lejha kien miġbud, mill-kors tal-mediċina qaleb għall-kors tal-liġi. Ħa l-lawrija ta’ avukat ta’ 26 sena, u, billi kien kapaċi, okkupa karigi ċivili importanti. Serva wkoll bħala sindku f’diversi bliet fejn wera ħila kbira.

Cloride mietet ta’ 28 sena, u l-mewt tagħha ħassha ħafna. Hu jirrakkonta li darba dehritlu u qaltlu biex ineħħi s-swied il-qalb li waqa’ fuqu u għenitu jerfa’ qalbu u ħsiebu lejn Alla.

Tħajjar jidħol mal-Ġiżwiti, imma missieru xtaqu ma jagħmilx dak il-pass biex ikun jista’ jdur bih sakemm imut. Talab id-dawl lill-Madonna li lejha kien ħafna devot, u ħass li ma kellux jibqa’ jistenna. Għalhekk kiteb ittra twila lil missieru u talbu jagħmel miegħu dak is-sagrifiċċju tal-firda u bil-barka ta’ missieru ta’ 34 sena daħal mal-Ġiżwiti.

Għall-umiltà tiegħu, u biex ikollu aktar ċans jitlob, xtaq jibqa’ sempliċi fratell, imma s-superjuri tiegħu ħasbuha mod ieħor, u fi żmien tliet snin ħa l-quddiesa, u kien magħżul surmast tan-novizzi. Iż-żmien battal li kien jifdallu kien iqattgħu jgħallem id-duttrina lit-tfal u jżur il-ħabs u l-isptarijiet.

Wara għaxar snin f’Napli, intbagħat f’Lecce f’Apulia fejn għadda l-aħħar 42 sena ta’ ħajtu. Meta kien ilu hemm biss sentejn ta bidu biex jibni knisja u jwaqqaf ukoll kulleġġ. Iżda x-xogħol ewlieni tiegħu malajr sar id-direzzjoni tal-erwieħ speċjalment fil-konfessinarju.

Fi xjuħitu kien mogħni b’doni sopranaturali bħal viżjonijiet, setgħa li jfejjaq u li jagħmel profeziji. Il-poplu ta’ Lecce kien tant iħobbu, li meta kienet tiġri x-xniegħa li kienu se jittrasferuh band’oħra kienet tqum il-belt kollha biex jibqa’ magħhom.

Bernardino Realino kien igawdi tant fama kbira ta’ qaddis li, huwa u jmut, il-maġistrati tal-belt talbuh li jaċċetta li jkun il-patrun tagħhom fis-sema, u hu baxxa rasu bħala sinjal li jaċċetta, u n-nies ukoll talbu lill-isqof biex kif imut tinbeda l-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu.

Il-qaddis miet ta’ 85 sena fit-2 ta’ Lulju, 1616. Piju XII iddikjarah qaddis fl-1947.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: