Ġwanni Pawlu II liż-Żgħażagħ f’Lisbona


IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II FIL-PORTUGAL

Liż-Żgħażagħ f’Lisbona.  14 ta’ Mejju 1982

KULL PERSUNA GĦANDHA TĦOSS LI HI QED TWETTAQ IS-SALVAZZJONI TAGĦHA

 

“Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom”

Iva, “għidu lin-nies li s-Saltna ta’Alla waslitilkom” (Lq 10,9). Dan il-kliem qal il-Mulej Ġesu, meta bagħat it-72 dixxiplu jaqdu l-missjoni tagħhom, kif smajna fil-qari tal-Evanġelju tal-lum. Imma dan il-kliem ingħad ukoll għall-insara ta’ kull żmien; għalina wkoll li ninsabu miġburin hawn f’isem il-Mulej, b’rabta sħiħa mad-dixxipli li semgħu dan il-kliem direttament mingħand il-Mulej.

Dan il-kliem ingħad b’mod speċjali għalikom, żgħażagħ, li tinsabu hawn il-lejla f’għadd kbir, mimlijin entużjażmu u ferħ, intom u turu li lesti toqogħdu għal dak li jrid minnkom Kristu, u tixtiequ tibnu dinja aktar nisranija u aktar tixraq lill-bniedem. Fikom hi t-tama tal-bnedmin kollha tad-dinja, tal-Knisja, tal-Papa. Alla tani l-grazzja li nħobb ħafna ż-żgħażagħ. U għalhekk aktar jogħġobni nkellimkom bħala ħabib ikellem lil ħabibu, wieħed wieħed, b’għajnejna f’xulxin, qalb ma’ qalb. “Is-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib”. Kważi nissogra ngħid: dan il-kliem hu dirett b’mod speċjali lilkom żgħażagħ portugiżi, wild poplu missjunarju, li xandar ma’ kull imkien din il-Bxara t-tajba, kif għadu kemm fisser il-Kardinal Patrijarka Don Antonio Ribeiro.

Grazzi għal kliemek, sur Kardinal. Huma ta’ faraġ għalija u nilqagħhom bħala sinjal tal-wegħda tagħkom li tkomplu tagħmlu bħal missierijietkom, waqt li nsellem lil dawk kollha li bi kliem qiegħed nuri x’qegħdin iħossu. U f’dan il-waqt inrodd ħajr f’isem il-Knisja kollha għall-ħidma kbira li saret mill-Portugal missjunarju fix-xandir tal-Evanġelju. Is-Saltna ta’ Alla hi tassew fil-qrib. Waslet verament qrib il-bniedem: hi fostna u fina. Is-Saltna ta’ Alla hi qrib tagħna għaliex l-ewwel nett Alla ġie fid-dinja u sar bniedem bħalna. Is-Saltna ta’ Alla hi qrib tagħna fi Kristu. Fih is-Saltna ta’ Alla hi hekk qrib tagħna li, b’xi mod, ma nistgħux naħsbu kif tista’ tkun aktar qrib minn hekk. Jista’ Alla jersaq lejn il-bniedem aktar milli billi jsir bniedem?

Is-Saltna ta’ Alla hi quddiem il-bniedem, għaliex fi Kristu , Sid u Salvatur tagħna, hi qrib tagħna. Hi quddiem il-bniedem bħala missjoni li l-bniedem irid jagħmel, bħala għan li jrid jilħaq. Fis-suriet kollha tal-ħajja tagħhom, il-bnedmin għalhekk jistgħu jersqu lejha jew jitbegħdu minnha. Jistgħu jiksbuha fihom infushom u sseħħ fihom stess, imma jistgħu wkoll ma jarawhiex aktar, jitbiegħdu minnha. Jistgħu jaslu wkoll biex ikunu kontriha. Jistgħu wkoll ifittxu jbegħduha mill-bniedem jistgħu jbegħdu l-bniedem u jaħtfuh minnha.

Iżda Kristu ġie fid-dinja biex idaħħal il-bnedmin fis-Saltna ta’ Alla, biex idaħħal is-Saltna ta’ Alla fost il-bnedmin u f’qalb il-bnedmin. Anzi Kristu ried jafda din is-Saltna lill-bnedmin. Sejħilhom biex jaħdmu għas-Saltna ta’ Alla. U din il-ħidma hi magħrufa bħala “Evanġeliżżazzjoni”.

 

X’Inhi s-Salvazzjoni ?

“Evanġeliżżazzjoni” ġejja mill-Kelma “Evanġelju”, li tfisser “Bxara tajba”, Is-Saltna ta’Alla timbena fuq il-pedament ta’ din il-Bxara t-tajba. Anzi: Kristu stess hu l-Bxara t-tajba. Hu t-tħabbira tas-salvazzjoni għal bniedem. Hawn wieħed jista’ jistaqsi: “X’inhi s-salvazzjoni?” Nieqfu ftit fuq il-kliem tal-profeta Isaija li smajna fl-ewwel qari tal-lum: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi għax il-Mulej ikkonsagrani biex nwassal il-Bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qlub miksura biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs, biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej” (Is 61, 1-2).

Dan il-kliem tal-profeta dam mijiet ta’ snin jistenna l-mument li fih inqara fis-sinagoga ta’ Nazaret minn Dak li kien meqjus bħala “bin il-mastrudaxxa”, Ġesu’ ta’ Nazaret. U Ġesu’ wara li qara dan il-kliem, qal: “Din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu” (Lq 4,21). Kliem il-profeta Isaija li Kristu ħa bħala  programm tal-missjoni tiegħu, jiġbor fih il-Bxara t-tajba tas-salvazzjoni.

X’inhi mela s-salvazzjoni? Hi r-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin, li seħħet fil-bniedem fl-oqsma kollha tal-ħajja tiegħu. Il-fatt li l-ħażen ġie megħlub hu ġa salvazzjoni. Imma s-sura sħiħa tas-salvazzjoni għall-bniedem tinkiseb meta l-bniedem jeħles għal kollox mill-ħażen u jikseb il-ġid fil-milja kollha tiegħu. Din il-milja tissejjaħ u hi s-salvazzjoni ta’ dejjem. Iseħħ fis-Saltna ta’ Alla bħala “realta’ eskatoloġika” tal-ħajja ta’ dejjem, jiġifieri hi realta’ “taż-żmien li għad irid jiġi” li, permezz tas-salib ta’ Kristu, kellu l-bidu tiegħu bil-Qawmien mill-imwiet. Il-bnedmin kollha huma msejħin għall-ħajja ta’ dejjem. Hu ma msejħin għas-salvazzjoni. Tħossuh dan? Tħossuh dan intom żgħażagħ ħbiebi? Tħossu li l-bnedmin kollha huma msejħin biex jgħixu ma’ Alla u li, mingħajru jitilfu l-“muftieħ” biex jifhmu “l-misteru” tagħhom infushom?

 

Iż-Żgħażagħ u s-Salvazzjoni

Din is-sejħa għas-salvazzjoni ġejja minn Kristu. Hu għandu “kliem tal-ħajja ta’ dejjem” għall-bniedem (Ġw 6, 62): hu jkellem lill-bniedem kif inhu, kif jinsab fiċ-ċirkostanzi kollha li jista’ jkun hemm: ikellem il-bniedem kif, fil-fatt qiegħed igħix fid-dinja. U jkellem speċjalment il-bniedem li qiegħed ibati, fir-ruħ u l-ġisem. Hu jiġi, kif smajna fl-ewwel qari, biex “iferraħ dawk li jibku…biex jagħtihom kuruna flok irmied, żejt ta’ ferħ flok ilbes ta’ viżtu, il-għana tal-foħrija  flok ruħ mitluqa” (Is 6,2-3). Iżda jkellem ukoll lilkom żgħażagħ.

Iva, lilkom żgħażagħ. Għaliex fl-ispirtu tagħkom hemm stampat, b’mod partikulari, il-problema essenzjali tas-salvazzjoni, bit-tamiet u t-tensjonijiet, bit-tbatija u r-rebħiet kollha tagħha.

Kulħadd jaf kemm tħossu t-tensjoni bejn it-tajjeb u l-ħażin li tinsab fid-dinja u fikom stess. Fil-fond tal-qalb ta’ kull wieħed minnkom, intom imnikktin meta taraw jirbaħ il-gideb u l-inġustizzja , titnikktu meta tagħrfu li ma għandkomx ħila ġġibu r-rebħa tal-verita’ u tal-ġustizzja. Titnikktu meta tintebħu li intom stess intom fl-istess waqt ġenerużi u egoisti. Tixtiequ kieku tgħinu b’inizjattivi favur min hu maħqur, iżda … issibu ruħkom imqarrqin minn tant ħwejjeġ, u mħajrin minn tant ħwejjeġ oħra li ma jħallukom tagħmlu xejn. Minn rajkom intom tħossu ruħkom miġbuda ħa tiċħdu l-ħażin u tixtiequ t-tajjeb. Imma xi kull tant tarawha bi tqila biex tammettu li, biex tiksbu l-ġid, tridu tgħaddu mit-triq taċ-ċaħda, tat-taqbid, tas-salib: hekk ġara lil dak iż-żagħżugħ li xtaq il-perfezzjoni, xtaq imur wara Ġesu’, imma ma rnexxilux jifhem li, biex jagħmel dan, kien jeħtieġlu jiċħad għall-ġid materjali kollu li kellu.

Iżda, għeżież żgħażagħ, barra dawn it-tensjonijiet li għandkom, intom miġbudin għall-evanġeliżżazzjoni. L- evanġeliżżazzjoni ma sseħħx mingħajr l-entużjażmu taż- żgħażagħ, mingħajr iż-żogħżija tal-qalb, mingħajr għadd ta’ kwalitajiet li jinsabu bil-kotra fiż-żgħażagħ: ferħ, tama, safa ta’ ħsieb, kuraġġ, kreativita’, idealiżmu…. Iva, is-sensibilta’ u l-ġenerożita tagħkom, il-ġibda li għandkom għal kull ma hu sabiħ, jagħmlu lil kull wieħed minnkom “alleat naturali” ta’ Kristu. Barra dan, fi Kristu biss issibu tweġiba għall-problemi u għat-tħassib kollu tagħkom. U tafu għaliex. Hu kien il-bniedem li ħabb aktar minn kull bniedem ieħor; ħallielna liġi ta’ mħabba l-Evanġelju li, kif qrah il-“Konċilju”… ixandar il-ħelsien ta’ wlied Alla, iwarrab il-jasar, li fl-aħħar mill-aħħar hu frott tad-dnub, juri rispett sħiħ għad-dinjita’ tal-kuxjenza u għal-liberta’ tal-bniedem ifakkar li l-bnedmin kollha għandhom jduru lejn Alla u fl-aħħarnett jirrakkomanda l-imħabba lil kulħadd (ara Gaudium et Spes 41)

Imbgħad hi l-imħabba biss li ssalvana. U nerġa ntenni: il-problema tas-salvazzjoni, jiġifieri r-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin, huwa problema fondamentali fil-ħajja tal-bniedem. Il-ħajja kollha tal- bniedem, il-bniedem igħixha kollha kemm hi fil-kontest ta’ din il-problema. U għalhekk is-salvazzjoni ma tistax ma tkunx problema li tolqot il-bniedem, u mod partikulari, liż-żgħażagħ. Hi ħaġa importanti għalhekk tagħarfu sewwa dan il-problema u tiżviluppah bis-sinċerita’ kollha fil-ħajja u fl-għemil kollu tagħkom.

 

Is-Salvazzjoni hi Missjoni

Kristu ġie jg]idilna li s-salvazzjoni – jiġifieri s-Saltna ta’ Alla – hi missjoni. Ġie wkoll igħallimna kif niżviluppawha.

Lit-72 dixxiplu li bagħat qablu f’kull belt u raħal fejn kien se jmur hu, Kristu qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Lq 10,2).

Il-Knisja tfakkarna spiss f’dan il-kliem. Tfakkarna fih l-aktar biex tistedinna nitolbu għall-vokazzjonijiet saċerdotali, reliġjużi u missjunarji

Iżda, għeżież żgħażagħ, mhux biżżejjed titlob ‘l Alla għall-vokazzjonijiet. Jeħtieġ noqogħdu personalment attenti għas-sejħa li Alla jogħġbu jagħmlilna, jeħtieġ li ma jonqsilniex il-kuraġġ biex inwieġbu ġenerożament għal din is-sejħa. Il-komunitajiet insara jeħtieġu s-saċerdoti biex imantnuhom bil-Kelma u l-Ġisem tal-Mulej, jeħtiegu l-ħajja reliġjuża biex tkun sinjal ta’ Alla u offerta lil Alla għall-ġid tal-aħwa. U intom ma tixtiequx forsi tkomplu l-preżenza ta’ Kristu fid-dinja tal-lum, u tagħtu tweġiba għaċ-ċkejknin li qegħdin jitolbu lil min iqassmilhom il-ħobż  u ma jsibux (Ara Lam 4,4)?

Min jitkellem fuq l-evanġeliżżazzjoni hawn fil-Portugal, min ifakkar hawn il-ħidma missjunarja, ikun qiegħed ifakkar wieħed mill-isbaħ paġni tal-istorja ta’ pajjiżkom. Minn hawn telqu ħafna minn missirijietkom, ħafna missjunarji, biex iwasslu l-bxara t-tajba tas-salvazzjoni lill-ġnus oħra. Mil-lvant għall-punent (Ġappun, Indja, Afrika, Brażil…) illum ukoll għadu jidher il-frott ta’ din l-evanġeliżżazzjoni. Ħafna minn dawn il-missjunarji kienu  żgħażagħ, bħalkom. Kif ma nfakkrux hawn, f’Lisbona, fost oħrajn, l-eżempju ta’ San Ġwann de Brito, żagħżugħ minn Lisbona, li ħalla l-ħajja faċli fil-qorti tar-re, telaq lejn l-Indja biex iwassal l-Evanġelju tas-salvazzjoni lil dawk li kienu l-aktar fqar u abbandunati, u sar wieħed minnhom, u wettaq il-fedelta’ tiegħu lejn Kristu u lejn ħutu bix-xhieda tal-martirju.

Zgħażagħ, xebbiet u ġuvintur tal-Portugal, erfgħu għajnejkom u ħarsu lejn “l-egħlieqi li waslu għall-ħsad”, jistennew il-ħaddiema għax-“xogħol tal-ħsad”.

  

Ilkoll Ħaddiema tas-Salvazzjoni

Tkellimna fuq is-saċerdozju, fuq il-ħajja reliġjuża, fuq il-ħidma missjunarja, bħala suriet ta’ vokazzjoni li għandhom importanza partikolari għall-evanġeliżżazzjoni, vokazzjonijiet li għalihom il-Knisja titlob b’mod partikulari. Il-Knisja tħoss li għandha titlob għal dawn il-vokazzjonijiet għaliex il-Mulej stess sejħilha biex tagħmel dan “Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Lq 10,2).

Imma kliem Ġesu’ dwar “il-ħsad kbir” u l-ħaddiema għall-ħsad għandna nifhmuhom b’mod aktar fondamentali, u fl-istess ħin, b’mod aktar wiesgħa minn dak li juru s-suriet ta’ vokazzjoni fil-Knisja li fuqhom għandha kemm tkellimna.

Meta Kristu tkellem fuq “il-ħsad”, fuq “il-ħsad kbir” u l-ħaddiema għall-ħsad, hu ried l-ewwel nett ifiehem lil dawk li kienu jisimgħuh li s-“Saltna ta’ Alla,” jiġifieri, is-“salvazzjoni”, hi l-aqwa dmir tal-bnedmin kollha. Kull bniedem għandu jħoss ruħu “ħaddiem”, protagonista tas-salvazzjoni tiegħu: ħaddiem imsejjaħ għall-ħsad. Kull bniedem għandu jikseb din is-salvazzjoni onestament. U dan hu meħtieġ għall-opra kollha tal-evanġeliżżazzjoni.

“Ħsad” ifisser għalhekk tagħmel li sseħħ fik il-missjoni tas-salvazzjoni. Kull bniedem hu msejjaħ mill-kelma ta’Alla għal din is-sura ta’ ħidma b’mod speċjali huma msejħin kull xebba u kull ġuvni. Ma nistgħux inwasslu l-Evanġelju lil kulħadd, jekk ma nkunux aħna l-ewwel nies li nkunu ġejna evanġeliżżati. Ma nistgħux ngħinu fil-ħidma għas-salvazzjoni tal-oħrajn, jekk aħna ma bdejniex nimxu fit-triq tas-salvazzjoni.

Bdejna  mexjin fit-triq tas-salvazzjoni dak in-nhar tal-Magħmudija tagħna, meta ċħadna d-dnub, u għażilna dak li hu tajjeb, fi Kristu; bdejna ngħixu l-Ħajja Ġdida li hi frott tal-Mewt u tal-Qawmien mill-imwiet. Din il-ħajja trid tiġi dejjem aktar ‘il quddiem. Għalhekk Kristu baqa’ magħna, fil-Knisja: baqa’ magħna  speċjalment fis-Sagramenti; baqa magħna fl-Ewkaristija u l-Penitenza.

Intom ilkoll, għeżiż żgħażagħ ħbiebi, intom, tagħarfuh is-siwi ta’ dawn l-egħjun tal-ħajja? Tafu twieġbu għall-istedina ta’ Ġesu’ l-Ħobż tal-Ħajja billi tissieħbu fl-Ewkaristija bix-xewqa li tgħixu l-ħajja fil-milja kollha tagħha, u li tegħilbu l-ħażen u tiksbu t-tajjeb? U meta jeħtiġielkom, minħabba d-dnub, jew għax dgħajfa jew għax neqsin mill-perfezzjoni, lesti taqbdu t-triq tal-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni, billi tersqu lejn is-sagrament tal-Penitenza ħa jkollkom il-maħfra u l-Ħajja mill-ġdid? Sawru sewwa l-kuxjenza tagħkom u kunu fidili lejn il-Mulej li jħobb u jaħfer.

 

Iż-Żagħżugħ

Aktar ma naħdmu s-salvazzjoni tagħna stess, aktar naraw ċar li ma nistgħux inkunu “ħaddiema tas-salvazzjoni tagħna” mingħajr ma nkunu fl-istess ħin ħaddiema tas-salvazzjoni tal-oħrajn. Il-problema tas-salvazzjoni tagħna hu marbut b’rabta sħiħa mal-problema tas-salvazzjoni tal-oħrajn. U dan ukoll meħtieġ għall-evanġeliżżazzjoni.

Il-bniedem meta jibda jgħix, jibda jirċievi. Meta jitwieled jidħol f’dinja magħmulha minn oħrajn, l-aktar minn dawk qrib lejħ: il-ġenituri u ħutu. It-tarbija tirċievi tista’ tgħid kollox: mill-ikel sal-formazzjoni. Titgħallem titkellem, timxi u tgħix ma’ l-oħrajn. Meta mbagħad, żagħżugħ, jagħraf l-għana u l-ħila tiegħu, jipprova jmur ‘l hemm mill-qagħda ta’ tarbija, minn qagħda li jirċievi għall-qagħda li jibda jagħti. Id-dinja li rċieva ma tikkuntentahx aktar. Irid joħloq “id-dinja tiegħu”. Hu l-waqt ta’ l-għażla kbira ta’ ħajtu. Hu l-mument li fih tidher u tithejja t-triq li minnha se jgħaddi tul il-bqija ta’ ħajtu.

Dan il-passaġġ minn qagħda li tirċievi għall-qagħda li tagħti, minn qagħda li fiha tkun tiddependi minn ħaddieħor, għall-qagħda li fiha  tidħol għar-responsabbiltajiet tiegħek, ma jseħħx mingħajr kriżi. Imma hi l-aktar kriżi ta’ kokor. Spiss liż-żagħżugħ ma jifmhumx u lanqas hu ma jifhem lilu nnifsu. Ma jridx ikun trattat bħala tifel, imma jħoss li għada ma kibirx. Spiss ma jkun xejn sod fih innifsu. Min-naħa l-oħra kollox jidher qed jitqanqal fih: jintebaħ b’valuri ġodda, bis-sess, bl-imħabba, bl-ideali; u jintebaħ wkoll bid-dimensjoni sħiħa tal-fidi. Kemm hu  ħaġa sabiħa dan għalikom, żgħażagħ!

Id-dinja ma tidhirx aktar qisha ħrafa għalikom, imma bħala ħidma kbira li għandkom tagħmlu. Ħajjitkom ma tidhirx aktar bħala xi don. Issir impenn għalikom. Issa ma tistennewx aktar li ssibu kollox lest. Hemm żewġ ħwejjeġ li  jibdew iħassbukom dwar il-ġejjieni tagħkom: it-thejjija għall-professjoni u t-thejjija għall-istat tal-ħajja. Dan it-tħassib xi kull tant jasal biex jaħkimkom b’mod li taslu biex titilfu s-sabar. It-tensjoni fikom nistgħu nqisuha bħala tensjoni bejn dak li hu “ġa” u dak li “għad  mhuwiex”. Tħossu ġa s-sens ta’ responsabbilta’, imma għad mhux turuha, għax ma ġietkomx l-okkażjoni li turuha. Ġa tridu tagħtu sehemkom għall-ġid ta’ kulħadd, bil-fehmiet u l-ħidma tagħkom, imma għad mhux qed ikolhom l-okkażjoni.

Issa hu proprju f’dan il-waqt, fil-mument importanti tal-għażla u tat-thejjija tagħkom għall-ġejjieni, li aktar teħtieġu lil Kristu. Immexxijin minnu tistgħu tagħżlu l-professjoni u l-ġejjieni tagħkom, fid-dawl tal-ġid ta’ kulħadd u ta’ dak li titlob is-saltna ta’ Alla u ta’ dak li titlob il-fidi. Intom imsejħin biex “taħdmu” għas-salvazzjoni ta ‘l-oħrajn waqt li qegħdin taħdmu għas-salvazzjoni tagħkom. Intom imsejħin biex tkunu appostli, biex tħabbru l-Bxara t-tajba, huma x’inhuma l-għażliet tagħkom għall-ġejjieni.

Kunu ġenerużi; agħżlu bl-imħabba; hejju ruħkom tajjeb. Hejju ruħkom għall-professjoni tagħkom onestament u kif jixraq. Hejju ruħkom għall-istat tal-ħajja li se tħaddnu; jekk se tagħżlu ż-żwieġ, għażluh bis-serjeta’ kollha u b’rispett sħiħ lejn min għada se jaqsam magħkom il-ħajja u l-ideal tal-familja skont Alla.

 

Inkunu xhieda ta’ Kristu

Tassew “il-ħsad kbir”. L-aqwa li kull wieħed minna jkun tassew  “ħaddiem” skont l-Evanġelju. Il-“hsad” hu frott ix-xogħol tal-bniedem. Imma fl-istess ħin  juri d-don li jingħatalna permezz tal-ħolqien.

“… meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalem, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1,8). Dawn huma l-aħħar kelmiet li skond l-Atti  tal-Appostli, Kristu rxoxt qal f’din id-dinja, qabel tela’ s-sema. Ninsabu fiż-żmien liturġiku bejn il-qawmien mill-imwiet u l-miġja tal-Ispirtu s-Santu, u għalhekk dan il-kliem għandu tifsir speċjali.Hu mill-Ispirtu s-Santu li l-bnedmin jirċievu l-qawwa biex isalvaw. Jiġifieri s-salvazzjoni, li għall-bniedem hi dmir kemm bħala individwu u kemm bħala membru tal-komunita’ tal-bnedmin, trid tinkiseb bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk qabel xejn tfisser don. Don kbir li bih Alla jaqsam mal-bniedem xi ħaġa li hi kollha kemm hi tiegħu. B’xi mod Alla jagħti lilu nnifsu lill-bniedem, jagħti lilu nnifsu “fi Kristu”.

Jagħti lilu nnifsu biex ikun dik il-qawwa ta’ verita’ u ta’ mħabba li tagħmel il-bniedem il-ġdid, kapaċi jbiddel id-dinja: verita’ li turi ruħha bħala ħaġa mitluba mill-kuxjenza u mid-dinjita’ tal-bniedem, tgħid liema huma l-għażliet tal-imħabba, dik l-imħabba li tqarreb, tgħaqqad, tgħolli, tibni u ssalva, meta ngħinu lil ħaddieħor bi spirtu ta’ aħwa, għax bnedmin, għax nsara, għax membri tal-Knisja. Jingħata b’mod speċjali fis-sagramenti – Magħmudija, Griżma, Penitenza, Efkaristija – permezz tagħhom jingħata jew jikber  id-don li, miċ-Ċenaklu wasal għandna bħala Ħobż tal-Ħajja u bħala “Qawwa” li jagħnina, jum wara l-ieħor, sal qawmien tagħna  fil-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 6, 51.58), ma’ Kristu biex ngħixu flmikien mal-Missier.

Hekk għandna dejjem nilqgħu s-salvazzjoni bħala Don u, fl-istess ħin, għandna niddedikaw ruħna għaliha bħala missjoni tagħna.

Aktar ma nħossu l-kobor ta’ dan id-Don, aktar b’ħeġġa nidħlu għal din il-missjoni, insiru “ħaddiema għall-ħsad” b’aktar serjeta’. Hawn hu l-qofol tal-kwistjoni, hawn hu l-kontest vitali tal-evanġeliżżazzjoni.

Kristu Rxoxt isejjaħ id-dixxipli tiegħu għal- evanġeliżżazzjoni huwa u jgħidilhom: “Tkunu xhieda tiegħi” (Atti 1, 8). Dan hu l-kliem li jorbot u jħoll kollox.

Inkunu xhieda ta’ Kristu, meta fina bħala dixxipli tal-Evanġelju, jilħaq il-milja tiegħu l-problema tas-salvazzjoni, il-problema tas-sejħa tas-Saltna ta’ Alla. Meta nilqgħuha u nagħmluha tagħna, insiru ħaġa waħda magħha. Meta tagħti xejra lill-ħajja kollha tagħna  u l-imġieba tagħna. Żgħażagħ, xebbiet u ġuvintur, tal-Portugal tal-lum! Ħarsu lejn dawk il-ħafna li ġew  qabilkom, ulied huma wkoll ta’ din l-art imbierka, ulied il-kultura u l-ilsien, ulied it-tbatijiet u r-rebħiet. Kemm minnhom wieġbu bl-għoti sħiħ ta’ ħajjithom għas-sejħa ta’ Kristu! Mir-reġina S.Elisabetta għal S.Gwann ta’ Alla, minn S.Antnin ta’ Lisbona  għal S. Ġwann de Brito – biex insemmi biss il-qaddisin kanonizzati: minn triqat differenti lkoll imxew fl-imħabba ta’ Alla, miġbudin mill-ideal tal-verita’ u tal-imħabba, imqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.

U min jista’ jgħid, meta jara l-entużjażmu u l-ferħ tagħkom, li ż-żgħażagħ portugizi tal-lum huma indaqs interessati, indaqs lesti, inqas attenti għal Kristu miż-żgħażagħ tal-imgħoddi? Iva Kristu jittama fikom. Il-Knisja tittama fikom! Il-Papa jittama fikom!

Ilqgħu, żgħażagħ maħbubin, ilqgħu għal darb’oħra s-sejħa ta’ Kristu. Kunu xhieda tiegħu.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.