Noti dwar il-punti ewlenin li għamel l-Isqof Awżiljarju, Mons. C. Scicluna, bi tweġiba għall-Abbozz imressaq favur l-Unjoni Ċivili, Christopher Caruana OP

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOGIKA (22)

13 ta’ Novembru 2013

 Noti dwar il-punti ewlenin li għamel  l-Isqof Awżiljarju, Mons. C. Scicluna,

bi tweġiba għall-Abbozz imressaq favur l-Unjoni Ċivili.

1: Id-difett prinċipali tal-Abbozz hu li jiggarantixxi ugwaljanza bejn rejaltajiet li mhumiex ugwali u għaldaqstant iqarraq.

  • L-ekwiparazzjoni fi “proċedura u sustanza” bejn Unjoni Ċivili u Żwieġ hija għazla deliberata li tiġġenera ingann u hija mossa biex ma tixxukkjax daqshekk il-kuxjenza soċjali quddiem il-legalizazzjoni ta’ dak li altrimenti jgawdi l-privileġġi kollha taż-Żwieg. F’dan il-każ huma l-miżżewġin kollha li filfatt qegħdin jiġu diskriminati ladarba qed jiġi misluf (misruq?) il-“kontenut kollu” garantit mil-Liġi taż-Żwieġ u trasferit, mingħajr ġustifikazzjoni, f’liġi oħra, sempliċiment taħt isem ieħor. Barra minn dan, din id-diskriminazzjoni kontra l-miżżewġin tista’ tkun qiegħdha taħbi attitudni oħra lejn iż-Żwieġ in generali, li tarah bħala rabta pjuttost casual, ladarba l-kontenut jista’ tant faċilment jingħata libsa oħra, taħt isem ieħor.
  • Ladarba l-abbozz qed joffri t-tgawdija tal-privileġġi kollha taż-Żwieġ lil min jidħol f’Unjoni Ċivili, id-diskussjoni tista’ mingħajr tlaqlieq tiffoka fuq il-possibilita’ rejalistika li jiddaħħal iż-Żwieġ Omosesswali (kif filfatt tennet il-Ministru Helena Dalli, “dak huwa l-pass li jmiss”). Iżda mill-fatt li persuni jħobbu lil xulxin ma jfissirx li neċessarjament għandhom id-dritt li jiżżewġu, kemm jekk huma eterosesswali kif ukoll jekk huma omosesswali. Pereżempju raġel ma jistax jiżżewweġ mara li hija diġa’ miżżewġa, anki jekk iħobbu lil xulxin. Lanqas ma tista’ mara tkun miżżewġa lil żewġt irġiel għax tħobb lit-tnejn li huma u t-tnejn jixtiequ jkunu żwieġha. Missier ma jistax jiżżewweġ lil bintu, anki jekk l-imħabba tagħhom hija unikament paterna u filjali.
  • Hemm regoli fissi li jħarsu u jirrikonoxxu l-imħabba tal-miżżewġin. Li “ż- żwieġ huwa għal kulħadd” huwa biss riklam banali, ladarba anki wara l-legaliżazzjoni tal-Unjoni Ċivili u taż-Żwieġ Omosesswali, il-liġi xorta waħda ser tippreserva forom ta’ inugwaljanza u diskriminazzjoni. Kull min għal raġuni jew oħra ma jikkwalifikax la ghall-Unjoni Ċivili u lanqas għaż-Żwieġ ser igħid li saret diskriminazzjoni kontrieh?
  • Waħda mill-implikazzjonijiet tal-pożizzjoni li jiddefendi Scicluna hi li n-natura tal-persuna (u dak li huwa naturali għall-persuni umani) ma jistax jiġi ridott għax-xewqat jew emozzjonijiet li jħoss b’mod suġġettiv u privat l-individwu.

2: Ir-rabta dejjiema bejn raġel u mara, miftuħa għad-don tal-paternita’ u tal-maternita’ ma tista’ qatt titpoġġa fuq l-istess livell ta’ partnership jew għaqda bejn żewġ persuni tal-istess sess.

  • Jeżistu idejat differenti taż-Żwieġ. Skont verżjoni waħda, iż-Żwieġ mhuwiex biss rikonoxximent ta’ rabta ta’ mħabba. Huwa istituzzjoni li tartikula l-komunjoni bejn raġel u mara bħala parti mis-suċċessjoni bejn il-ġenerazzjonijiet. Hija l-istabbiliment ta’ familja – bħala ċellula tas-soċjeta’ li toħloq tip ta’ relazzjonijiet tat-tip ġenitur-wild fil-membri tagħha. Għalhekk mhuwiex biss il-ħajja komuni ta’ żewġ individwi, iżda jmur lil hinn tant li jorganizza l-ħajja tal-komunita’ mibnija fuq dixxendenti u antenati. Mifhum b’dan il-mod, iż-Żwieġ huwa att fundamentali li jibni u jżomm l-istabbilita’ kemm tal-individwi daqskemm tas-soċjeta’.
  • Skont verżjoni ohra, iż-Żwieġ huwa istituzzjoni skaduta u riġida, il-wirt assurd ta’ soċjeta’ aljenanti u tradizzjonali. Huwa paradoss li l-persuni li jiddefendu din l-ideja, jippromwovu wkoll iż-Żwieġ omosesswali. L-ideja prinċipali wara l-kontribut tal-Isqof Scicluna hi li “l-ugwaljanza” hawnhekk hija biss sostitut: Istituzzjoni mimlija b’sinifikat legali, kulturali u simboliku, ser issir kategorija legali mingħajr speċifikazzjoni sesswali, hekk li tikkomprometti l-familja stess meta tissoprimi kull differenza sesswali fir-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini u l-istat, ibda mill-istess ċerimonja taż-Żwieġ u r-reġistri tal-ulied li soltu joħorġu minnha.
  • Iżda l-iżjed ħsieb importanti li jagħmel dan it-tieni punt huwa li l-għaqda sesswali bejn persuni tal-istess sess qatt ma tista’ twassalhom biex ikunu miftuħin għall-ħajja, la fuq livell intenzjonali, wisq inqas fuq livell fiżiku. L-użu tal-kunċetti komplimentari ta’ paternita’ u maternita’ jew (1) jisparixxu kompletament u jirrendu paternita’ u maternita’ superfluwi [pereżempju, textbook tat-tfal tal-primarja fir-Renju Unit fih stampi fejn persunaġġ igħid, “This is my daddy, and this is my other daddy”] jew inkella (2) jintużaw b’mod fittizju, fejn jinfired is-sess mis-sesswalita’ [is-‘sess’ jirreferi biss għall-anatomija, meta s-‘sesswalità’ titqies biss bħala identita’ ta’ kategorija soċjologika miksuba kulturalment, cfr. Simone de Beauvoir: “you are not born a woman, you become a woman”; Gender Theory, Queer Theory, ecc.].

3: Unjoni bejn persuni tal-istess sess teskludi klassi ta’ atti umani li lill-mara u r-raġel

jagħmluhom ġisem wieħed.

  • It-tielet punt huwa konsegwenza loġika tat-tieni u jqiegħed l-atti matrimonjali ġenitali u riproduttivi fi klassi għalihom. Mhijiex kumbinazzjoni li teżisti kumplimentarjetà intrinsika fl-organi ġenitali u riproduttivi tar-raġel u tal-mara. Wieħed jista’ jsostni li ż-Żwieġ huwa tant istituzzjoni unika li dawn l-atti jsibu l-għan aħħari tagħhom proprju fir-rabta konjugali matrimonjali. L-unjoni (fiżika, ġenitali, emozzjonali, intelletwali u spiritwali) li tintlaħaq biss bejn raġel u mara hija eskluża per difinitionem minn atti sesswali bejn persuni tal-istess sess peress li dawn huma b’mod evidenti u ovju esklużi minn natura tal-ġisem uman.
  • Dan ifisser li attivita’ omosesswali – li tista’ tkun biss masturbatorja, sodomitika jew orali – hija effettivament użu (strumentaliżazzjoni) tal-ġisem tal-persuna l-oħra bħala oġġett li wieħed jinqeda/tinqeda bih għall-ksib tal-intimita’ reċiproka u għalhekk għandha effett aljenanti fuq il-persuna. Dawn l-atti huma ta’ ġeneru differenti mill-attivita’ eterosesswali matrimonjali fejn il-quċċata tal-intimita’ li tista’ tintlaħaq hija wkoll tat-tip riproduttiv (anki jekk mhux kull att ikun effettivament riproduttiv) u tippermetti li l-persuni jingħataw lil xulxin mingħajr ma jikkompromettu l-integrità personali sħiħa tagħhom.
  • Hemm argument ieħor (mil-Liġi Naturali) ta’ min wieħed jagħti kasu. Raġel u mara huma kompletament individwi meta jeżerċitaw xi funzjonijiet naturali – bħal pereżempju l-ikel, id-diġestjoni, is-sensi, il-moviment. Madanakollu, fil-każ tar-riproduzzjoni l-individwi huma biss il-partijiet potenzjali tal-organizmu sħiħ. Fi kliem ieħor, jingħaqdu f’ġisem wieħed biss fl-att sesswali riproduttiv. Anki jekk il-koppja hija sterili, huwa l-att sesswali tat-tip riproduttiv li jagħmel minn żewg individwi, ġisem wieħed. Din ir-rejalta’ kollha hija kategorikament (u inevitabilment) eskluża minn kull tip ta’ attivita’ sesswali bejn persuni tal-istess sess. Turi wkoll kemm l-unjoni eterosesswali reproduttiva hija unika u inkomparabbli ma’ kull tip ta’ attivita’ ġenitali oħra.

4: Il-konsumazzjoni taż-Żwieġ mhuwiex biss element tekniku u sekondarju f’għajnejn il-liġi. Id-dinjita’ li jġorr dan il-punt fundamentali huwa kompletament injorat (jew trattat bħala kompletament negozzjabbli) mill-Abbozz.

  • Dak li huwa mtenni fit-tielet punt ġie għal sekli sħaħ rikonoxxut mil-liġi kemm Ċivili kif ukoll Kanonika. Fil-fatt, l-atti sesswali li jsiru bejn persuni tal-istess sess, ma jikkwalifikawx bħala atti li jikkunsmaw iż-Żwieġ lanqas jekk iseħħu fil-każ ta’ koppja eterosesswali. Atti umani li ‘jattwalizzaw’ iż-Żwieġ (i.e. jikkunsmawh) huma l-atti tat-tip riproduttiv għax huma biss atti ta’ dawn it-tip li jagħmlu mir-raġel u mill-mara, “ġisem wieħed” (għar-raġunijiet li jissemmew f’Punt 3)
  • Għal dawn ir-raġunijiet, l-Isqof Scicluna josserva li dan l-Abbozz jelimina l-kriterji oġġettivi kollha neċessarji biex jiġi definit annullament ibbażat fuq nuqqas ta’ konsummazzjoni taż-Żwieġ.

5: Hu x’inhu r-rwol soċjali li jista’ jkollha għaqda bejn żewg persuni tal-istess sess, dan huwa relattivament sekondarju meta mqabbel ma’ dak li jikkwalifika għalih iż-Żwieg bejn raġel u mara.

 

  • Din il-kritika hija mibnija fuq iż-Żwieġ bħala komunjoni li twettaq ġid intrinsiku kemm għall-konjuġi kif ukoll għas-soċjeta’. Ara x’jgħid Finnis: “The union of the reproductive organs of husband and wife really unites them biologically (and their biological reality is part of, not merely an instrument of, their personal reality); reproduction is one function and so, in respect of that function, the spouses are indeed one reality, and their sexual union therefore can actualize and allow them to experience their real common good – their marriage…”. Dan il-ġid komuni mhux biss jinkludi iżda b’mod dirett u immedjat, joħloq u jibni s-soċjetà tal-bnedmin.
  • L-atti matrimonjali riproduttivi huma klassi unika ta’ azzjonijiet għax huma l-uniċi atti li permezz tagħhom jiġu t-tfal bħala parteċipanti attivi tal-komunita’ soċjali li hi l-familja. Abbozz dwar Unjoni Ċivili li jippretendi li jista’ jixħet il-karattru taż-Żwieġ taħt tinda oħra b’tabella differenti qiegħed jinsulta karatteristika permanenti tas-soċjeta’ umana li dejjem għarfet tgħaddi liġijiet mhux biex tirregola sempliċiment ħbiberiji jew kumpaniji, iżda għal dik ir-relazzjoni partikulari u ppreferuta taż-Żwieġ.
  • Iż-Żwieġ mhuwiex sempliċiment ftehim jew kuntratt komuni, anki jekk imsejjes fuq u ggvernat minn liġi. Dak li jagħmel żwieġ huma l-wegħdiet – tal-fedelta’, tal-esklussivita’, tax-xewqa li dik l-imħabba minnha nnifisha ssir l-għajn ta’ ulied ġodda li bihom titklompla u tissaħħaħ is-soċjeta’. Dawn il-wegħdiet jirċievu l-intelliġibilità u r-ratifikazzjoni tagħhom mill-qafas legali u morali li huma r-ruħ ta’ soċjetà. L-Abbozz kif ippreżentat ixejjen dawn l-elementi prezzjużi u l-kummenti tal-Koordinatur tal-Kummissjoni li ħejjiet l-Abbozz li din “hija liġi taż-Żwieġ taħt isem ieħor” turi nuqqas kbir ta’ responsabbilita’ u medjokrita’ konċettwali u kulturali.
  • Esperiment mentali jista’ juri r-rabta intrinsika li hemm bejn unjoni eterosesswali u s-soċjeta’: immaġina soċjeta’ fejn il-bnedmin jirreproduċu ruħhom biss b’mod asesswali. Taħseb li kienet teżisti l-istituzzjoni taż-Żwieġ f’dik is-soċjeta’? Ir-risposta hija, le. Għaldaqstant l-intensità li jippretendi li jkollu l-Abbozz ghall-Unjoni Ċivili tappartjeni biss liż-Żwieġ, u dak eterosesswali. Il-liġijiet iggvernaw iż-Żwieġ proprju għax iż-Żwieġ ma jistax jiġi redott għal rabta emozzjonali biss. Hemm rejalta’ oġġettiva li tmur lil hinn mis-sentimenti personali.
  • L-att ġenerattiv f’koppja eterosesswali jilħaq u jtemm l-għan naturali tal-komunjoni tagħha fuq kull livell: hemm soddisfazzjon tal-koordinament bejn l-aspett intenzjonali, emozzjonali, fiżiku, soċjali u spiritwali li jwassal għall-komunjoni komprensiva li hija inkomparabbli ma’ kull attivita’ sesswali oħra li kapaċi jagħmlu l-bnedmin.

6: Jekk jinżamm l-abbozz kif inhu, dan joskura kull distinzjoni bejn unjoni ċivili

eterosesswali u żwieg eterosesswali, meta filfatt teżisti differenza essenzjali bejn it-tnejn.

  • Dan il-punt, għalkemm ovvju, għandu bżonn jissemma ladarba juri biċ-ċar x’effett negattiv għandha l-filosofija wara dan l-Abbozz fuq iż-Żwieġ, b’diżrispett lejn in-natura u l-karattru uniku li gawda u għandu jgawdi ż-Żwieġ f’kull soċjeta’. Jekk il-Liġi tal-Unjoni Ċivili tagħtini d-drittijiet kollha taż-Żwieġ diġà, x’niżżewweġ nagħmel?
  • Apparti minn hekk, jekk targumenta li l-Liġi taż-Żwieġ kif inhi bħalissa hija diskriminatorja kontra l-persuni tal-istess sess, ma jkollokx mod kif turi għaliex m’għandekx ukoll tapprova legalment unjoni ċivili (u eventwalment żwigijiet) poli-amorużi. Dan l-Abbozz jeqred l-iskop taż-Żwieġ, simpliciter.

7: Ladarba t-tnissil tal-ħajja tiddependi mill-kontribut bijoloġiku taż-żewġ sessi, hija

inġustizzja mat-tfal li ċċaħħadhom mill-kontribut taż-żewġ sessi fit-trobbija tagħhom.

  • Li tħobb liċ-ċkejknin hija ħaġa; li tħobbhom b’imħabba li tipprovdilhom l-istruttura neċessarja hija ħaġa oħra.[1] M’hemmx dubbju li persuni gay għandhom l-istess kapaċita’ li jħobbu tifel jew tifla u jitrażmettu din l-imħabba bħalma jagħmlu persuni eterosesswali. Iżda r-rwol tal-ġenituri jmur lil hinn mill-imħabba li kapaċi jħossu lejn it-tfal tagħhom. Li tirreduċi r-rabta parentali għall-aspetti emottivi u affettivi tagħha tħalli barra l-fatt li r-relazzjoni ġenituri-ulied hija kriterju psikoloġiku fundamentali għas-sens ta’ identita’ tal-wild. L-affett tad-dinja kollha ma jkunx biżżejjed biex wieħed jipproduċi l-istrutturi bażiċi psikoloġiċi li jagħtu sens lit-tifel biex jagħraf minn fejn ġej. Tifel (jew tifla) jistabbilixxi l-identita’ tiegħu biss bi proċess ta’ differenzjazzjoni, li tiddependi minn jekk jafx lil min jixbaħ u lil min ma jixbaħx. Għandu bżonn ikun jaf li ma tfaċċax bħala barrani f’din id-dinja iżda huwa l-frott tal-imħabba u l-komunjoni bejn raġel – missieru – u mara – ommu, grazzi għad-differenza sesswali ta’ bejniethom.
  • Meta tifel jidentifika l-ġenituri tiegħu, jiġi stabbilit mhux biss min ser irabbieh iżda jqiegħdu fil-kuntest ta’ katina tat-tnissil (generational chain) li toffrilu garanzija ta’ appartenenza fid-dinja u fis-soċjetà, ladarba jaf minn fejn ġej. Wieħed jista’ jqabbel dan l-isfond mal-pedamenti tad-dar. Jekk jiġġarfu (jew huma mhedda) l-pedamenti, jinqered (jew jiddgħajjef) kollox.
  • Hemm diversi awturi li qalu li ma jistax ikun hemm “żwieġ għall-omosesswali” għax dan huwa kontradizzjoni fit-termini (pereżempju T. Radcliffe, G. Bernheim, J. Finnis etc). L-istess nistgħu ngħidu għat-trobbija tat-tfal, jigifieri li ma ‘jeżistux’ ġenituri omosesswali. Il-konsegwenza tad-dritt li jridu l-koppji gay għall-adozzjoni hija li l-kunċett ta’ ġenitur sar kunċett astratt u li qed jiġi ristrett għall-element pedagoġiku tat-trobbija. Għal darb’ohra, il-paternita’ u l-maternita’ jiġu mħollija barra. L-emfasi jista’ jsir hawn, li ġenitur mhuwiex kunċett newtru, kulturali jew affettiv, izda kunċett sesswalment speċifiku – hija l-omm, huwa l-missier.
  • Xi ngħidu dwar l-argument li l-adozzjoni tat-tfal huwa “dritt” li għandha l-koppja? (kemm fl-Unjoni Ċivili, kif ukoll fiż-Żwieġ). Id-dritt li jkollok ulied ma jeżistix. Ix-xewqa li jkollok it-tfal bl-ebda ma mod ma jiġġenera dritt li jkollok it-tfal, la għall-eterosesswali u lanqas għall-omosesswali. Jista’ jkun li x-xewqat ta’ koppja eterosesswali infertili ma jiġux mitmuma jekk m’hemmx il-kundizzjonijiet naturali meħtieġa. Wieħed jista’ wkoll ighid, pereżempju, li koppja żgħażugħa hija iżjed f’pożizzjoni li jkollha u trabbi t-tfal minn koppja anzjana.
  • Min ser jiċhad ir-rejalta’ tat-tbatija u n-niket ta’ koppji li għal raġuni jew oħra ma jistax ikollha tfal? Iżda ħadd m’għandu dritt itaffi t-tbatija tiegħu minn fuq dahar ħaddiehor, hekk li t-tfal isiru oġġett ta’ soddisfazzjon, flok suġġett tad-drittijiet. Fi kliem ieħor, diskors dwar id-dritt li jkollok it-tfal, jistrumentalizza lit-tfal stess, u l-iben jew bint bħala suġġett personali igħibu mid-diskors u jsiru element passiv, vittma ta’ attitudni ċinika tal-adulti. Id-dritt li għandu t-tifel għall-familja tajba u sħiħa huwa radikalment differenti mid-‘dritt’ li jkollok tifel. It-tfal mhumiex kumdità.

8: L-abbozz jinjora kompletament id-dritt tat-tfal li jiġu mrobbija minn min tahom il-ħajja.

  • Hawnhekk tkompli toħroġ l-attitudni ċinika tal-Abbozz li twarrab il-bżonnijiet ġenwini tat-tfal. Tassew, l-Isqof Scicluna għandu l-mertu tal-konsistenza u jgħid bla tlaqlieq li orfanatrofji huma ‘l bogħod ħafna mill-idejal. Din il-pożizzjoni tagħti iżjed saħħa lill-argument tiegħu li t-tfal għandhom dritt fundamentali għal trobbija mill-ġenituri tagħhom, jew minn koppja li kapaċi toffri l-imħabba tal-missier u tal-omm minn persuni li qiegħdin fil-pożizzjoni li jagħmlu dan.
  • Wieħed jista’ jgħid li tfal li qegħdin jistennew l-adozzjoni għandhom bzonn urġenti iżjed minn tfal ohra li jingħataw post fil-kuntest ġenerazzjonali umana u soċjali li semmejna iżjed kmieni. Dan għaliex diġa’ għaddew minn diversi trawmi li jheddu l-identita’ tagħhom: trobbija minn koppja tal-istess sess ser tkompli toħloq konfużjoni fis-sens ta’ differenza u identita’ bijoloġika u sesswali. It-tifel għandu bzonn jagħraf lill-omm, biex ikun rikonċiljat mal-mara. Għandu bżonn jagħraf lill-missier, sabiex ikun rikonċiljat mar-raġel. Minn din il-perspettiva, adozzjoni minn koppja omosesswali taggrava t-trawma ta’ iben abbandunat għax il-kontinwita’ tal-ġenerazzjoni tkun tkissret darbtejn: l-ewwel meta ġie tassew abbandunat; it-tieni, simbolikament, fil-fatt tal-omosesswalita’ fit-trobbija.
  • Forom ġodda ta’ trobbija fetħu l-bibien għal diversi possibilitajiet tat-tnissil. Mara leżbjana tista’ toffri ovuċit (bajda) lis-sieħba tagħha, li imbagħad tinseminaha u ġġorr it-tarbija għall-koppja. Iż-żerriegħa (sperma) tkun mogħtija minn koppja ta’ rġiel gay li mbagħad isiru ko-ġenituri tat-tarbija. B’hekk it-tarbija tispiċċa biex ikollha erba’ ġenituri. Dan kollu f’isem l-ugwaljanza u f’isem id-drittijiet li qegħdin jiġu promossi minn dan l-Abbozz.

Christopher Caruana OP

Membru, Kummissjoni Teoloġika Interdjoċesana

christopher.caruana@kcl.ac.uk

[1] Kif osserva Jürgen Habermas, il-mentalità tal-modernità hija misjuqa minn mezzi ta’ effiċjenza u ta’ proċeduri li jaqgħu taħt il-ħakma tal-burokrazija tal-Istat u tas-Suq, b’mod li jissoddisfaw malajr kemm jista’ jkun ix-xewqat tal-mument. Dan wassal biex il-prattika antikissima ta’ kooperazzjoni u interdipendenza bejn ir-relazzjonijiet raġel-mara  //  ġenituri-ulied issa ċediet postha għal dipendenza fuq is-suq, l-Istat u edukazzjoni msejsa fuq valuri individwalistiċi li ħolqu l-aħjar ambjent għall-iżvilupp ta’ katalgu ġdid ta’ drittijiet ċivili. Wieħed mill-effetti ta’ din it-tranzizzjoni kien is-separazzjoni bejn ħafna valuri prezzjuzi li l-istituzzjoni taż-Żwieg kien proprju l-għan aħħari tiegħu li jħares. Fl-imħuħ ta’ ħafna, iż-Żwieġ m’għadux ifisser bil-wisq aktar minn relazzjoni affettiva u kumpanija sesswali, b’impenn tentattiv u sperimentali u ta’ permanenza inċerta. Is-suq u x-xjenza medika, flimkien ipprovdew teknoloġija reproduttiva li flimkien mal-għajnuniet legali kollha possibli, ħolqu medjazzjoni ġdida bejn il-mentalita’ teknika modernista, mal-individwaliżmu mifrux fuq l-oqsma tas-sess, iż-żwieġ u l-familja. Fost l-izjed riżultati koroh ta’ din “iċ-ċiviltà l-ġdida”, hija attitudni ta’ kontroll u manipulazzjoni fuq il-ħajja fl-istadji kollha tagħha. Jekk jien nista’ nipproduċi ħajja umana, għandi wkoll id-dritt, wieħed sar jirraġuna, li la ħloqtha, nimmanipulaha u wkoll li neqridha, skont il-konvenjenza tal-mument (ara wkoll l-aħħar paragrafu ta’ Punt 8). Forsi wieħed jista’ jaqbel ma’ Dr Nadia Delicata li fil-laqgħa tal-KTI nhar is-06.XI.13, osservat li l-akbar ġlieda li tlifna kienet dik li tippermetti l-IVF.