Ġwanni Pawlu II lill-bdiewa


IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II FIL-PORTUGAL

Lill-bdiewa f’Villa Vicosa.  14 ta’ Mejju 1982

MHUX BIŻŻEJJED IXXANDAR IL-JEDDIJIET TAL-BDIEWA:

JENĦTIEĠU L-KONDIZZJONIJIET BIEX DAWN IL-JEDDIJIET IKUNU MĦARSIN

 

“Morru intom ukoll fil-għalqa u nagħtikom li jkun ħaqqkom” (Mt 20,4). F’din is-silta u f’siltiet oħra tal-Evanġelju, Ġesu jitkellem permezz tal-parabboli, ispirati mid-dinja ta’ madwaru. F’dawn il-parabboli l-Imgħallem divin spiss jitkellem fuq ix-xogħol tal-biedja. Hekk għamel fil-qari tal-lum       bil-parabbola tal-ħaddiem fil-għalqa  tad-dwieli. Kristu, permezz ta’ eżempji mill-ħolqien u minn fatti magħrufin minn min kien jisimgħu, iwassal is-semmiegħa tiegħu għar-realta’ sħiħa u sopranaturali  tas-Saltna tas-smewwiet. B’hekk hu fiehem lill-bnedmin is-Saltna spiritwali tiegħu.

Il-bniedem li jaħdem onestament, bħala bniedem ħieles u intelliġenti, ikompli l-ħidma tal-ħolqien u hekk jixxierek ma’ Alla: hu u jissieħeb fis-salvazzjoni jasal bil-mod il-mod għat-tisħib fil-ħajja ta’ Alla. F’dan id-dawl se nimmeditaw flimkien il-parabola tal-lum… Il preżenza tiegħi hawn il-lum, flimkien ma’ l-isqof ta’ Evora u ta’ għadd ta’ isqfijiet oħra mill-Portugal u minn Spanja, turi bil-fatti li l-Knisja tifhem u tagħraf ix-xewqat tagħkom ta’ ġustizzja ta’ progress u ta’ paċi intom u timpenjaw ruħkom fil-biedja. Il-Knisja, il-Papa, l-isqfijiet tal-Portugal huma magħkom biex igħinukom tirbħu kull ma jwassal biex ma jifhmukomx, kull ma hu inġustizzja; qegħdin magħkom biex igħinu l-aktar fqar u l-inqas ixxurtjati fostkom ħalli kulħadd jista’ jimxi ‘l quddiem u bla nkwiet ta’ xejn ikollu sehem minn dawk il-valuri għoljin ta’ xogħol tassew xieraq, ta’ xogħol li jagħti l-frott, valuri li verament jixirqu l-bniedem, valuri li huma valuri nsara – u dan il-Papa u l-isqfijiet jagħmluh fid-dawl tal-qadi tal-missjoni tagħhom ta’ ragħajja. Hawn fis- santwarju tal-Kunċizzjoni ta’ Villa Vicosa, taħt il-ħarsa tas-“Sultana” tal-Portugal, santwarju mibni mir-re Ġwann IV, se nagħmlu l-meditazzjoni tagħna, aħna u nitolbu l-Ispirtu tal-verita’ u tal-imħabba biex idawwalna u jgħinna.

 

Żewġ Veritajiet Kbar

Il-parabbola tal-ħaddiema fil-għalqa  tad-dwieli, li għadha kemm inqrat , fiha zewġ veritajiet kbar fil-ħajja tar-ruħ. L-ewwel verita’ hi li l-ġustizzja tas-Saltna ta’ Alla sseħħ ukoll bil-ħidma tal-bniedem permezz tax-“xogħol tiegħu fl-għalqa tad-dwieli”. Kull bniedem jintbagħat mill-Mulej biex “jibni” d-dinja, f’sura jew oħra, f’xi ħin, f’xi aspett tal-ħajja tiegħu  fid-dinja. It-tieni verita’ hi li s-Saltna ta’ Alla, is-saltna li Alla qed joffri lill-bniedem, hi ‘l fuq minn kull qjies li l-bniedem jużaw biex jaraw xi ħlas jistħoqq għax-xogħol li jsir. Dan id-don tas-Saltna hu aqwa mill-istess bniedem. Għaliex huwa don sopranaturali ma jistax jitqies bi kriterji li huma biss ta’ din id-dinja. L-evanġelju tal-ħaddiema fil-għalqa tad-dwieli u l-qari l-ieħor  tal-lum jistednuna naħsbu fuq ix-xogħol tal-bniedem, u l-aktar fuq ix-xogħol tal-biedja fid-dawl tal-ordni u tal-ġustizzja li għandu jkun hemm fis-soċjeta’.

Kif tafu, il-Knisja stħarrġet sewwa l-problemi tal-Kwistjoni soċjali l-aktar f’dawn l-aħħar mitt sena. Għalkemm l-attenzjoni tal-Knisja kienet aktar fl-industrija u fix-xogħol industrijali, ix-xogħol tal-bidwi kellu wkoll parti importanti fit-tagħlim tal-Knisja sa minn żmien l-enċiklika Rerum novarum tal-Papa Ljun XIII. Hekk il-Papa Piju XI ikkundanna l-influwenza ħażina tal-kapitaliżmu industrijali fuq il-biedja u sogħobbih ħafna għall-qagħda ta’ tant bdiewa, li “waqgħu f’qagħda ta’ ħajja mill-agħar, imċaħħdin mit-tama li qatt jiksbu xi qasam ta’ art, u għalhekk żgur li se jibqgħu f’qagħda ta’ “proletari” jekk ma jinstabux f’waqthom rimedji tajba u qawwija” (Quadragesimo anno, III, 59).

Imma kien l-aktar il-Papa Ġwanni XXIII, iben familja ta’ bdiewa , li wera attenzjoni speċjali għall-problemi tal-ħajja tal-bidwi, u insista li l-biedja għandu jkollha l-post li jistħoqqilha. Fil-Mater et Magistra hu mhux biss talab li jintrebħu d-differenzi li kien hemm bejn il-ħafna oqsma ta’ ħajja f’kull pajjiż, imma tkellem ukoll fuq dan il-problema fuq il-livell tad-dinja kollha, billi wera l-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet ġodda ħa jintrebħu d-differenzi li kien hemm, u l-ħtieġa tal-ħidma flimkien għall-għajnuna ta’ xulxin, tal-pajjizi għonja li mxew ħafna ‘l quddiem fl-industrijaliżżazzjoni u l-pajjiżi fqar li għandhom jiżvilluppaw u li l-qagħda tal-biedja fihom għadha lura.

Fiż-żminijiet tagħna, meta qegħdin jaħkmu tensjonijiet ekonomiċi u soċjali kbar, bħala progress qiegħed jitqies l-aktar il-progress fl-industrijaliżżazzjoni. Imma hu ta’ faraġ tara li qiegħda tidher il-ħtieġa li l-biedja terġa’ tikseb il-post li jixirqilha tal-iżvilupp ta’ kull nazzjon u tal-progress tad-dinja kollha.

Hu proprju f’dawn il-ġranet li l-isqfijiet tagħkom, imdawlin mil-Laborem exercens urew il-ħtieġa li wieħed jeħodha bil-qawwa kontra l-inferjorita’ kronika tal-biedja fil-Portugal billi jingħarfu d-dinjita’ u d-drittijiet tal-irġiel, tan-nisa u tal-familji tal-kampanja. Qalu sewwa l-isqfijiet, li mhux biżżejjed issemmi d-drittijiet, imma jeħtieġ li jinħolqu malajr kondizzjonijiet ekonomiċi soċjali u kulturali li permezz tagħhom jistgħu jseħħu dawn id-drittijiet; b’hekk il-bdiewa, u l-aktar iż-żgħażagħ iħossu ruħhom imħajrin jibqgħu marbutin mar-raba’ u l-biedja. Din sfida għal kulħadd, sfida li mhux sejrin ma jwieġbux għaliha l-ħaddiema tar-raba’ huma u jilqgħu suriet ġodda ta’ għaqda u kooperazzjoni bejniethom u inizjattivi f’waqthom biex jimmodernizzaw it-teknika u l-kultura.

Biex il-problemi tal-biedja narawhom dak li tassew huma, jeħtieġ li mmorru bil-ħsieb – u dan jaqbel mat-tradizzjoni minn dejjem tat-tagħlim soċjali tal-Knisja – fuq id-dinjita’ u l-qagħda tal-bniedem fid-dinja. Huwa l-bniedem li jagħmel ix-xogħol u, minħabba l-bniedem, ix-xogħol tal-bniedem għandu jkun mibni fuq il-ġustizzja, imqanqla u msaħħa minn vera mħabba għall-proxxmu.

Mis-salm 8 li għadna kemm  għidna flimkien, nistgħu nifhmu x’inhu l-bniedem fil-ħsieb ta’Alla u fil-ħolqien. Is-salmista, quddiem  il-Mulej, jistaqsi lilu nnifsu: “X’inhu l-bniedem?” B’xi mod il-mistoqsija hi magħmula lil Alla stess: “Inħares lejn is-smewwiet, egħmil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int qegħidt fihom! X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem biex taħseb fih? (Salm 8, 4-5).

Dan il-kliem tas-salm juri x-xejn tal-bniedem quddiem il-kobor tal-ħolqien; fl-istess ħin ixandar kemm hu aqwa l-bniedem fid-dinjita’ tiegħu. Minkejja li l-bniedem ma hu xejn, Alla “jiftakar fih”, “jaħseb fih”. U d-dinjita’ tal-bniedem tidher aktar mill-kliem l-ieħor li jgħid is-salmista: “Qegħidtu fuq l-egħmejjel kollha ta’ idejk; kollox taħt riġlejh qegħidtlu” (Salm 8,7).

Fl-enċiklika Laborem exercens ridt ngħolli “l-bniedem li jaħdem”. Dan huwa l-muftieħ li neħtieġu biex nifhmu u nħollu l-problemi soċjali. Bil-kelma xogħol irrid infisser kull ħidma tal-bniedem mill-iċken u l-aktar baxxa għal dik l-aktar għolja. Il-kriterji u l-prinċipji tal-enċiklika jgħoddu wkoll għax-xogħol tal-biedja, tant li fl-enċiklika tkellimt xi ftit ukoll fuq dan ix-xogħol (n. 21).

Egħżież bdiewa, irġiel u nisa, żgħażagħ u xjuħ! lilkom ukoll il-Mulej fl-Evanġelju jistedinkom u jgħidilkom: “Morru intom ukoll fil-għalqa u nagħtikom dak li ħaqqkom”. Erba’ kelmiet, imma kelmiet li jwassluna għall-istudju ta’ ħafna problemi li biex insolvuhom jeħtieġ napplikaw dawk il-prinċipji fondamentali morali, li jiswew għad-dinja kollha, u li fuqhom jimbena l-progress veru tas-soċjeta. Iżda biex napplikaw dawn il-prinċipji rridu nqisu kull qagħda partikolari, u s-sura  u l-grad tal-iżvilupp ta’ kull qasam tas-soċjeta tal-bnedmin. F’kelma waħda jenħtieġ li jitqies ukoll x’titlob il-ġustizzja u x’inhi l-verita’ sħiħa tal-bniedem fid-dawl tal-prinċipji morali.

Id-dinja tal-lum minkejja l-progress xjentifiku u tekniku kollu li sar, qiegħda tgħix  bil-biża’ ta’ xi disgrazzja kbira, li ġġib fix-xejn is-suċċessi kbar li saru, jekk il-gwerra tegħleb il-paċi.  Għalhekk l-ispejjeż għall-armi tal-gwerra għandhom jitnaqqsu ħalli l-pajjiżi kollha jkollhom dak li jeħtieġu għall-progress tagħhom, għall-progress sħiħ, l-aktar fl-oqsma tal-biedja u tal-ikel. Il-faqar kbir ta’ ħafna gruppi ta’ bnedmin f’pajjiżi li ekonomikament għadhom lura , joffendi d-dinjita’ ta’ eluf ta’ eluf ta’ bnedmin li qegħdin igħixu f’qagħda ta’ miżerja mill-akbar. Jeħtieġ għalhekk li minnufih il-bdiewa  jkollhom imħarsa d-drittijiet fondamentali tagħhom bħala bnedmin.

 

Għall-Progress Sħiħ fil-Biedja

L-ewwel qari tal-lum mill-profeta Għamos jitkellem fuq il-bini mill-ġdid wara l-ħerba li saret. Jekk hu iebes tibni, wisq aktar iebes, wara żmien ta’ ħerba, issib suriet ġodda ta’ tiġdid biex tegħleb fehmiet u proċessi qodma ħa tipproduċi  aktar u aħjar.

Fi pjan nazzjonali ta’ żvilupp, skont il-ħila u l-kultura tal-post li jkun, jeħtieġ li l-iżvilupp xieraq  tal-biedja jkun parti mill-programm sħiħ li jħaddan l-oqsma kollha tal-ekonomija nazzjonali u li jqies l-għaniet fondamentali tal-bniedem, jiġifieri mhux biss ifittex li toktor il-produzzjoni imma wkoll li jkun  hemm tqassim xieraq ta’ dak li jiġi  prodott. Fi tfassil ta’ programm hekk sħiħ; wieħed irid jaħseb għall-infrastrutturi  xierqa, għall-kondizzjonijiet tajba għas-self, għall-mezzi moderni ta’ trasport  u ta’ xogħol ħa jiġi ‘l quddiem il-kummerċ tal-prodotti tal-biedja u dan kollu bi spirtu kreativ u kompetizzjoni xierqa.

“Nagħtikom dak li ħaqqkom” qal sid il-għalqa fil-parabbola tal-lum. Huwa kliem importanti ħafna għaliex hu kliem dwar ħlas xieraq u dwar id-drittijiet u d-dinjita’ tal-ħaddiema tar-raba’ (Laborem exercens 16-23). Hawn imissna naraw il-post privileġġjat li għandu min jaħdem ir-raba’, kemm jekk ir-raba’ li jaħdem hu tiegħu u kemm jekk jaħdem ir-raba’ ta’ ħaddieħor. Il-kumpanniji l-kbar għandhom ifittxu li r-raba’ tagħhom jipproduċi dejjem aktar bit-tisħib tal-ħaddiema u flok jaħsbu biss fil-qliegħ u l-ħtiġijiet tagħhom, għandhom jippreferixxu li jagħtu salarju ġust lil kull min igħin fil-produzzjoni mingħajr ma jwarrbu qatt fil-ġenb l-iskop soċjali tal-proprjeta’

Għalhekk ta’ min ifaħħar il-ħidma u l-inizjattivi ta’ assoċjazzjonijiet kbar ta’ bdiewa u ta’ ħaddiema, mingħajr ma jnaqqas is-siwi ekonomiku ta’ impriżi żgħar, ta’ ftit familji, jew ta’ familja waħda wkoll, impriżi li jġibu ‘l quddiem sewwa l-proprjeta’ tagħhom. Tkun l-aħjar ħaġa kieku l-bidwi jaħdem ir-raba’ li jkun proprjeta’ tiegħu, għax hekk jinħolqu impriżi li tassew jaħdmu.

 

Il-Ħidma tal-Bdiewa għall-Progress

Għeżież bdiewa, bil-ħidma tagħkom flimkien, intom tridu tkunu dawk li ġġibu l-biedja ‘l quddiem, bħala mezz importanti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżkom. Żviluppaw l-inizjattiva tagħkom billi ddaħħlu fl-impriżi tagħkom żgħażagħ kwalifikati. Ippermettuli nfakkarkom fil-prinċipji li hemm fl-enċiklika Laborem exercens dwar il-bniedem li jaħdem u l-aktar dwar il-bniedem li jaħdem ir-raba’, prinċipji li jgħoddu wkoll għan-nisa li jaħdmu r-raba’.

Intom tafu biżżejjed li l-progress tant mixtieq fil-biedja ma jistax iseħħ jekk ikun nieqes it-tagħlim u l-formazzjoni professjonali li  turik kif timmodernizza l-metodi u xogħol kollu tal-biedja. Għalhekk  ma nistgħux ma nfaħħrux kull ma qed isir fil-Portugal f’dan il-qasam.

Iżda l-isqfijiet tal-Portugal ifakkrukom li r-riforma tal-biedja ma għandhiex tkun strument biex jinkisbu l-interessi ta’ xi partit, għaliex ir-riforma tolqot il-bdiewa kollha b’mod hekk sħiħ u hekk fil-fond li jkun delitt tagħmilha strument għall-interess ta’ partit. Ir-riforma tal-biedja fil-Portugal trid twassal biex tagħmel personali x-xogħol tar-raba’. Ta’ min ifakkar hawn li kulħadd hu fid-dmir li dan isir b’mod li tkun rispettata l-liberta’, l-awtonomija u t-tisħib responsabbli tal-bdiewa, tal-bdiewa kollha fid-dawl tal-ġustizzja soċjali.

Għeżież bdiewa, nerġgħu lura għall-parabbola tal-lum. Din il-parabbola tgħallimna li l-bniedem, ma jgħix biss fid-dinja, fis-soċjeta’, f’pajjiż jew nazzjon, imma hu fl-istess ħin imsejjaħ għas-Saltna ta’ Alla, li fuqha titkellem il-parabbola. Ix-xogħol tal-bniedem fuq l-art (u għall-art) u l-bini tas-Saltna ta’Alla jiltaqgħu u jingħaqdu flimkien. Is-Saltna ta’ Alla ma titqiesx b’qisien ta’ ordni soċjali jew ta’din id-dinja. Il-bini tas-Saltna ta’ Alla ma ssirx biss bil-merti, imma bil-grazzja wkoll, anzi jsir l-aktar bil-grazzja; għax kull mertu hu frott tal-grazzja. Bħala frott tal-grazzja u tal-mertu, is-Saltna ta’ Alla m’hijiex premju tal-mertu bħalma hu s-salarju għax-xogħol li jsir, imma s-Saltna ta’Alla hi fuq kollox don sopranaturali, don li jisboq kull mertu.

Aħna lkoll ċittadini tas-sema pajjiżna. Ix-xogħol tagħna għandu importanza kbira ħa jinkiseb il-ġid ta’ kulħadd. Imma aħna wkoll ċittadini tas-Saltna ta’ Alla, li mhijiex ta’ din id-dinja u li tiġi għandna bħala don ta’ Alla u bħala sejħa nisranija.

Il-Mulej jistedinna nwieġbu għal din is-sejħa u ningħaqdu miegħu permezz tat-talb li jagħti dinjita’ lix-xogħol tagħna ta’ nsara. “Ora et labora” – itlob u aħdem- dan qal San Benedittu lill-patrijiet tiegħu. Meta ssieħbu t-talb max-xogħol, meta tagħmlu x-xogħol tagħkom talba, tiksbu l-kuraġġ u l-qawwa u l-hena ħa tirbħu kull diffikulta’ u kull tiġrib, u x-xogħol tagħkom isir aktar hieni għall-bini ta’ soċjeta’ aħjar u aktar hienja b’dak kollu li għandkom mill-aħjar bħala nsara.

Nixtieq inġib quddiem għajnejja l-figura tradizzjonali u nisranija tal-bidwi portugiż  li, kif qaluli mad-daqq tal-Avemarija, u; f’daru mad-daqq tal-Imwiet, jieqaf ftit mix-xogħol li jkun jagħmel biex jerfa’ ħsiebu lejn is-sema jitlob ‘l Alla, li minnu ġej kull ġid.

“Mulej Alla tagħna, kemm hu  kbir ismek fl-art kollha!” Hawn f’dan is-santwarju tal-Verġni Immakolata, illum l-isqof ta’ Ruma, is-suċċessur ta’ San Pietru, lejk Mulej, jerfa’ idejh, ħsiebu, qalbu, flimkien ma’ l-ulied kollha tal-Portugal, u l-aktar ma’ dawk li jaħdmu l-art bix-xogħol ta’ idejhom u l-għaraq ta’ ġbinhom. Flimkien magħhom, Missier ta’ kull tjieba u Sid tal-ħolqien kollu, nitolbok tbierek ix-xogħol iebes tagħhom. Bierek, Mulej ir-raba’ tagħhom u t-tbatijiet tagħhom. Tinżel il-barka tiegħek fuq il-familji tagħhom u l-komunitajiet tagħhom. Bierek Mulej, pajjiżhom, bierek il-Portugal. Ħallieq tad-dinja hu frott ix-xogħol ta’ dawn in-nies il-ħobż u l-inbid li kuljum noffruh fis-sagrifiċċju ewkaristiku, biex jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnek Gesu’.  Xogħolhom hu xogħol li jservi għall-Ewkaristija.

Jalla dan ir-raba’ kollu tal-Portugal, minn Minho sa Tras-os-Montes, ikun dejjem imbierek b’kotra ta’ frott. Jalla l-grazzja tiegħek tfawwar fi qlub dawk kollha li jgħammru hawn.

Fis-Saltna tiegħek ta’ ġustizzja, sliem u mħabba, agħti lilhom ilkoll il-premju ta’ dejjem. Int dan  il-premju u fl-istess ħin ir-rabta qaddisa li torbothom f’imħabba u sliem li ma jintemmu qatt.  

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.