L-Erbgħa, 1 ta’ Lulju 2020: Messaġġ mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi li deher fil-ħarġa ta’ Lulju 2020 tar-rivista ‘Flimkien’ …
Dawk l-aktar dgħajfa u vulnerabbli
Jgħidu li s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Fil-ħidma tagħna favur il-ħajja umana f’kull waqt tagħha, tajjeb li niftakru f’dawk li huma l-aktar dgħajfa u vulnerabbli.
Fost l-aktar dgħajfa u vulnerabbli, hemm il-ħajja umana li għadha fil-bidu nett tagħha, jiġifieri tnisslet imma għadha ma twelditx, meta tiddependi għal kollox fuq ħaddieħor, u tistenna min jilqagħha bil-qalb.
Fost l-aktar dgħajfa u vulnerabbli, hemm dawk li għaddejjin minn tbatija minħabba l-mard, l-età jew xi kundizzjoni oħra. Hemm min ilu s-snin f’qiegħ ta’ sodda. Dawn jitolbu minna attenzjoni u azzjoni li ttaffilhom it-toqol tal-ħajja u tieqaf magħhom fit-tbatija.
Fost l-aktar dgħajfa u vulnerabbli, hemm dawk bi problema ta’ saħħa mentali li jeħtieġu min jurihom bil-fatti li huma maħbuba u l-ħajja tagħhom hi għażiża.
Fost l-aktar dgħajfa u vulnerabbli, hemm persuni vittmi ta’ vjolenza domestika, li jeħtieġu min jgħinhom joħorġu minn sitwazzjoni ta’ tbatija kontinwa u jgħixu l-ħajja b’dinjità.
Fost l-aktar dgħajfa u vulnerabbli, hemm dawk li jispiċċaw bejn sema u ilma, jitkarrbu biex xi ħadd jagħtihom l-għajnuna u ma jisparixxux taħt l-ilma għal dejjem.
Naħdmu biex ħadd ma jispiċċa vittma tal-indifferenza u tal-kultura tar-rimi, kif jenfasizza spiss Papa Franġisku.
Naħdmu biex ikollna soċjetà b’saħħitha li tgħożż lil dawk li huma l-aktar dgħajfa u vulnerabbli, kif uriena u għallima Ġesù.
Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju