Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tal-I ġimgħa tar-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

L-Ewwel Ġimgħa tar-Randan
Il-Ġimgħa

QARI I
Forsi jien togħġobni l-mewt tal-bniedem il-ħażin, mhux aktar jogħġobni li jerġa’ lura minn triqatu u jgħix?
Eżek 18, 21-28

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid Sidi l-Mulej: “Jekk il-bniedem ħażin jerġa’ lura minn ħtijietu kollha li jkun għamel, u jħares il-liġijiet kollha tiegħi u jagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jgħix u ma jmutx. Ebda dnub milli jkun għamel ma nfakkarlu; u hu jgħix minħabba fil-ġustizzja li jkun għamel. Forsi jien togħġobni l-mewt tal-bniedem il-ħażin? – oraklu ta’ Sidi l-Mulej – mhux aktar jogħġobni li jerġa’ lura minn triqatu u jgħix?

Iżda mbagħad forsi se jgħix il-bniedem ġust jekk jerġa’ lura mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel il-ħażen kollu li jagħmel il-bniedem il-ħażin? Ebda wieħed mill-għemejjel tajba tiegħu ma nfakkarlu, u minħabba l-qerq li jkun għamel u l-ħtija li fiha jkun waqa’, huwa jmut.

Intom tgħidu: “Mhijiex sewwa l-imġiba tal-Mulej!” Issa isimgħu, dar Iżrael: Forsi l-imġiba tiegħi mhijiex sewwa? Mhux l-imġiba tagħkom li mhijiex sewwa? Jekk wieħed ġust jitbiegħed mill-ġustizzja tiegħu u jagħmel il-ħażen, u jmut minħabba dan, minħabba ħżunitu jkun miet. Imma jekk il-midneb jerġa’ lura mid-dnub li jkun għamel, u jagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jsalva ruħu. Għax ikun intebaħ u reġa’ lura mid-dnubiet kollha li jkun għamel, u jibqa’ ħaj u ma jmutx”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 129 (130), 1-2.3-4ab.4ċ-6.7-8

R/. (3): Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, min jista’ jżomm sħiħ?

Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:
isma’, Sidi, il-leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa,
jiena u nitolbok bil-ħniena. R/.

Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,
Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?
Imma għandek hemm il-maħfra,
biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek. R/.

Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
Tistenna ruħi lil Sidi,
aktar milli l-għassiesa s-sebħ. R/.

Aktar milli l-għassiesa s-sebħ,
jistenna Iżrael lill-Mulej!
Għax għand il-Mulej hemm it-tieba,
u l-fidwa għandu bil-kotra.
Hu li jifdi lil Iżrael minn ħtijietu kollha. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Eżek 18, 31

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Biegħdu minnkom il-ħtijiet kollha li waqajtu fihom, jgħid il-Mulej,
u ġeddu qalbkom u ruħkom.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk.
Mt 5, 20-26

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.

Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: “La toqtolx”. Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu: “Ġifa”, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: “Iblah”, ikun ħaqqu n-nar tal-infern.

Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek. Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading