Qari tal-Quddies tal-Ħamis tal-I ġimgħa tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

L-Ewwel Ġimgħa tar-Randan
Il-Ħamis

QARI I
Jiena waħdi u ma għandi lil ħadd ħliefek, Mulej.
Est 4, 17 n. p-r.aa-bb.gg-hh

Qari mill-Ktieb ta’ Ester

Is-sultana Ester qabadha biża’ għall-mewt, u fittxet il-kenn tal-Mulej. Imbagħad talbet lill-Mulej, Alla ta’ Iżrael, u qaltlu: “Mulejja, int waħdek is-Sultan tagħna. Għinni għax jien waħdi, u m’għandi ebda kenn ieħor ħliefek, u bħalissa għaddejja minn periklu kbir. Sa minn ċkuniti, fi ħdan il-familja ta’ missirijieti, jien kont nisma’ li int, Mulej, għażilt lil Iżrael minn fost il-ġnus kollha, u ’l missirijietna minn fost l-antenati tagħhom biex ikunu l-wirt tiegħek għal dejjem, u għamilt magħhom skont ma wegħedthom.

Ftakar fina Mulej, uri ruħek fi żmien l-hemm tagħna u qawwili qalbi, Sultan fuq l-allat, u setgħan fuq kull setgħa. Qegħedli kliem f’waqtu fuq fommi għal quddiem l-iljun, u dawwarlu qalbu u mlihielu b’mibegħda għal dak li ħadha kontra tagħna biex isib tmiemu, hu u kull min jaħsibha bħalu. Iżda lilna eħlisna bil-qawwa ta’ jdejk u għinni, lili, li jiena waħdi u ma għandi lil ħadd ħliefek, Mulej”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 137 (138), 1-2a.2bċ-3.7ċ-8

R/. (3a): Meta sejjaħtlek, int weġibtni

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
Quddiem l-allat irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. R/.

Irroddlok ħajr għat-tieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.

Il-leminija tiegħek issalvani.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;
la titlaqx għemil idejk! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 50 (51), 12a u 14a

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Oħloq fija qalb safja, o Alla;
Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Kull min jitlob, jaqla’.
Mt 7, 7-12

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom. Għax kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu. Min hu dak il-bniedem fostkom li, jekk ibnu jitolbu biċċa ħobż, sejjer jagħtih ġebla? Jew jekk jitolbu ħuta, sejjer jagħtih serp? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar Missierkom li hu fis-smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu! Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading