Kunċert mis-solisti tal-Kor Gaulitanus

Il-Kor Gaulitanus ta’ Għawdex se jkun jagħti l-kontribut tiegħu lejn il-mixja gradata għar-ritorn tal-avvenimenti mużikali billi se jorganizza kunċert fl-apert mis-solisti tiegħu.

Fil-kunċert, appositament intitolat “Meeting Again Through Song”, se jipparteċipaw l-erba’ soprani Anna Bonello, Annabelle Zammit, Patricia Buttigieg u Stephanie Portelli. F’din il-festa ta’ kant se jiġu interpretati bċejjeċ vokali leġġeri u semi-klassiċi – uħud ta’ kompożituri kbar bħal Puccini, Mascagni u Poulenc – u diversi oħrajn mill-aktar musicals maħbuba. Il-kantanti se jkunu akkumpanjati mis-surmast fundatur tal-Kor Gaulitanus, Colin Attard, li wkoll se jkun responsabbli mid-direzzjoni artistika. Permezz ta’ dan il-kunċert u dan ir-repertorju speċifiku – li għandu jolqot il-gosti ta’ kulħadd – il-Kor Gaulitanus jispera li jkun qed jittrasmetti messaġġ ta’ pozittivita li tant hu essenzjali bħalissa.

Il-kunċert, li se jsir bis-support tad-Direttorat tal-Kultura u Wirt Storiku (Ministeru għal Għawdex), se jittella’ nhar il-Ħamis 6 t’Awwissu fit-8 ta’ filgħaxija fil-bitħa tal-Ministeru għal Għawdex – fejn l-udjenza tista’ tiġi akkommodata tajjeb anke skont il-linji gwida ta’ distanzi soċjali. Filwaqt li d-dħul hu b’xejn u mingħajr ħtieġa ta’ prenotazzjoni bil-quddiem, il-pubbliku hu mitlub li jasal ftit ħin qabel il-bidu tal-kunċert.

http://www.gaulitanus.com

meeting again through song... poster - jpg

Leave a Reply