98. It-Telf tas-Sagrament Oriġinali rrestawrat bil-Fidwa fiż-Żwieġ-Sagrament

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  13/10/1982.

1. Fil-konsiderazzjoni tagħna preċedenti fittixna li napprofondixxu – fid-dawl tal-ittra lill-Efesin – il-“bidu” sagramentali tal-bniedem u taż-żwieġ fl-istat tal-ġustizzja (jew innoċenza) oriġinarja.

Madankollu, huwa magħruf li l-eredità tal-grazzja kienet miċħuda mill-qalb umana fil-waqt tal-ksur tal-ewwel allejanza mal-Ħallieq. Il-prospettiva tal- prokreazzjoni, minflok ma tkun illuminata mill-eredità tal-grazzja oriġinarja, irregalata minn Alla mal-infużjoni tar-ruħ razzjonali, ġiet imċajpra mill-eredità tad-dnub tan-nisel. Wieħed jistà jgħid li ż-żwieġ, bħala sagrament primordjali, ġie mċaħħad minn dak l-effett soprannaturali, li fil-waqt tal-istituzzjoni, kien imqabbad mas-sagrament tal-ħolqien fil-globalità tiegħu.  Xejn inqas, ukoll,f’dan l-istat, jiġifieri fl-istat tal-pekkaminożità ereditarja tal-bniedem, iż-żwieġ ma qatà qatt li jkun il-figura ta’ dak is-sagrament, li dwaru naqraw fl-ittra lill-Efesin (Ef 5, 22-33) u li l-Awtur tal-istess ittra ma jaħsibhiex darbtejn li jiddefenixxi il-“misteru l-kbir”. Ma nistgħux forsi niddeduċu li ż-żwieġ baqà bħala pjattaforma tal-attwazzjoni tal-pjanijiet eterni ta’ Alla, skont liema is-sagrament tal-ħolqien kien ressaq lill-bnedmin u kien ħejjihom għas-sagrament tal-Fidwa, waqt li ntroduċihom fid-dimensjoni tal-opra tas-salvazzjoni? L-analiżi tal-ittra lill-Efesin, u b’mod partikolari t-test tal-kapitolu 5, versetti 22-23, donnha li tmil lejn tali konklużjoni.

2. Meta l-Awtur, fil-versett 31, jagħmel referenza għall-kliem tal-istituzzjoni taż-żwieġ, miġbura fil-Ġenesi (2, 24: “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed”) u wara dlonk jiddikkjara: “Dan il-misteru huwa kbir: qed ngħidu b’referenza għal Kristu u l-Knisja” (Ef 5, 32), donnu jindika mhux biss l-identità tal-Misteru moħbi f’Alla sa mill-eternità, imma wkoll dik il-kontinwità tal-attwazzjoni tiegħu li teżisti bejn is-sagrament primordjali marbut mal-ġustifikazzjoni soprannaturali tal-bniedem fil-ħolqien innifsu u l-ġustifikazzjoni l-ġdida – li seħħet meta “Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, biex jirrendiha qaddisa . . .” (Ef 5, 25-26) –gratifikazzjoni li tistà tiġi ddefinita fit-totalità tagħha bħala Sagrament tar-Redenzjoni. F’dan ir-rigal feddej tiegħu nnifsu “għall-Knisja”, huwa miġbur ukoll – skont il-ħsieb pawlin – ir-rigal tiegħu nnifsu da parti ta’ Kristu għall-Knisja, bħala xbiha tar-rapport sponsali li jgħaqqad lir-raġel miżżewweġ ma’ martu fiż-żwieġ. F’tali mod is-Sagrament tar-Redenzjoni jerġà jilbes, f’ċertu sens, il-figura u l-forma tas-sagrament primordjali. Għaż-żwieġ tal-ewwel raġel u tal-ewwel mara, bħala sinjal tal-gratifikazzjoni soprannaturali tal-bniedem fis-sagrament tal-ħolqien, jikkorrispondi it-tieġ, jew pjuttost l-analoġija tat-tieġ, ta’ Kristu mal-Knisja, bħala sinjal fondamentali “kbir” tal-ġustifikazzjoni soprannaturali tal-bniedem fis-Sagrament tar-Redenzjoni, tal-ġustifikazzjoni, f’liema tiġġedded, b’mod definittiv, l-allejanza tal-grazzja ta’ elezzjoni, miksura fil-“bidu” permezz tad-dnub.

3. L-immaġni miġbura fil-pass ikkwotat tal-ittra lill-Efesin donnu jitkellem speċjalment dwar is-Sagrament tar-Redenzjoni bħala tal-attwazzjoni definittiva tal-Misteru moħbi sa mill-eternità f’Alla. F’dan il- “mysterium magnum” jitwettaq appuntu b’mod definittiv dak kollu, li dwaru l-istess ittra lill-Efesin kienet ittrattat fil-kapitolu 1. Infatti hija tgħid, bħalma niftakru, mhux biss: “Fih (jiġifieri fi Kristu)[Alla] għażilna sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisin u mmakulati fil-preżenza tiegħu . . .” (Ef 1, 4), imma wkoll: “Li fih [Kristu] għandna l-fidwa permezz ta’ demmu, il-maħfra tad-dnubiet, skont l-għana tal-grazzja. Huwa sawwabha b’mod abbundanti fuqna . . .” (Ef 1, 7-8). Il-gratifikazzjoni soprannaturali l-ġdida tal-bniedem fis-“Sagrament tar-Redenzjoni” huwa wkoll attwazzjoni ġdida tal-Misteru moħbi sa mill-eternità f’Alla, ġdida mqabbla mas-sagrament tal-ħolqien. F’dan il-waqt il-gratifikazzjoni hija, f’ċertu sens, “ħolqien ġdid”. Però hija differenti mis-sagrament tal-ħolqien in kwantu l-gratifikazzjoni oriġinarja, magħquda mal-ħolqien tal-bniedem, kienet tikkostitwixxi dak il-bniedem “sa mill-bidu”, permezz tal-grazzja, fl-istat tal-innoċenza u l-ġustizzja oriġinarja. Il-ġustifikazzjoni l-ġdida tal-bniedem fis-Sagrament tar-Redenzjoni iżda tirregalalu speċjalment il-“maħfra tad-dnubiet”. Madankollu, ukoll hawn tistà “teċċedi l-grazzja”, bħalma f’imkien ieħor jesprimi ruħu San Pawl: “Hemm fejn hu abbundanti d-dnub, eċċediet il-grazzja” (Rm 5, 20).

4. Is-Sagrament tar-Redenzjoni – frott tal-imħabba feddejja ta’ Kristu – isir, minħabba l-imħabba sponsali tiegħu lejn il-Knisja, dimensjoni permanenti tal-ħajja tal-Knisja stess, dimensjoni fundamentali u vivifikanti. Hija l- “mysterium magnum” ta’ Kristu u tal-Knisja: misteru etern imwettaq minn Kristu, li “ta lilu nnifsu għaliha” (Ef 5, 25); misteru li jattwa ruħu kontinwament fil-Knisja, għaliex Kristu “ħabb lill-Knisja” (Ef 5, 25), billi ngħaqad magħha b’imħabba  indissolubli, hekk bħalma jingħaqdu l-għarajjes, raġel u martu, fiż-żwieġ. B’dan il-mod il-Knisja tgħix mis-Sagrament tar-Redenzjoni, u min-naħa tagħha ttemm dan is-sagrament bħal mara miżzewġa, minħabba l-imħabba sponsali, ittemm lill-propju żewġha, li b’ċertu mod diġa huwa emfasizzat “mill-bidu”, meta l-ewwel raġel sab fl-ewwel mara “għajnuna li kienet simili għalih” (Ġen 2, 20). Għalkemm l-analoġija tal-ittra lill-Efesin dan ma tippreċiżahx, nistgħu madankollu nżidu li wkoll il-Knisja magħquda ma’ Kristu, bħalma l-mara mal-propju żewġha, tikseb mis-Sagrament tar-Redenzjoni l-fertilità u l-maternità kollha tagħha. Dan jixhdu, b’xi mod, il-kliem tal-ittra ta’ San Pietru, meta jikteb li ilkoll kemm aħna ġejna “riġenerati mhux minn żerriegħa korruttibbli, imma immortali, jiġifieri mill-kelma ta’ Alla ħajja u eterna” (1 Pt 1, 23). Hekk il-Misteru moħbi sa mill-eternità f’Alla – Misteru li fil-“bidu”, fis-sagrament tal-ħolqien, sar realtà viżibbli permezz tal-għaqda tal-ewwel raġel u tal-ewwel mara fil-prospettiva taż-żwieġ – isir fis-Sagrament tar-Redenzjoni realtà viżibbli tal-għaqda indissolubli ta’ Kristu mal-Knisja, li l-Awtur tal-ittra lill-Efesin jippreżenta bħala għaqda sponsali tal-miżzewġin, raġel u mara.

5. Is-“sacramentum magnum” (it-test Grieg jgħid: tò mysterion toûto méga estín) tal-ittra lill-Efesin jitkellem dwar it-twettiq  il-ġdida tal-Misteru moħbi sa mill-eternità f’Alla; twettiq definittiv mill-punt di vista tal-istorja terrena tal-fidwa. Barra minn hekk titkellem dwar li “tirrendih [il-misteru] viżibbli”: tal-viżibiltà tal-inviżibbli. Din il-viżibiltà ma tagħmilx iva li l-misteru jieqaf li jkun misteru. Dan kien jirreferi għaż-żwieġ imwaqqaf fil-“bidu”, fl-istat tal-innoċenza oriġinarja, fil-kuntest tas-sagrament tal-ħolqien. Dan jirreferi wkoll għall-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja, bħala l-“misteru l-kbir” tas-Sagrament tar-Redenzjoni. Il-viżibiltà tal-inviżibbli ma tfissirx – jekk hekk wieħed jistà jgħid – ċarezza totali tal-misteru. Huwa, bħala oġġett tal-fidi jibqà mċajpar ukoll permezz ta’ dak li fih appuntu jesprimi u jattwa ruħu. Il-viżibiltà tal-inviżibbli tappartjeni  mela għall-ordni tas-sinjali u s-“sinjal” jindika biss ir-realtà tal-misteru, imma ma “jiżvelahx”. Bħall-ewwel Adam – il-bniedem, maskju u femmina – maħluq fl-istat tal-innoċenza oriġinarja u msejjaħ f’dan l-istat għall-għaqda konjugali (f’dan is-sens nitkellmu dwar is-sagrament tal-ħolqien), kien sinjal tal-Misteru etern, hekk it-“tieni Adam”, Kristu, magħqud mal-Knisja permezz tas-Sagrament tar-Redenzjoni b’rabta li ma tinħallx, analoga għall-allejanza indissolubli tal-miżżewġin, hija sinjal definittiv tal-istess Misteru etern. Mela waqt li nitkellmu dwar it-twettiq tal-misteru etern, nitkellmu wkoll dwar il-fatt li huwa jsir viżibbli bil-viżibiltà tas-sinjal. U allura nitkellmu wkoll dwar is-“sagramentalità” tal-eredità kollha tas-Sagrament tar-Redenzjoni, b’referenza għall-opra sħiħa tal-Ħolqien u tar-Redenzjoni, u wkoll iktar b’referenza għaż-żwieġ imwaqqaf fil-kuntest tas-sagrament tal-ħolqien, bħal ukoll b’referenza għall-Knisja bħala għarusa ta’ Kristu,  imżejna b’allejanza kważi konjugali miegħu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: