Illum il-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Ġakbu l-Kbir

Fil-25 ta’ Lulju l-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Ġakbu l-Kbir, Appostlu li għex fl-1 Seklu.

San Ġakbu, li jiġi ħu San Ġwann l-Appostlu, kien magħruf bħala Ġakbu l-Kbir biex jingħaraf mill-Appostlu Ġakbu l-ieħor li x’aktarx kien iżgħar fl-età.

Kien sajjied minn Betsajda, fil-Galilija. Ġurnata waħda, hu u ħuħ Ġwanni kienu qed jistadu flimkien ma’ missierhom Żebedew meta Ġesù kien għaddej mill-inħawi u sejħilhom biex ikunu dixxipli tiegħu. It-tnejn ħallew lil missierhom, ix-xbiek u kollox, u marru miegħu.

Lil dawn iż-żewġ aħwa, Ġesù tahom l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri “ulied ir-ragħad” (Mark 3:17) x’aktarx għax kienu fuq tagħhom, bħal meta darba qalu lil Ġesù: “Mgħallem, irridu li dak li nitolbuk tagħmilhulna” (Mark 10: 35-41). Darb’oħra meta s-Samaritani ma laqgħux lil Ġesù, dawn it-tnejn staqsewh: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” (Luqa 9:54).

San Ġakbu kien ma’ San Pietru u San Ġwann meta Ġesù qajjem lit-tifla ta’ Ġajru mill-mewt; kien magħhom ukoll fit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq l-għolja Tabor; u wkoll fl-agunija ta’ Ġesù fil-ġnien taż-Żebbuġ.

Tradizzjoni tgħid li wara t-tlugħ tal-Mulej Ġesù fis-sema, San Ġakbu mar Spanja jipprieTka l-Vanġelu. F’Compostella hemm knisja famuża ddedikata f’ismu, u hemm jingħatalu ġieħ mill-ikbar.

Kien l-ewwel wieħed fost l-appostli li miet għal Ġesù, bil-qtugħ ir-ras, fil-Palestina, fis-sena 43, fi żmien is-Sultan Agrippa I. Sa mis-seklu 9 Spanja tiftaħar li l-fdal tal-qaddis (li huma jsejħulu Sant Jago) jinsabu f’Compostella, u l-pellegrinaġġi lejn SantIago ta’ Compostella kienu saru famużi ħafna fiż-żminijiet tan-nofs.

Fil-gżejjer tagħna għandna diversi knejjes iddedikati lil dan l-appostlu, fosthom dik tal-belt Valletta, dik ta’ Ħaż-Żabbar, u dik tar-Rabat Għawdex.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply