Minn kuruna għall-Kuruna


Kemm hawn paroli għaddej fuq il-kuruna bħalissa! Min jgħid ħaġa u min oħra! Kulħadd itieha u jtieha kemm jiflaħ!

Issa, din tal-kuruna, tfakkarni f’esperjenza mill-isbaħ li kelli xi snin ilu f’Medjugorje, fil-post li tant u tant inħobb immur! Għax hemm, iva, niltaqa’ ma’ Ommna tas-Sema! Marija! Niftakarni qed niltaqa’ man-nies. U min jitlobni nbierku. Min nitlob miegħu. U min biex iqerr xi qrara wkoll. Meta, f’daqqa waħda, jitfaċċa hu. Ma konniex nafu lil xulxin minn Adam. Imma qbadna parlata. U tħaddittna fuq li tħaddittna. U hekk, kif għaddejtli int, ja maħbuba ġimgħa, kelli naqbad l-Air Malta biex niġi lura Malta! Ħa nissokta naħdem fl-Isptar Mater Dei u wkoll nagħmlu dawk il-passejn fil-kunvent tal-ġebel u, bil-wisq wisq aktar, f’dak tad-dinja.

Darba minnhom il-gwardjan li kelli qalli: “Mario, għandek dan.” U għaddhieli biċċa ta’ pakkett daqshiex! Għalhekk, bil-lajma jew kif kien iħobb jgħid l-għażiż missieri, Alla jaħfrilu, “bil-midilka kollha,” ftaħt dan l-imbierek ta’ pakkett. U xi nsib? Biċċa pittura mill-isbaħ ta’ Ġesù. Liebes il-kuruna tax-xewk. B’għajn miftuħa u l-oħra mifqugħa. X’ħin rajtu bqajt inħares lejh! Kemm kien sabiħ! U x’espressjoni kien hemm fuq wiċċ Ġesù! Liema espressjoni għallmittni fuq li għallmittni mhux biss kemm it-tbatija ta’ Ġesù kienet ħarxa imma, u fuq kollox, kemm it-tbatija tal-artist kienet tassew kbira! Tant li tnaqqxet f’dan il-kwadru li żgur li mhu ħa ninsieh qatt!

U issa, waqt li l-Mulej qed jagħtini l-grazzja nħarbex dawn il-kelmtejn, taf x’qed ngħid l-aħwa? Kemm dan ir-raġel, li kien għaddej minn xiex għaddej, anki wara daqshekk żmien, issa pajjiżu stess safa’ liebes din il-kuruna tax-xewk. Li jisimha coronavirus! Għax min, jgħaddu kemm jgħaddu snin, mhux ħa jibqa’ jiftakar li meta nsemmu l-coronavirus ma nsemmux ukoll l-Italja, il-ġirien tagħna, li għaddew minn waħda bħal din?! Huwa li jkollok ‘il fuq minn għaxart elef każ u ‘il fuq minn seba’ mitt persuna mejta mhux ċajta! Xi trawma dik!

Barra minhekk, il-coronavirus fakkarni wkoll f’ċertu inċidenti ta’ razziżmu li seħħu fid-dinja. Jiġini f’dan il-ħin il-każ li seħħ fi Franza meta mara Vjetnamita ġiet insultata minn sewwieq Franċiz b’dan il-kliem: “Żomm il-virus għalik ja Ċiniża maħmuġa! Int m’intix milqugħa fi Franza.” U, biex tkompli tgħaqad, dan il-proxxmu kellu l-gazz ukoll li jsuq kemm jiflaħ bil-karozza tiegħu għal ġo għadira li kien hemm fit-triq u ħasilha minn rasha sa saqajha! Hijiex din sitwazzjoni ta’ kuruna tax-xewk?

Daqskemm m’hiex kuruna tax-xewk meta tmur biex tixtri xi ħaġa mis-supermarket u ma ssibx! Għax kien hawn min għamel xirjiet tax-xirjiet! Saħansitra nefaq mal-elf ewro! Tant li waħda ma felħitx aktar u qalet lil dik li lanqas lill-ħaddiema ma kienet qed tagħtiha ċans tippostja l-affarijiet fuq l-ixkaffa għax bdiet taħtafhomlha biex timla’ it-trolley tagħha: “Sinjura! Iva bil-mod jekk jogħġbok! Ħalli xi ħaġa għalina!” Kemm hi stupida u bla moħħ il-biża’! Kemm iġġibna ma nirraġunawx! U kemm iġġibna wkoll insensittivi għall-bżonnijiet ta’ ħutna! U, ngħid jien, li nkun priġunier/a tal-biża’ mhix kuruna tax-xewk ukoll?

Allura x’differenza hemm bejn il-kuruna tax-xewk ta’ Ġesù u tiegħi? Lil Ġesù għamluhielu. Libbsuhielu. Hu li għalih, għal tlett darbiet, Pilatu qal: Ebda ħtija ma nsib f’dan il-bniedem (Lq 23:4.14.22). Imma nista’ ngħid li jien bla ħtija? Li jien, taħt abti, m’għandix xi nxomm? Għax immakulat u immakulata?

Iżda, anki jekk għandi xi nxomm, u anki jekk ħati u ħatja, xorta waħda nista’ jkolli l-kuruna tal-glorja tas-sema jekk, nitma’ lil min hu bil-ġuħ, nisqi lil min hu bil-għatx, inlibbes lill-għarwien, nilqa’ lil min bla dar, inżur il-morda u l-ħabsin, nidfen il-mejtin, nagħti parir tajjeb lil ħosbenin, ngħallem lil min ma jafx, inwiddeb lill-midinbin, nistabar b’min idejjaqli qalbi u nitlob lill-Mulej għall-ħajjin u għall-mejtin!

Hekk ngħaddi minn kuruna għall-Kuruna!

Patri Mario Attard OFM Cap