Fit-8 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil Santa Marija Ermelina ta’ Ġesù u sitt sħabha, Martri taċ-Ċina li ħadu l-martirju fis-sena 1900.
Marija Ermelina ta’ Ġesù kienet is-superjura ta’ dan il-grupp ta’ sorijiet.
Imwielda f’familja fqira, il-ġenituri tagħha ma fehmux il-vokazzjoni reliġjuża tagħha, u bdiet tgħallem lil xi studenti biex tkun tista’ taqla’ xi flus u jkollha l-indipendenza.
Fl-aħħar, fl-1894, hi ħalliet id-dar u bdiet tlesti biex tidħol mal-Franġiskani Missjunarji ta’ Marija f’Vannes, fi Franza.
Mogħnija b’personalità ħelwa u mimlija mħabba, Marija Ermelina, bniet relazzjonijiet tajba fost ħutha s-sorijiet u iktar tard ma’ dawk li kienet taħdem magħhom.
Meta kienet imsejħa għall-missjoni fiċ-Ċina minn Marija tal-Passjoni, fundatriċi u superjura ġenerali tal-Komunità tagħha, Marija Ermelina kitbet: “Mingħajr eżitazzjoni, nagħtik ir-risposta tiegħi – IVA! Jiena dħalt l-istitut b’xewqa kbira u b’konvinzjoni biex immur … Jiena nistenna dan il-mument, lesta biex nitlaq fejn l-ubbidjenza ssejjaħli, mingħajr distinzjoni ta’ pajjiżi jew xogħlijiet …”
Is-sitt sorijiet li marru magħha kienu Mary Adolphine, Olandiża; Maria Chiara , Taljana; Maria tal-Paċi, Taljana; Mary Amandine, Belġjana; Mary of St.Just, Franċiża; u Mary of St Nathalie imwielda Belle-Isle-in-Terre.
Marija Ermelina, flimkien mas-sorijiet tagħha, kienu stazzjonati f’Tai-Yuen-Fou, iċ-Ċina. Dawn kienu jieħdu ħsieb lin-nisa, lill-orfni, lill-morda u liż-żgħażagħ, bi mħabba kbira.
Is-seba’ Franġiskani Missjunarji ta’ Marija, kienu ilhom fiċ-Ċina ftit aktar minn sena, meta ġew mitfugħa l-ħabs u mogħtija l-mewt, fid-9 ta’ Lulju, 1900. Kienet il-Boxer Revolution.
Xi ħadd li kien f’dan il-ħabs u kien baqa’ ħaj, qal li huma marru għall-mewt ikantaw “Te Deum Laudamus – Lilek O Alla nfaħħru.” Ġew ikkanonizzati fl-1 ta’ Ottubru, 2000, minn San Ġwanni Pawlu II, Papa. Is-Sorijiet Franġiskani Missjunarji ta’ Marija huma preżenti wkoll f’Malta.