Omelija waqt quddiesa ta’ Ordinazzjoni ta’ Isqfijiet ġodda

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

06 ta’ Jannar 1980

1. “Offrew ir-rigali…”.  

B’dan il-ġest it-tliet slaten magi mil-Lvant iwasslu għat-twettiq l-iskop tal-vjaġġ tagħhom. Dan mexxihom mit-toroq ta’ dawk l-artijiet lejn dawk il-ġrajjiet ukoll kontemporanji li spiss jiġbdu l-attenzjoni tagħna. Il-gwida tul dawn it-toroq għat-tliet slaten magi kienet dik il-kewkba misterjuża “li huma kienu raw fit-tlugħ tagħha” (Mt 2,9), u li “kienet timxi quddiemhom, sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien jinsab it-tifel” (Mt 2,9). Propju għand dan it-tifel marru dawk l-irġiel mhux tas-soltu, imsejħa barra miċ-ċrieki tal-poplu magħżul lejn it-toroq tal-istorja ta’ dan il-poplu.  

L-istorja ta’ Iżrael kienet tathom l-ordni biex jieqfu f’Ġerusalem u biex iqegħdu – quddiem Erodi – il-mistoqsija: “Fejn jinsab is-sultan tal-Lhud li twieled”? (Mt 2,2). Infatti t-toroq tal-istorja kienu ġew iddisinjati minn Alla, u għalhekk kien meħtieġ li jitfittxu fil-kotba tal-profeti: ta’ dawk jiġifieri li f’isem Alla kienu kellmu lill-poplu dwar il-vokazzjoni speċjali tiegħu. U l-vokazzjoni tal-poplu tal-patt kien propju dak li għandu kienet twassal it-triq tas-slaten magi mil-Lvant. Hekk kif huma għamlu d-domanda tagħhom quddiem Erodi, huwa ma kellu l-ebda dubju dwar min – u dwar liema sultan – kienu qegħdin jitkellmu, għaliex, kif naqraw, “miġbura l-qassisin il-kbar kollha kif ukoll l-iskribi tal-poplu, huwa nforma ruħu mingħandhom dwar il-post fejn kellu jitwieled il-Messija”(Mt 2,4).  

Hekk mela t-triq tas-slaten magi twassal għand il-messija. Għand dak li l-Missier “ikkonsagra u bagħat fid-dinja” (Ġw 10,36). It-triq tagħhom hija wkoll it-triq tal-Iapirtu. Hija b’mod speċjali t-triq fl-Ispirtu Santu. Waqt li jterraq għal għonq din it-triq – mhux tant għal għonq it-toroq tar-reġġjuni tal-Lvant nofsani, daqskemm pjuttost għal għonq il-mixjiet misterjużi tar-ruħ – il-bniedem jiġi mmexxi mid-dawl spiritwali li jiġi minn Alla, raffigurat minn dik il-kewkba, li kienu segwew is-slaten magi.  

Il-mixjiet tar-ruħ umana, li jwasslu lejn Alla, jagħmlu iva li l-bniedem jerġà jsib ġo fih teżor intern. Hekk naqraw ukoll dwar is-slaten magi, li hekk kif waslu Betlem “fetħu l-kaxxi tat-teżori tagħhom” (Mt2,11). Il-bniedem jagħraf b’liema doni enormi tan-natura u ta’ grazzja Alla fawru, u allura jitnissel fih il-bżonn li joffri lilu nnifsu, li jirrestitwixxi lil Alla dak li rċieva, li joffri lilu nnifsu bħala sinjal tat-twessigħ divin. Dan id-don jassumi forma tripla – hekk bħallikieku fl-idejn tat-tliet slaten magi:  

“fetħu l-kaxxi tat-teżori tagħhom u offrewlu bħala rigal deheb, inċens u mirra” (Mt 2,11).  

2.L-episkopat, li llum, meqjuma u maħbubin ħuti, se tirċievu minn idejja, huwa sagrament li fih jeħtieġ jintwera b’mod speċjali d-don. Infatti l-episkopat huwa l-milja tas-sagrament tal-Ordni Sagri li permezz tiegħu l-Knisja tiftaħ dejjem quddiem Alla t-teżor kbir tagħha – u minn dan it-teżor toffrilu d-doni tal-Poplu kollu ta’ Alla. L-ikbar teżor tal-Knisja huwa l-għarus tagħha: Kristu. Ħa jkun il-Kristu imqiegħed fuq it-tiben f’maxtura, kif ukoll il-Kristu li jmut fuq is-salib. Huwa hu teżor bla tmiem. Il-Knisja kontinwament toħroġ idejha għal dan it-teżor biex tikseb minnu. U waqt li tikseb ma tnaqqsux, imma żżidu.  

Tali huma l-prinċipji tal-ekonomija divina. Toħroġ idha, mela, l-Knisja għat-teżor tan-natività u tal-kruċifissjoni, għat-teżor tal-inkarnazzjoni u tar-redenzjoni. U waqt li toħroġ idha għalih, ma tfaqqarx dak it-teżor imma timmultiplikah..  

L-Isqof huwa l-amministratur, fl-istess ħin, ta’ dak il-ħruġ u ta’ dik il-multiplikazzjoni.  

“Huwa amministratur tal-misteri ta’ Alla” (1Kor 4,1). Mhuwiex biss ġenju li jterraq għal għonq it-toroq imħarbta tad-dinja lejn l-għatba tal-misteru. Huwa mqiegħed f’qalbu stess. Dmiru hu li jiftaħ dan il-misteru u joħroġ idejh lejh. Iktar ma jiftaħ idejh b’mod ġeneruż, iktar jimmultiplikah bil-kbir.  

Ftakru, għeżież, li l-Ispirtu Santu illum jaħtarkom f’nofs il-Knisja sabiex waqt li tifirxu jdejkom b’mod abbundanti lejn it-teżor tan-natività u tar-redenzjoni, timmultiplikawh b’ħajjitkom u bil-ministeru tagħkom.  

3.Minn dan it-teżor jinstilet dejjem deheb, inċens u mirra. B’tali don triplu għandha titlibbes ħajjitkom, ladarba intom imsejħa biex toffru lil Alla fi Kristu u fil-Knisja mħabbitkom, talbkom u tbatijietkom. Madankollu, billi intom maħtura f’nofs il-Poplu ta’ Alla bħala Rgħajja u fl-istess ħin bħala qaddejja, id-don personali tagħkom għandu jikber f’dan il-poplu. “Fecit eum Dominus crescere in plebem suam”. Il-vokazzjoni tagħkom hija d-don tal-poplu kollu. Kull wieħed minnkom għandu jibqà r-ragħaj u l-qaddej ta’ din l-imħabba, tat-talb u tat-tbatija, li jogħlew mill-qlub kollha lejn Alla fi Kristu. Tali doni la għandhom jinħlew u linqas jintilfu. Għall-kuntrarju għandhom isibu t-triq lejn Betlem bħad-doni f’idejn il-maġi, li segwew il-kewkba mil-Lvant. Kull Isqof huwa l-amministratur tal-misteru u l-qaddej tad-don li jħejji ruħu bla jaqtà fil-qlub umani. Dan id-don jiġi mill-esperjenzi tal-ġenerazzjoni li għaliha jappartieni l-Isqof innifsu. Jiġi mill-ħajja ta’ mijiet, eluf u miljuni ta’ bnedmin, ħutu rġiel u nisa, Huwa stess, l-Isqof, huwa l-qaddej tad-don. Dak li jgħasses u li jimmultiplika. Hemm bżonn tippenetraw b’mod profond fil-kumplessità kollha tal-ħajja tal-bnedmin kontemporanji, sabiex dak li jibniha ma jitħawwadx fl-opri tagħhom, fil-qlub, fir-relazzjonoijiet soċjali, fil-kurrenti ta’ ċivilizzazzjoni, imma jsib kontinwament is-sens tiegħu bħala don. Huwa Kristu stess Isqof u Ragħaj ta’ ruħna, ta’ dak kollu li hu uman, li jrid jagħmel minna sagrifiċċju perenni li jogħħġob lil Alla (cf. Prex Eucharistica III), don lill-Missier.  

L-Isqof huwa dak li jgħasses id-don, huwa dak li jqajjem mill-ġdid id-don fil-qlub, fil-kuxjenzi, fl-esperjenzi diffiċli tal-epoka tiegħu, fl-aspirazzjonijiet tiegħu u fil-konfużjonijiet tiegħu, fiċ-ċivilizzazzjoni tiegħu, fl-ekonomija u fil-kultura.  

4.Illum jiġu ġo Betlem it-tliet slaten magi mil-Lvant. Jaslu permezz tat-triq tal-fidi. Dwar l-episkopat ma jistax jewwilla wieħed jgħid li dan huwa sagrament tat-triq? Intom tirċievu dan is-sagrament biex issibu ruħkom fit-triq ta’ tant bnedmin, li għalihom jibgħatkom il-Mulej; biex flimkien magħhom taċċettaw din it-triq, waqt li timxu, bħall-maġi, wara l-kewkba; u kemm spiss biex iġġiegħlu lilhom jaraw il-kewkba, li f’xi partijiet ma tkunx baqgħet tiddi, f’xi partijiet tkun intilfet… biex turuhielhom mill-ġdid!  

Idħlu intom ukoll, għeżież ħuti, f’din it-triq kbira tal-Knisja, li hija mfassla mis-suċċessjoni apostolika għas-sedji veskovili ndividwali.  

U xi ngħidu hawn dwar dik is-suċċessjoni meraviljuża, għanja fis-sedja ta’ San Ambroġ, u mbagħad ta’ San Karlu f’Milan? Din tmur lura, bejn wieħed u ieħor, għall-ewwel għaxriet ta’ snin tal-kristjaneżmu u hija miżgħuda b’Isqfijiet martri… u fis-seklu tagħna biss, tat lill-Knisja żewġ papiet: Piju IX u Pawlu VI. Huwa hawn preżenti l-Kardinal Ġovanni Colombo, li rċieva din is-sedja ta’ Milan propju wara Pawlu VI, l-allura Kardinal Ġovanni Battista Montini, biex jgħaddiha llum, meta l-forzi tiegħu jiddgħajfu, lis-suċċessur tiegħu. B’ferħ u fiduċja l-Knisja ta’ Milan issellem lil dan is-suċċessur, iben denn ta’ San Injazhju, rettur stmat tal-“Biblicum” u wara tal-Università Gregorjana f’Ruma. B’ferħ u fiduċja l-Knisja ta’ Milan issellem lil dak li għandu jkun l-Isqof u Ragħaj ġdid, l-amministratur il-ġdid tad-don, li dwaru tkellimt, u x-xhud il-ġdid tal-kewkba, ta’ dik il-kewkba li tmexxi b’mod infallibbli lejn Betlem. 

Is-Santa Sede ssellem ukoll bi pjaċir lil binha li jistħoqqlu, diġa uffiċċjal tal-kanċellerija apostolika u għal bosta snin iddedikat għas-servizz tas-segreterija tal-Istat, kif ukoll ministru ta’ Alla ddedikat f’tant opri ta’ apostolat, li llum se jirċievi l-ordinazzjoni episkopali bħala Arċisqof titolari ta’ Serta, biex jiżvolġi d-dmirijiet ta’ delegat għar-rappreżentazzjonijiet pontifiċji  .  

Insellmu mbagħad lil bin l-Afrika, ir-Ragħaj il-ġdid tal-Knisja żagħżugħa u għażiża ta’ Yagoua fil-Kamerun, li sallum ħadem iebes fid-dijoċesi tal-oriġni tiegħu, bħala rettur tas-seminarju reġġjonali maġġuri ta’ Bambui u bħala kollaboratur ġeneruż f’attivitajiet pastorali differenti; u flimkien miegħu nindirizzaw l-ħsieb kordjali tagħna lill-kontinent Afrikan kollu kemm hu.  

5.L-episkopat huwa s-sagrament tat-triq. Huwa s-sagrament tat-toroq numerużi, li jkopru l-Knisja, waqt li ssegwi l-kewkba ta’ Betlem, flimkien ma’ kull bniedem.  

Idħlu f’dawn it-toroq, meqjumin u għeżież ħuti, ġorru fuqhom deheb, inċens u mirra. Ġorruhom b’umiltà u b’fiduċja. Ġorruhom bi qlubija u b’perseveranza. Permezz tas-servizz tagħkom jinfetaħ it-teżor bla tmiem lil bnedmin ġodda, lil ambjenti ġodda, lil żminijiet ġodda, bil-għana indeskrivibbli tal-misteru li rrivela ruħu għal għajnejn is-slaten magi, li mil-Lvant ġew għal fuq il-għatba tal-istalla ta’ Betlem.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emmanuel Zarb