97. Iż-Żwieġ huwa l-Punt Ċentrali tas-Sagrament tal-Ħolqien

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  06/10/1982.

1. Inkomplu l-analiżi tat-test klassiku tal-kapitolu 5 tal-ittra lill-Efesin, versi 22-23.

Għal dan il-għan jinħtieg li nikkwotaw ftit versi miġbura f’analiżi preċedenti ddedikati għal din it-tema: “Il-bniedem jidher fid-dinja viżibbli bħala l-iktar espressjoni għolja tad-don divin, għaliex iġib fih id-dimensjoni nterna tad-don. U magħha jġib fid-dinja x-xebħ partikolar tiegħu ma’ Alla, li biha huwa jittraxxendi u jiddomina wkoll il-“viżibilità»  tiegħu fid-dinja, il-korporjetà tiegħu, il-maskulinità jew il-femminilità tiegħu, il-għera tiegħu. Rifless ta’ dan ix-xebħ huwa wkoll l-għarfien primordjali tas-sinifikat sponsali tal-ġisem, minfud mil-misteru tal-innoċenza oriġinali” (L’amore umano nel piano divino, Città del Vaticano 1980, p. 90). Dawn is-sentenzi jiġbru fil-qosor fi ftit kliem ir-riżultat tal-analiżi ċċentrati fuq l-ewwel kapitoli tal-ktieb tal-Ġenesi, imqabbla mal-kliem li bih Kristu, fid-djalogu mal-Fariżej fuq it-tema taż-żwieġ u tal-indissolubiltà tiegħu, għamel referenza għall-“bidu”. Sentenzi oħra tal-istess analiżi jimponu il-problema tas-sagrament primordjali: “Hekk, f’din id-dimensjoni, jikkostitwixxi sagrament primordjali, mifhum bħala sinjal li jittrasmetti b’mod effikaċi fid-dinja viżibbli il-misteru nviżibbli moħbi f’Alla mill-eternità. U dan huwa l-misteru tal-Verità u tal-Imħabba, il-misteru tal-ħajja divina, għal-liema l-bniedem jipparteċipa realment . . . Hija l-innoċenza oriġinarja li tibda din il-parteċipazzjoni . . .” (Ivi.).

2. Hemm bżonn nerġgħu naraw il-kontenut ta’ dawn l-affermazzjonijiet fid-dawl tad-duttrina pawlina espressa fl-ittra lill-Efesin, waqt li nżommu preżenti speċjalment il-pass tal-kapitolu 5, 22-33, imqiegħed fil-kuntest komplessiv tal-ittra kollha. Mill-bqija, l-ittra tawtorizzana nagħmlu dan, għaliex l-Awtur innifsu fil-kapitolu 5, versett 31, jagħmel referenza għall-“bidu”, u preċiżament għall-kliem tal-istituzzjoni taż-żwieġ fil-ktieb tal-Ġenesi (Ġen 2, 24).F’liema sens nistgħu naraw f’dan il-kliem espressjoni dwar is-sagrament, dwar is-saġrament primordjali? L-analiżi preċedenti tal-“bidu” bibbliku mexxewna gradwalment għal dan, in konsiderazzjoni tal-istat tal-ġustifikazzjoni oriġinarja tal-bniedem fl-eżistenza u fil-grazzja, li kien l-istat ta’ innoċenza u ta’ ġustizzja oriġinarja. L-ittra lill-Efesin tmexxina biex noqorbu lejn tali sitwazzjoni – jew aħjar għall-istat tal-bniedem qabel id-dnub tan-nisel – mill-punt di vista tal-misteru moħbi sa mill-eternità f’Alla. Infatti naqraw fl-ewwel sentenzi tal-ittra li “Alla, Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu / . . . berikna b’kull barka spiritwali  fis-smewwiet, fi Kristu. / Fih għażilna qabel il-ħolqien tad-dinja, / biex inkunu qaddisin u mmakulati għall-preżenza tiegħu fil-karità . .  .” (Ef 1, 3-4).

3. L-ittra lill-Efesin tiftaħ quddiemna d-dinja soprannaturali tal-misteru etern, tal-pjanijiet eterni ta’ Alla Missier fir-rigward tal-bniedem. Dawn il-pjanijiet jippreċedu il-“ħolqien tad-dinja”, mela wkoll il-ħolqien tal-bniedem. Fl-istess ħin dawk il-pjanijiet divini jibdew jitwettqu diġa fir-realtà kollha tal-ħolqien. Jekk għall-misteru tal-ħolqien jappartjeni wkoll l-istat tal-innoċenza oriġinarja tal-bniedem maħluq, bħala maskju u femmina, xbiha ta’ Alla, dan ifisser li d-don primordjali, mogħti lill-bniedem min-naħa ta’ Alla, kien jiġbor fih diġa il-frott tal-elezzjoni, li dwaru naqraw fl-ittra lill-Efesin: “Għażilna . . . biex inkunu qaddisin u mmakulati fil-preżenza tiegħu” (Ef 1, 4). Dan appuntu donnu li jindika l-kliem tal-ktieb tal-Ġenesi, meta l-Ħallieq-Elohim isib fil-bniedem – maskju u femmina – li deher “fil-preżenza tiegħu”, ħaġa tajba li wieħed jieħu pjaċir biha: “Alla ra dak kollu li kien għamel, u hekk hu, kienet ħaġa tassew tajba” (Ġen 1, 31). Wara d-dnub biss, wara l-ksur tal-allejanza oriġinali mal-Ħallieq, il-bniedem iħoss il-bżonn li jinħeba “mill-Mulej Alla”: “Smajt il-passi tiegħek fil-ġnien, bżajt, minħabba li jien għarwien, u nħbejt” (Gen 3, 10).

4. Iżda, qabel id-dnub, il-bniedem kien iġorr f’ruħu il-frott tal-elezzjoni eterna fi Kristu, Iben etern tal-Missier. Permezz tal-grazzja ta’ din l-elezzjoni l-bniedem, maskju u femmina, kien “qaddis u mmakulat” fil-preżenza ta’ Alla. Dik il-qdusija u purezza primordjali (jew oriġinarja) kienet tesprimi ruħha wkoll fil-fatt li, għalkemm it-tnejn kienu “għarwenin”   . . ., ma kinux jistħu” (Ġen 2, 25), bħalma diġa fittixna li nenfasizzaw fl-analiżi preċedenti. Waqt li nikkonfrontaw ix-xhieda “tal-bidu”, miktuba fl-ewwel kapitoli tal-ktieb tal Ġenesi, max-xhieda tal-ittra lill-Efesin, ikollna niddeduċu li r-realtà tal-ħolqien tal-bniedem  kienet diġa ġiet minfuda mill-elezzjoni perenni tal-bniedem fi Kristu: msejħa għall-qdusija permezz tal-grazzja ta’ adozzjoni ta’ wlied (waqt li ppredestinatna biex inkunu ulied adottivi tiegħu / bl-opra ta’ Ġesù Kristu, / skont l-approvazzjoni tar-rieda tiegħu.  / U dan b’tifħir u glorja tal-grazzja tiegħu / li tana fl-għażiż Ibnu”) (Ef 1, 5-6).

5. Il-bniedem, maskju u femmina, isir sa mill-“bidu” parteċipi ta’ dan id-don soprannaturali. Tali gratifikazzjoni kienet mogħtija in konsiderazzjoni ta’ Dak, li sa mill-eternità kien “għażiż” bħala Iben, għalkemm – skont id-dimensjonijiet taż-żmien u tal-istorja –  hija kienet ġiet qabel l-inkarnazzjoni ta’ dan “l-Iben għażiż” u wkoll il-“fidwa” li għandna fih “permezz ta’ demmu” (Ef 1, 7).

Il-fidwa kellha ssir is-sors tal-ġustifikazzjoni soprannaturali tal-bniedem wara d-dnub u, f’ċertu sens, minkejja d-dnub. Din il-ġustifikazzjoni soprannaturali, li seħħet qabel id-dnub tan-nisel, jiġifieri l-grazzja tal-ġustizzja u tal-innoċenza oriġinarja – ġustifikazzjoni li kienet frott tal-elezzjoni tal-bniedem fi Kristu qabel is-sekoli – twettqet appuntu għa- rigward tiegħu, għal dak l-uniku Għażiż, għalkemm antiċipat b’mod kronoloġiku il-miġja tiegħu fil-ġisem. Fid-dimensjonijiet tal-misteru tal-ħolqien, l-elezzjoni għad-dinjità tal-filjolanza adottiva kienet propju biss tal-“ewwel Adam”,  jiġifieri tal-bniedem maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla, bħala maskju u femmina.

6. F’liema mod tivverifika ruħha f’dan il-kuntest ir-realtà tas-sagrament, tas-sagrament primordjali? Fl-analiżi tal-“bidu”, li minnu kkwotajna silta ftit ilu, ħaġa li “s-sagrament, bħala sinjal viżibbli, jikkostitwixxi ruħu bil-bniedem, in kwantu “ġisem”, permezz tal-maskulinità u l-femminilità “viżibbli” tiegħu. Infatti, il-ġisem u huwa biss,  hu kapaċi li jirrendi viżibbli dak li huwa nviżibbli: l-ispiritwali u d-divin. Huwa ġie maħluq biex jittrasferixxi fir-realtà viżibbli tad-dinja il-misteru moħbi sa mill-eternità f’Alla, u hekk ikun sinjal” (L’amore umano nel piano divino, Città del Vaticano 1980, p. 90).

Dan is-sinjal għandu barra minn dan effett tiegħu, bħalma erġajt għidt: “L-innoċenza oriġinarja marbuta mal-esperjenza tas-sinifikat sponsali tal-ġisem” jagħmel iva li “l-bniedem iħoss f’ġismu ta’ maskju u ta’ femmina, suġġett ta’ qdusija” (Ivi., p. 91). “Iħoss” u huwa hekk sa mill-“bidu”. Dik il-qdusija oriġinarjament mogħtija lill-bniedem da parti tal-Ħallieq tappartjeni għar-realtà tas-“sagrament tal-ħolqien”. Il-kliem tal-Ġenesi 2, 24, “ir-raġel . . . jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed”, ippronunzjat fuq l-isfond ta’ din ir-realtà oriġinarja f’sens tejoloġiku, jikkostitwixxi ż-żwieġ bħala parti integranti u, f’ċertu sens, ċentrali tas-“sagrament tal-ħolqien”. Dan jikkostitwixxi – jew forsi pjuttost sempliċement jikkonferma il-karattru tal-oriġini tiegħu. Skond dan il-kliem, iż-żwieġ huwa sagrament inkwantu parti integrali u, jkolli ngħid, punt ċentrali tas-“sagrament tal-ħolqien”. F’dan is-sens huwa sagrament primordjali  .

7. L-istituzjoni taż-żwieġ, skont il-kliem tal-Ġenesi 2, 24, tesprimi mhux biss il-bidu tal-komunità fondamentali umana li, permezz tal-qawwa “prokreatriċi” li għaliha hija propja (“kunu fertili u mmultiplikaw”) (Ġen 1, 28), isservi biex titkompla l-opra tal-ħolqien, imma hi fl-istess ħin tesprimi  l-inizjattiva feddejja tal-Ħallieq, korrispondenti għall-elezzjoni eterna tal-bniedem, li dwarha titkellem l-ittra lill-Efesin. Dik l-inizjattiva feddejja tigi minn Alla-Ħallieq u l-effett soprannaturali tagħha jidentifika ruħu bl-att stess tal-ħolqien tal-bniedem fl-istat tal-innoċenza oriġinarja. F’dan l-istat, diġa sa mill-att tal-ħolqien tal-bniedem, iffruttifika l-elezzjoni eterna tiegħu fi Kristu. F’tali mod jinħtieġ nagħrfu li s-sagrament oriġinarju tal-ħolqien  jislet l-effett tiegħu mill-“Iben għażiż” (cf. Ef 1, 6: fejn jitkellem dwar il-grazzja li tana f’Ibnu l-għażiż”). Jekk imbagħad dan huwa ż-żwieġ, wieħed jistà jiddeduċi li – imwaqqaf fil-kuntest tas-sagrament tal-ħolqien fil-globalità tiegħu, jew aħjar fl-istat tal-innoċenza oriġinarja – huwa jeħtieġ li jservi mhux biss biex itawwal l-opra tal-ħolqien, jew aħjar tal-prokreazjoni, imma wkoll biex jespandi fuq il-ġenerazzjonijiet  ulterjuri tal-bnedmin l-istess sagrament tal-ħolqien, jiġifieri l-frott sopprannaturali tal-elezzjoni eterna tal-bniedem da parti tal-Missier fl-Iben etern: dak il-frott, li tiegħu l-bniedem kien iggratifikat minn Alla fl-att stess tal-ħolqien.

L-ittra lill-Efesin donnha tawtorizzana biex nifhmu b’tali mod il-klieb tal-Ġenesi u l-verità dwar il-“bidu” tal-bniedem u taż-żwieġ fejn tinsab.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb