91. L-analoġija ta’ San Pawl dwar l-għaqda tar-ras u l-ġisem

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  25/08/1982.

1. Fil-konsiderazzjonijiet preċedenti dwar il-ħames kapitolu tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 21-33) ġbidna b’mod partikolari l-attenzjoni fuq l-analoġija tar-rapport li jeżisti bejn Kristu u l-Knisja,  u ta’ dak li jeżisti bejn raġel u mara miżżewġin, jiġifieri bejn ir-raġel u martu, marbuta bir-rabta sponsali.

Qabel ma nerħulha għall-analiżi tas-siltiet ulterjuri tat-test in kwestjoni, hemm bżonn li nieħdu ħsieb tal-fatt li fl-ambitu tal-analoġija fundamentali pawlina: Kristu u Knisja minn banda, raġel u mara, bħala miżżewġin, mill-oħra, hemm ukoll analoġija supplimentari; l-analoġija jiġifieri tar-Ras u tal-Ġisem. U hija propju din  l-analoġija li tagħti sinifikat prinċipalment ekklessjoloġiku lill-espressjoni analizzata minna: il-Knisja, bħala tali, hija ffurmata minn Kristu; hija kostitwita minnu fil-parti essenzjali tagħha, bħala l-ġisem tar-ras. L-għaqda tal-ġisem mar-ras hija qabel xejn ta’ natura organika, hija, fi kliem sempliċi, l-għaqda somatika tal-organiżmu uman. Fuq din l-għaqda somatika titwaqqaf, b’mod dirett, l-għaqda bijoloġika, in kwantu wieħed jistà jgħid li “l-ġisem jgħix mir-ras” (ukoll jekk, fl-istess ħin,  għalkemm b’mod ieħor, ir-ras tgħix mill-ġisem). U barra monn hekk, jekk għandu x’jaqsam il-bniedem, fuq din l-għaqda organika tibbaża ruħha wkoll l-għaqda psikika, mifhumha fl-integrità u, fl-aħħar minn l-aħħar, l-għaqda ntegrali tal-persuna umana.

2. Kif diġa ntqal (talinqas fis-silta analizzata), l-Awtur tal-ittra lill-Efesin introduċa l-analoġija supplimentari tar-ras u tal-ġisem fl-ambitu tal-analoġija taż-żwieġ. Donnu saħansitra li kkonċepixxa l-ewwel analoġija: “ras-Gisem”, b’mod iktar ċentrali mill-punt di vista tal-verità dwar Kristu u dwar il-Knisja, minnu pproklamata. Madankollu, hemm bżonn li jkun ugwalment iddikkjarat li m’għandhiex post maġemb jew ‘il barra mill-analoġija taż-żwieġ bħala rabta sponsali. Anzi bil-maqlub. Fit-test kollu kemm hu tal-ittra lill-Efesin (Ef 5, 22-33), u speċjalment fl-ewwel parti, li dwarha qegħdin nitkellmu (Ef 5, 22-23), l-Awtur jitkellem bħallikieku fiż-żwieġ ukoll ir-raġel huwa “kap ta’ martu” u l-mara “ġisem ta’ żewġha” bħallikieku wkoll il-miżżewġin jiffurmaw għaqda organika. Dan jistà jsib is-sisien tiegħu fit-test tal-Ġenesi, fejn jitkellem dwar “ġisem wieħed” (Gen 2, 24), jew aħjar f’dak l-istess test, għal-liema l-Awtur tal-ittra lill-Efesin jirreferi minn hawn u ftit ieħor fil-kwadru tal-analoġija kbira tiegħu. Xejn inqas, fit-test tal-ktieb tal-Ġenesi jiġi b’mod ċar enfasizzat li jitkellem dwar ir-raġel u l-mara, bħala żewġ soġġetti personali distinti, li jiddeċiedu b’mod koxjenti dwar l-għaqda konjugali tagħhom, iddefinita minn dak it-test arkajku bit-termini: “ġisem wieħed”. U wkoll fl-ittra lill-Efesin, dan huwa ugwalment ċar tassew. L-Awtur jinqeda b’analoġija doppja: ras-ġisem, raġel-martu, bl-iskop li juri b’ċarezza in-natura tal-għaqda bejn Kristu u l-Knisja. F’ċertu sens, speċjalment f’dan l-ewwel pass tat-test lill-Efesin 5, 22-33, id-dimensjoni ekklesjoloġika donnha deċiżiva u prevalenti.

3. “In-nisa miżzewġin għandhom ikunu sottomessi għal żwieġhom, bħalma għall-Mulej; ir-raġel infatti huwa kap ta’ martu, bħalma Kristu huwa kap tal-Knisja, hu li hu il-feddej ta’ ġismu. U bħalma l-Knisja hija sottomessa għal Kristu, hekk ukoll in-nisa miżzewġin huma soġgetti għal żwieġhom f’kollox. U intom irġiel miżzewġa, ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha…” (Ef 5, 22-25). Din l-analoġija supplimentari “ras-ġisem” tagħme; iva li fl-ambitu tas-silta kollha kemm hi tal-ittra lill-Efesin 5, 22-23 għandna x’naqsmu ma’ żewġ soġġetti distinti, li, minħabba rapport reċiproku partikolari, jsiru, f’ċertu sens soġġett wieħed:  ir-ras tikkostitwixxi flimkien mal-ġisem soġġett (fis-sens fiżiku u metafiżiku), organiżmu, persuna umana, esseri. Mhemmx dubju li Kristu huwa soġġett differenti mill-Knisja, madankollu, minħabba rapport partikolari, jingħaqad magħha, bħal f’għaqda organika tar-ras u tal-ġisem; il-Knisja hija hekk qawwija, hekk essenzjalment hija nfisha minħabba għaqda ma’ Kristu (mistiku). Huwa possibbli ngħidu l-istess dwar il-miżzewġin, dwar ir-raġel u dwar il-mara, marbutin fir-rabta matrimonjali? Jekk l-Awtur tal-ittra lill-Efesin jara l-analoġija tal-għaqda tar-ras mal-ġisem ukoll fiż-żwieġ, din l-analoġija, f’ċertu sens, donnha tirrelata maż-żwieġ minħabba l-għaqda li Kristu jikkostitwixxi mal-Knisja u l-Knisja ma’ Kristu. Mela l-analoġija tirrigwarda fuq kollox iż-żwieġ innifsu bħala l-għaqda li għaliha “tnejn jiffurmaw ġisem wieħed” (Ef 5, 31; cf. Ġen 2, 24).

4. Din l-analoġija, madankollu, ma ċcajparx l-individwalità tas-soġġetti: dik tar-raġel miżżewweġ u dik ta’ martu, jiġifieri il-bi-soġġettività essenzjali li tinsab fil-bażi tax-xbiha ta’ “ġisem wieħed”, anzi, il-bi-soġġettività tar-raġel miżżewweġ u martu fiż-żwieġ, li tagħmel minnhom, f’ċertu sens “ġisem wieħed”, tgħaddi fl-ambitu tat-test kollu li qegħdin neżaminaw (Ef 5, 22-33), għax-xbiha tal-Knisja-Ġisem, magħquda ma’ Kristi bħala Ras. Dan jidher b’mod speċjali fis-segwitu ta’ dan it-test, fejn l-Awtur jiddeskrivi r-rapport ta’ Kristu mal-Knisja appuntu permezz tax-xbiha tar-rapport tar-raġel miżżewweġ u martu. F’din id-deskrizzjoni il-Knisja-Ġisem ta’ Kristu tidher b’mod ċar bħala t-tieni soġġett  tal-għaqda konjugali, għal-liema l-ewwel soġġett, Kristu jimmanifesta l-imħabba li biha ħabbha billi jagħti “lilu nnifsu għaliha”. Dik l-imħabba hija xbiha u fuq kollox mudell tal-imħabba li biha r-raġel miżżewweġ għandu jimmanifesta lil martu fiż-żwieġ, meta t-tnejn ikunu sottomessi għal xulxin “fil-biżà ta’ Kristu”. 

5. Infatti naqraw: “U intom irġiel miżżewġa, ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, biex jirrendiha qaddisa, waqt li ppurifikaha permezz tal-ħasil tal-ilma akkumpanjat mill-kelma, sabiex jjippreżentaha lilu nnifsu Knisja glorjuża, mingħajr tebgħa jew tikmixa jew xi ħaġa simili, imma qaddisa u mmakulata. Hekk ukoll l-ieġiel miżżewġa għandhom id-dmir li jħobbu lin-nisa tagħhom bħalma jħobbu lil ġisimhom, għaliex min iħobb lil martu jħobb lilu nnifsu. Ħadd, infatti, qatt ma bagħad lil ġismu; għall-kuntrarju aħna membri ta’ ġismu. Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed” (Ef 5, 25-31).

6. Huwa faċli li tinduna li f’din il-parti tat-test tal-ittra lill-Efesin 5, 22-33 “tiddomina” b’mod ċar il-bi-soġġettività: hija tiġi nnotata kemm fir-rapport Kristu-Knisja, kif ukoll fir-rapport raġel-martu. Dan ma jfissirx li tgħib ix-xbiha ta’ soġġett uniku: ix-xbiha ta’ “ġisem wieħed”. Din hija wkoll ippriservata fis-silta tat-test tagħna, u f’ċertu sens hija ferm aħjar spjegata. Dan jidher b’iktar ċarezza meta nissottomettu għal analiżi partikolareġġjata is-silta hawn fuq ikkwotata. Hekk, mela, l-Awtur tal-ittra lill-Efesin jitkellem dwar l-imħabba  ta’ Kristu lejn il-Knisja, waqt li jispjega l-mod li fih tesprimi ruħha dik l-imħabba, u waqt li jippreżenta, fl-istess ħin, kemm dik l-imħabba kif ukoll l-espressjonijiet tagħha bħala mudell li r-raġel miżżewweġ imissu jsegwi fir-rigward ta’ martu. L-imħabba ta’ Kristu lejn il-Knisja għandha essenzjalment bħala skop, is-santifikazzjoni tagħha: “Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu… biex jirrendiha qaddisa” (Ef 5, 25-26). Fil- bidu ta’ din is-santifikazzjoni hemm il-magħmudija, l-ewwel u essenzjali frott tad-donazzjoni tiegħu nnifsu, li Kristu għamel għall-Knisja. F’dan it-test, il-magħmudija ma tiġix imsejħa b’isimha propju, imma ddefinita bħala purifikazzjoni “permezz tal-ħasil bl-ilma, akkumpanjat mill-kelma” (Ef 5, 26). Dan il-ħasil, bil-qawwa li tiġi mid-donazzjoni redentriċi tiegħu nnifsu, li Kristu għamel għall-Knisja, topera l-purifikazzjoni fondamentali permezz ta’ liema l-imħabba tiegħu lejn il-Knisja takkwista, f’għajnejn l-Awtur tal-ittra, karattru sponsali.

7. Huwa magħruf li għas-sagrament tal-magħmudija jipparteċipa soġġett individwali fil-Knisja. L-Awtur tal-ttra, madankollu, permezz ta’ dak is-soġġett individwali tal-magħmudija jara l-Knisja kollha. L-imħabba sponsali ta’ Kristu tirreferi għaliha, għall-Knisja kull darba li persuna singola tirċievi fiha l-purifikazzjoni fondamentali permezz tal-magħmudija. Min jirċievi l-magħmudija, minħabba l-imħabba redentriċi ta’ Kristu, isir fl-istess ħin parteċipi tal-imħabba sponsali tiegħu lejn il-Knisja. “Il-ħasil tal-ilma, akkumpanjat mill-kelma” huwa, fit-test tagħna, l-espressjoni tal-imħabba sponsali, fis-sens li jħejji lill-għarusa (il-Knisja) għall-Għarus, jagħmel lill-Knisja għarusa ta’ Kristu, ikolli ngħid, “in actu primo”. Diversi studjużi tal-Bibbja hawn josservaw li, fit-test minna kkwotat, il-“ħasil tal-ilma” jikkommemora l-abluzjoni ritwali li kienet tippreċedi l-għerusija, li kienet tikkostitwixxi rit reliġjuż importanti wkoll fost il-Griegi.

8. Bħala sagrament tal-magħmudija il-“ħasil tal-ilma” akkumpanjat mill-kelma”  (Ef 5, 26) jirrendi għarusa lill-Knisja mhux biss “in actu primo”, imma wkoll fil-prospettiva aktar imbegħda, jew aħjar fil-prospettiva eskatoloġika. Din tinfetaħ quddiemna meta, fl-ittra lill-Efesin, naqraw li “il-ħasil tal-ilma” jservi, min-naħa tal-għarus, “għall-iskop li jagħmlu jidher quddiem il-Knisja tiegħu kollha glorjuża, mingħajr tebgħa jew tikmixa jew xi ħaġa simili, imma qaddisa u mmakulata” (Ef 5, 27). L-espressjoni “li tagħmlu jidher quddiem” donnha tindika dak il-mument tal-għerusija, li fih l-għarusa titwassal ħdejn l-għarus, diġa liebsa bil-libsa tat-tieġ u mżejna għall-għerusija. It-test ikkwotat jinnota li l-istess “Kristu-Għarus jieħu ħsieb li jżejjen l-għarusa-Knisja, jieħu ħsieb li hi tkun sabiħa bis-sbuħija tal-grazzja, sabiħa minħabba d-don tal-fidwafil-milja tagħha, diġa mogħtija sa mis-sagrament tal-magħmudija. Imma l-magħmudija hija biss il-bidu, li minnu trid toħroġ il-figura tal-Knisja glorjuża (bħalma naqraw fit-test), bħala frott definittiv tal-imħabba redentriċi u sponsali, biss mal-aħħar miġja ta’ Kristu (parusia).

Naraw kemm l-Awtur tal-ittra lill-Efesin jifli b’mod profond ir-realtà sagramentali, waqt li jipproklama l-analoġija l-kbira: kemm l-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja, kif ukoll l-għaqda sponsali tar-raġel u tal-mara fiż-żwieġ jiġu b’tali mod illuminati minn dawl soprannaturali partikolari.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara t-test oriġinali bit-Taljan >

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading