Xi tfisser il-ħniena fl-Iskrittura, Dun Pawl Sciberras

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (21)

8 ta’ Ottubru 2013

Xi tfisser il-ħniena fl-Iskrittura

F’xi summaries tal-intervista lill-Papa minn P. Antonio Spadaro S.J. sar emfasi partikulari fuq it-tema tal-ħniena. Xtaqt naqsam magħkom riflessjoni qasira fuq dan il-punt li jisħaq fuqu l-Papa Franġisku. Qed ngħid għall-punt tal-ħniena, mercy.

Il-Papa jgħid li l-ministri tal-Knisja għandhom ikunu fuq kollox ministri tal-ħniena (San Pawl kien diġà qalha f’2 Kor 4,1; 5,18; 8,4). Naħseb li dan kollu jista’ jingħad għal kull nisrani. Fuq kollox, jgħid il-Papa, il-ħniena hija li l-ministeru li tieħu b’serjetà kbira r-responsabbiltà lejn il-persuna (“si fa veramente carico della persona”).

Naħseb li din il-frażi hija l-qofol ta’ kollox, u hija msejsa fuq il-pedament tal-Iskrittura.

Il-Bibbja ma tużax il-kunċett astratt ta’ ħniena imma tagħtih libsa ferm konkreta. Il-kelma għal ħniena fit-Testment il-Qadim hija raħamim (bil-Malti għandna n-nom traħħim, u l-verb raħħam). It-tifsira tagħha hija intestini, vixxri (raħamim hija plural), imma s-sens primarju huwa l-ġuf. L-istess il-kelma splankhna (plural ukoll) fil-Grieg tat-Testment il-Ġdid u tas-LXX. Il-ħniena hija mħabba vixxerali, li wieħed iħoss sa fil-ġewwieni l-iktar profond tiegħu. Imma l-idea tal-ġuf li bih tinqeda l-Bibbja ma tħallix iżjed lil dan il-kunċett jibqa’ fuq livell emottiv u sentimentali. Fi kliem ieħor, il-ħniena mhix tħassir lejn dak li jkun, mhix pity!

Issa jekk nieħdu l-kunċett tal-ġuf, nindunaw għaliex il-Bibbja tinqeda b’din it-tixbiha antropoloġika għal kunċett astratt bħalma huwa l-ħniena.

Il-mara tqila tagħmel spazju fiha nnifisha u tkabbar dejjem iżjed dak l-ispazju, fil-ġuf tagħha, għal disa’ xhur sħaħ, biex it-tarbija fiha tkun tista’ tikber sal-mument li tista’ ssir persuna indipendenti minn ommha. It-tarbija tikber ġol-ġuf tal-omm, mhux tiddaħħal fil-ġuf tal-omm meta tkun diġà teżisti u kbira. Il-ġuf huwa s-simbolu tal-azzjoni ta’ ħolqien.

Allura skont din it-tixbiha tal-ġuf, il-ħniena ssir tfisser l-ispazju li Alla jew persuna jagħmel għal persuna oħra (li qiegħed iħenn għaliha) biex dik il-persuna terġa’ tinħoloq u tikber sakemm tista’ terġa’ ssir sħiħa. Il-ħniena, għax mhix pity, ma taqbadx il-persuna li qiegħda ’l barra minn min qiegħed iħenn għaliha u ddaħħalha f’min qiegħed iħenn. Il-ħniena titlob li min iħenn jagħraf tajjeb li l-persuna li qiegħed iħenn għaliha diġà hija parti minnu, ikabbar l-ispazju fih innifsu (ħajtu, ħinu, l-enerġija tiegħu, is-support li jista’ jagħti, eċċ eċċ) ħalli l-persuna l-oħra tista’ tinħoloq, tikber u tgħix iktar sħiħa.

Jekk ma tkunx hekk, il-ħniena ssir sentiment u arma oħra ta’ power yielding għax issir patronizzanti: inti għandek bżonn li jien nitħassrek u naċċettak. Jiena għandi x’nagħtik u int mingħajri jibqagħlek bżonn xi ħaġa. L-idea tal-ħniena bħala l-ispazju li nagħmel fija u f’ħajti għal dak li jien inħenn għalih hija ferm iktar rispettuża lejn id-dinjità tal-bniedem li wieħed iħenn għalih. Il-ħniena hija «Jien irrid inħallik tikber fija». B’hekk nista’ nifhmek, naċċettak, nara t-tajjeb u s-sabiħ tiegħek u nħobbok kif int.

Dun Pawl Sciberras

Membru tal-Kummissjoni Teoloġika

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading