Omelija fil-bidu tas-Sena

Print Friendly, PDF & Email

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

It-13-il jum dinji tal-paċi u Solennità ta’ Marija Omm Alla.

01 ta’ Jannar 1980

1. Illum fuq ix-xeqaf tal-istorja tal-umanità dehret data ġdida: 1980. Dehret ftit sigħat ilu u se takkumpanjana l-jiem kollha li se jiġu wara tul din is-sena, sal 31 ta’ Diċembru li ġej. Insellmu lil dan l-ewwel jum u lis-sena l-ġdida kollha fl-imkejjen kollha tad-dinja. Insellmulha hawn, fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-qalba tal-Knisja, bil-għana kollu tal-kontenut liturġiku, li jġib miegħu dan l-ewwel jum tas-sena l-ġdida.  

Illum jaħbat ukoll l-aħħar jum tal-ottava tal-Milied. Il-festa kbira tal-Inkarnazzjoni tal-Verb etern tkompli tkun preżenti fih u f’ċertu sens tidwi hemm bl-aħħar diwi. It-twelid tal-bniedem dejjem isib l-interess tiegħu l-iktar profond fl-omm, u għalhekk dan l-aħħar jum tal-ottava tal-Milied, li huwa fl-istess ħin l-ewwel jum tas-sena l-ġdida, huwa ddedikat lil Omm l-Iben ta’ Alla. F’dan il-jum inqimu l-maternità divina tagħha, hekk kif tqimha l-Knisja kollha fil-Lvant u fil-Punent, waqt li tifraħ biċ-ċertezza ta’ tali verità, b’mod partikolari miż-żminijiet tal-Konċilju ta’ Efesu, fis-sena erbà mija u wieħed u tletin (A.D.431).  

U barra minn dan irridu niddedikaw dan l-ewwel jum tas-sena l-ġdida, li għall-Knisja huwa festa hekk kbira, għall-kawża l-kbira tal-paċi fuq l-art. Nibqgħu hawn fidili għall-verità tat-twelid ta’ Alla, għaliex infatti lilha jappartieni dan l-ewwel messaġġ ta’ paċi fl-istorja tal-Knisja, imxandar ġo Betlem: “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin li huwa jħobb” (Lq 2,14). F’dan ir-rigward isib ukoll postu l-messaġġ tallum għaċ-ċelebrazzjoni tal-jum dinji tal-paċi, li l-Knisja tindirizza lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, biex turi li l-verità hija sies u qawwa tal-paċi fid-dinja. Flimkien ma’ dan il-messaġġ ta’ paċi jmorru l-awguri żelanti, li l-Knisja testendi lil kull bniedem, lil kull wieħed u waħda, u lil kulħadd bla ebda eċċezzjoni, bil-kliem tal-ewwel qari bibbliku tal-liturġija tallum.  

“Ibierkek il-Mulej u jipproteġik. Il-Mulej jagħmel li wiċċu jiddi fuqek u jkunlek favorevoli. Il-Mulej idawwar wiċċu fuqek u jagħtik il-paċi” (Nm 6, 24-26).  

2. Il-verità, li għaliha nsejħu fil-messaġġ ta’ din is-sena għall-ewwel ta’ Jannar, huwa qabe lkollox verità fuq il-bniedem. Il-bniedem jgħix dejjem f’komunità, anzi jappartieni lill-diversi komunitajiet, u soċjetajiet. Huwa bin jew bint n-nazzjon tiegħu/tagħha, werriet/werrieta tal-kultura tiegħu/tagħha u rsappreżentant/a tal-aspirazzjonijiet tiegħu/tagħha. B’diversi modi jiddependu minn sistemi ekonomiċi-soċjali u politiċi. Kultant jidhrilna li huma implikati fihom hekk b’mod profond li jidher kważi mpossibbli li tarahom u tasal għalihom individwalment, tant huma il-kondizzjonamenti u d-determiniżmi tal-eżistenza terrena tagħhom.  

U bdanakollu jeħtieġ li nagħmluh, hemm bżonn nippruvawh bla ma naqtgħu. Hemm bżonn nirritornaw kostantament għall-veritajiet fundamentali dwar il-bniedem, jekk irridu naqdu l-kawża l-kbira tal-paċi fuq l-art. Il-liturġija tallum taċċenna propju għal din il-verità fundamentali dwar il-bniedem, b’mod speċjali permezz tal-qari qawwi u konċiż tal-ittra lill-Galatin. Kull bniedem jitwieled minn mara, hekk bħal ma minn Mara twieled ukoll l-Iben ta’ Alla, il-bniedem Ġesù Kristu.

U l-bniedem jitwieled biex jgħix!  

Il-gwerra ssir dejjem biex toqtol. Hija qerda ta’ ħajjiet ikkonċepiti fil-ġuf tal-ommijiet. Il-gwerra hija kontra l-ħajja u kontra l-bniedem. L-ewwel jum tas-sena, li bil-kontenut liturġiku tiegħu jikkonċentra l-attenzjoni tagħna fuq il-maternità ta’ Marija, huwa diġa għal dan stess aħbar ta’ paċi. Infatti l-maternità tirrivela ix-xewqa u l-preżenza tal-ħajja; timmanifesta l-qdusija tal-ħajja. Għall-kuntrarju l-gwerra tfisser il-qerda tal-ħajja. Il-gwerra fil-ġejjieni tistà tkun opra ta’ qerda, assolutament inimmaġinabbli, tal-ħajja umana.  

L-ewwel jum tas-sena jfakkarna li l-bniedem jitwieled għall-ħajja fid-dinjità li tixraqlu. U l-ewwel dinjità hija dik li tiġi mill-umanità stess tiegħu. Fuq din il-bażi titqiegħed ukoll dik id-dinjità, li rrivelat u ġabet lill-bniedem l-Iben ta’ Marija: “… meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, sabiex jirċievu l-addozzjoni ta’ wlied. U li intom ulied hija l-prova l-fatt li Alla bagħat f’qalbna l-Ispirtu ta’ Ibnu li jgħajjat: Abba, Missier! Mela m’intix iktar ilsir, imma iben; u ladarba iben, inti wkoll werriet bir-rieda ta’ Alla” (Gal 4, 4-7)  

Il-kawża kbira tal-paċi fid-dinja hija definita, fl-istess sisien tagħha, permezz ta’ dawn iż-żewġ grandezzi: il-valur tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Għalihom għandna nmorru dejjem bla ma naqtgħu, waqt li naqdu din il-kawża.  

3. Is-sena 1980, li tibda llum, tfakkarna l-figura ta’ San Benedittu, li Pawlu VI ipproklamah patrun tal-Ewropa. F’din is-sena jitwettqu ħmistax-il seklu mit-twelid tiegħu. Se tkun biżżejjed tifkira sempliċi, hekk kif jiġu mfakkra id-diversi anniversarji wkoll importanti? Naħseb li ma jkunx biżżejjed; din id-data u din il-figura, għandkom elokwenza tali li ma tkunx biżżejjed sempliċi kommemorazzjoni, imma se jkun meħtieġ li naqraw mill-ġdid u ninterpretaw fid-dawl tagħhom id-dinja kontemporanja.  

Infatti, dwar xiex jitkellem San Benedittu ta’ Norcia? Jitkellem dwar il-bidu ta’ dik l-attività ntensa ġganteska li minnha twieldet l-Ewropa. F’ċertu sens, infatti, din twieldet wara l-perijodu tal-kbir Imperu Ruman. Waqt li twieldet mill-istrutturi kulturali tiegħu, grazzi għall-ispirtu benedittin, hija siltet minn dak il-patrimonju u inkarnat fil-wirt tal-kultura Ewropea u universali dak kollu li nkella kien jispiċċa jintilef. L-ispirtu benedittin huwa f’kuntrast ma’ kwalunkwè programm ta’ qerda. Huwa spirtu ta’ restawr u ta’ promozzjoni, imwieled mill-kuxjenza tal-pjan divin ta’ salvazzjoni u edukat fl-għaqda ta’ kuljum tat-talb u tax-xogħol.  

B’dan il-mod San Benedittu, li għex fi tmiem l-antikità, jagħmilha ta’ preservatur ta’ dak il-wirt li hu għadda lill-bniedem Ewropew u lill-umanità. Kontemporanjament, huwa jinsab fuq l-għatba taż-żminijiet il-ġodda, fit-tbexbix ta’ dik l-Ewropa li kienet qiegħda titwieled f’dak il-waqt, mill-borma tat-tidwib tal-immigrazzjonijiet ta’ popli ġodda. Huwa jħaddan mal-ispirtu tiegħu wkoll lill-Ewropa tal-ġejjieni. Mhux biss fis-skiet tal-libreriji benedittin u fl-“iskriptoriji” jitwieldu u jiġu kkonservati l-opri tal-kultura spiritwali, imma madwar l-abbaziji jiffurmaw ruħhom ukoll iċ-ċentri tax-xogħol, b’mod partikolari ta’ dak tar-rabà; b’dan il-mod jiżviluppaw ruħhom il-ħila u l-kapaċità umana, li jikkostitwixxu l-ħmira tal-proċess il-kbir taċ-ċiviltà.                                

4. Waqt li niftakru dan kollu diġa llum, fl-ewwel jum tal-ġublew benedittin, hemm bżonn li nduru b’messaġġ imħeġġeġ lejn il-bnedmin kollha u lejn in-nazzjonijiet kollha, b’mod speċjali lejn dawk li jgħammru fil-kontinent tagħna.  It-temi li regħdu l-opinjoni pubblika Ewropea tul il-kors tal-aħħar ġimgħat tas-sena li għadha kemm intemmet, jitolbu minna li naħsbu bla telf ta’ żmien dwar il-ġejjieni. Iġegħluna għal tali għaġġla l-aħbarijiet dwar il-bosta mezzi ta’ qerda, li tagħhom jistà jkun vittma l-frott ta’ din iċ-ċiviltà għanja, elaborat bix-xogħol iebes ta’ tant ġenerazzjonijiet li jibdew miż-żminijiet ta’ San Benedittu. Ejjew naħsbu dwar il-bliet u l-irħula – fil-Punent u wkoll fil-Lvant – li bil-mezzi ta’ qerda diġa magħrufa jistgħu jiġu kompletament miġjuba gżuż ta’ terrapien. F’dak il-każ, min qatt jistà jipproteġi dawk il-meraviljużi bejtiet tal-istorja u ċentri tal-ħajja u tal-kultura ta’ kull nazzjon, li jikkostitwixxu is-sors u s-sosten għal popolazzjonijiet sħaħ fil-mixja tagħhom kultant diffiċli lejn il-ġejjieni?  

Reċentement irċivejt mingħand xi xjenzjati peviżjoni sintetika tal-konsegwenzi immedjati u terribbli ta’ gwerra nukleari. Hawn huma l-ewlenin:  

– Il-mewt, b’azzjoni diretta jew ittardjata tal-esplożjonijiet, ta’ popolazzjoni li tistà tmur minn 50 sa 200 miljun persuna;  

– tnaqqis drastiku ta’ riżorsi alimentari, ikkawżat mir-radjuattività li tibqà f’estensjoni wiesgħa ta’ artijiet utilizzabbli għall-agrikultura;  

– tibdil ġenetiku perikoluż, li jseħħ fl-istess esseri umani, fil-fawna u fil-flora;  

– tibdil konsiderevoli fil-faxxa tal-ożono tal-atmosfera, li tesponi l-bniedem għal inċertezzi maġġuri,  preġudizzjali għal ħajtu;

– f’belt milquta minn splużjoni nukleari il-qerda tas-servizzi kollha urbani u t-terrur imqanqal mid-diżastru jimpedixxu li jiġu offruti linqas għajnuniet lill-abitanti, waqt li joħolqu inkubu ta’ apokalissi.

Huma biżżejjed mitejn biss mill-ħamsin elf bomba nukleari, li huwa stmat li diġa jeżistu, biex jinqerdu l-parti l-kbira tal-ikbar bliet tad-dinja. Huwa urġenti, jgħidu dawk ix-xjenzjati, li l-popli ma jagħlqux għajnejhom dwar dak li gwerra atomika tistà tirrapreżenta għall-umanità.

5. Huma biżżejjed dawn il-ftit riflessjonijiet biex nagħmlu lilna nfusna mistoqsija: nistgħu nkomplu f’din it-triq? It-tweġiba hija ċara..  

Il-Papa jiddiskuti t-tema tal-periklu tal-gwerra u tal-bżonn li nsalvaw il-paċi, ma bosta bnedmin u f’diversi okkażjonijiet. It-triq biex nipproteġu l-paċi tgħaddi mit-taħditiet u min-negozjati bilaterali, jew multilaterali. Bdanakollu, fil-bażi tagħhom hemm bżonn li nsibu mill-ġdid u li nibnu mill-ġdid fattur ewlieni, li mingħajru huma weħedhom ma jagħtux frott u ma jassikurawx l-paċi. Hemm bżonn li nsibu u nibnu mill-ġdid l-fiduċja reċiproka! U din hija problema diffiċli. Il-fiduċja ma takkwistahiex permezz tal-forza. Linqas ma tinkiseb bid-dikjarazzjonijiet biss. Il-fiduċja hemm bżonn li timmeritaha bil-ġesti u l-fatti pożittivi.  

“Paċi lill-bnedmin ta’ rieda tajba”. Dan il-kliem ippronunzjat darba waħda fil-waqt tat-twelid ta’ Kristu, ma jieqafx li jkun il-muftieħ tal-kawża l-kbira tal-paċi fid-dinja. Hemm bżonn li jiftakruh b’mod speċjali dawk li minnhom tiddependi l-iktar il-paċi.  

6. Illum huwa jum ta’ talb kbir u universali għall-paċi fid-dinja, Aħna se ngħaqqdu dan it-talb mal-misteru tal-Maternità ta’ Omm Alla, u l-Maternità hija messaġġ inċessanti favur il-ħajja umana, ladarba tippronunzja ruħha kontra dak kollu li jeqridha u jheddida. Wieħed ma jistà jsib xejn li huwa oppożizzjoni ikbar għall-gwerra u għall-omiċidju, jekk mhux propju l-maternità.  

Hekk, mela, ngħollu t-talb kbir u universali tagħna għall-paċi fuq l-art waqt li nispiraw ruħna mill-misteru tal-Maternità ta’ Dik, li tat ħajjitha umana lill-Iben ta’ Alla.  

U fl-aħħarnett ejjew nesprimu din it-talba billi ninqdew bil-kliem tal-liturġija, li jiġbor fih awgurju ta’ verità, ta’ ġid u ta’ paċi għall-popli kollha tad-dinja:  

“Alla jkollok ħniena minna u berikna, / fuqna agħmel li jiddi wiċċek; / sabiex tingħaraf fuq l-art it-triq tiegħek, / fost in-nies kollha s-salvazzjoni tiegħek. / Ifaħħruk il-popli, Alla, / ifaħħruk il-popli kollha. / Jifirħu l-ġnus u jerġgħu jifirħu, / għaliex tiġġudika l-popli b’ġustizzja, / tiggverna n-nazzjonijiet fuq l-art. / Ifaħhruk il-popli, Alla, / Ifaħħruk, Alla, / Ifaħħruk il-popli kollha. / L-art tat il-frott tagħha. / Iberikna Alla, Alla tagħna, / Iberikna Alla / u jibżgħu minnu l-fruntieri kollha tal-art” (Sal 67).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emmanuel Zarb

%d bloggers like this: