Illum il-Knisja tagħmel il-Festa ta’ Santa Briġida tal-Isvezja

Print Friendly, PDF & Email

Fit-23 ta’ Lulju l-Knisja tagħmel il-Festa ta’ Santa Briġida tal-Isvezja, Reliġjuża u Patruna tal-Ewropa li għexet bejn is-snin 1303 sa 1373.

Santa Briġida twieldet fl-Isvezja minn familja nobbli u sinjura ħafna. Missierha kien Gvernatur.

Tilfet lil ommha meta kellha 12-il sena u trabbiet minn zitha. Qabel ma għalqet ħmistax iżżewġet lil Ulf Gurmarsson. Prinċep li kellu tmintax, u matul it-28 sena taż-żwieġ hieni tagħhom kellhom tmint itfal li waħda minnhom saret Qaddisa, Santa Katerina tal-Isvezja (ara Santa Katerina tal-Isvezja).

Fl-1335, Santa Briġida inħatret id-dama prinċipali tar-Reġina Blanche, mart ir-Re Magnus II.

Fl-1340, wara l-mewt ta’ binha ż-żgħir, għamlet pellegrinaġġ għall-knisja ta’ San Olaf, fin-Norveġja. Meta rritornat fl-Isvezja ma ħaditx gost bil-ħajja li bdew jgħixu Magnus u Blanche. Widdbithom iżda ma tawx kasha. Talbet u qalgħet permess tħalli l-kariga tagħha biex flimkien ma’ żewġha għamlet pellegrinaġġ għal Campostella (1341 – 1343). Fil-vjaġġ lura, żewġha marad. Meta wasal pajjiżu, iddeċieda li jmur jgħix f’monasteru, u baqa’ hemm sakemm miet fl-1344.

Sa minn qabel ma miet żewġha, Briġida kienet daħlet Terzjarja Franġiskana, u kienet qed tgħix ħajja ta’ qaddisa. Issa qassmet ġidha lil uliedha u ngħatat għal ħajja aktar axxetika għalkemm baqgħet tgħix fid-dinja. Beda jkollha bosta viżjonijiet u rivelazzjonijiet. Darba waħda wara viżjoni li kellha marret għand ir-Re Magnus u martu u ċanfrithom għall-ħajja li kienu qed jgħixu. Hu nidem, u bi flusu għen il-monasteru f’Vadstena, li fih il-qaddisa waqqfet l-Ordni tas-Salvatur għas-Sorijiet, magħrufin bħala Briġittini (1346).

Fis-Sena Mqaddsa 1350, Briġida marret Ruma, fejn ħadmet bis-sħiħ qalb il-poplu speċjalment mal-foqra. Irsistiet ħafna biex il-Papa jirritorna f’Ruma minn Avignon, iżda x-xewqa tagħha ma seħħietx ħlief erba’ snin wara mewtha. Kienet magħrufa għar-rivelazzjonijiet li kien ikollha u l-profeziji.

Fl-1371 Briġida għamlet pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa flimkien ma’ wliedha Karlu, Bergu u Katarina. Matul il-pellegrinaġġ kellha sensiela ta’ viżjonijiet tal-ġrajja ta’ Ġesù.

Ftit xhur wara li waslet lura f’Ruma, saħħitha bdiet tmajna, u mietet fit-23 ta’ Lulju 1373. Ħalliet ħafna opri li fihom kitbet dwar l-esperjenzi mistiċi li kellha. Il-Papa Bonifaċju IX ikkanonizzaha fl-1391. Hija l-patruna tal-Isvezja. Hija wkoll, flimkien ma’ oħrajn, Patruna tal-Ewropa.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: