Ġwanni Pawlu mar-Reliġjużi Maltin. 1990


Laqgħa tal-Papa Ġwanni Pawlu mar-Reliġjużi fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Valletta, 25 ta’ Mejju 1990.

Maħbubin Ħuti,                                                                                                                        

“Il-paċi magħkom”.  Din hija t-tislima tiegħi u t-talba tiegħi għalikom u għall-poplu kollu ta’ Malta.  “Il-paċi magħkom, u l-imħabba flimkien mal-fidi minn Alla l-Missier u Sidna Ġesù” (Efes 6:23).

Hu xieraq li l-ewwel kelmiet tiegħi f’din iż-żjara f’Malta ngħidhom hawnhekk f’dan il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li hu xhieda ċara ta’ parti minn dik l-istorja tagħkom li wasslet isimkom madwar id-dinja kollha.  Bħala wieħed imsejjaħ għal ministeru universali ta’ qadi fi ħdan il-Knisja, għandi għax nifraħ b’din l-opportunità li nżur lil din gżira ta’ Malta, il-gżira tal-predikazzjoni ta’ San Pawl, gżira ta’ fidi, gżira ta’ eroiżmu u devozzjoni.  Illum naqsam l-istess sentimenti ta’ Pawlu meta kiteb: “Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju imma ħajjitna stess, daqskemm ħabbejniekom” (1 Tess 2:8).

Mmexxi mill-provvidenza t’Alla, jiena ġejt biex inwettaq dik l-istess fidi antika li l-Appostlu tal-Ġnus ġab hawnhekk mat-tbexbix tal-Kristjaneżmu.  Jiena wkoll niġi bħala pellegrin biex inġarrab jiena stess il-ħajja tal-Knejjes lokali tagħkom, biex nuri l-qima tiegħi lill-kisbiet ta’ dawk kollha li lbieraħ u llum b’qalb kbira wieġbu għas-sejħa tal-Evanġelju u għamlu opri ta’ fidi, tama u mħabba għall-glorja ta’ Alla u għas-salvazzjoni tad-dinja.  U hekk kif il-Knisja f’Malta tistenna t-tielet millennju, nixtieq insaħħaħ il-kuraġġ u nqawwi t-tama għal ġejjieni iżjed glorjuż.

  1. Maħbubin ħbiebi fil-Mulej: il-fidi Kattolika hawnhekk kibret u xterdet, grazzi għal irġiel u nisa ta’ qalb kbira li f’kull żmien taw ħajjithom għall-qadi ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu, “mhux bilfors, imma minn qalbhom; mhux għall-qligħ baxx, imma bil-ħeġġa tal-imħabba; mhux bħallikieku jaħkmu bil-qawwa … imma billi jkunu eżempju tal-merħla” (1 Pt 5: 2-3).  Qed nifraħ li din l-ewwel laqgħa tiegħi hi magħkom, saċerdoti u reliġjużi, ghaliex intom għandkom rwol li ħadd ma jista’ jeħodulkom fil-bini tal-Knisja sabiex il-membri kollha tal-merħla ta’ Kristu, mill-ikbar sal-iżgħar, jistgħu jaslu għal dik il-qdusija tal-ħajja li twassal għas-salvazzjoni.

Jiena naf biżżejjed li l-Knisja f’Malta hija msejħa biex taqdi l-missjoni pastorali tagħha f’sitwazzjoni soċjali u kulturali li taħt ċerti aspetti tippreżenta diffikultajiet.  F’din is-sitazzjoni hu ċar li l-Knisja trid, qabel kollox, tkun “id-dar ta’ Alla” (1 Tim 3:15) fejn tgħammar il-familja tiegħu (Lumen Gentium, 6) u fejn il-membri tal-familja, waqt li jgawdu l-libertà ta’ wlied Alla li tmiss lilhom (ara Rum 8:1) huma magħqudin bejniethom f’rabtiet ta’ fidi u mħabba: ‘Ubi caritas et amor, Deus ibi est’.  Irrid nagħmlilkom kuraġġ biex, taħt it-tmexxija tal-Isqfijiet tagħkom, tkomplu dejjem tul it-triq ta’ tiġdid veru u profond li l-Ispirtu s-Santu, permezz tat-Tieni Konċilju Vatikan, wera għall-poplu ta’ Alla kollu kemm hu.

Barra minn hekk, wieħed ma jistax jiċħad li pajjiżkom illum qed iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet ġodda li dejjem qed jikbru.  It-tradizzjonijiet venerabbli u is-soċjetà tagħkom iridu jissieltu mat-tentazzjonijiet ta’ kultura sekularizzata li diġà rikbet parti sewwa mid-dinja.  Bħala rġiel u nisa li s-sejħa tagħkom m’għandha l-ebda tifsira jekk mhux f’Alla u fid-d-dawl tal-wegħdiet tiegħu, m’għandkomx għalfejn tibżgħu.  Hu bil-perseverenza u l-fedeltà quddiem l-isfidi u l-provi li l-qawwa ta’ Alla tista’ tidher tassew fid-dgħjufija tal-bniedem.  Qatt tinsew li hu bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu li ma tidhirx imma li taħdem fil-qlub tal-bnedmin li sseħħ il-bidla, il-metanoia, li hija l-bxara tal-Evanġelju (Mk 1:15).  Nħeġġiġkom biex iżżommu sħiħ fil-fidi li hija l-wirt Kattoliku tagħkom bħala ulied Malta, sabiex l-għeġubijiet ta’ Alla jibqgħu jidhru kemm issa u kemm fil-ġejjieni.

Malta kienet minn dejjem imbierka bis-sħiħ bil-vokazzjonijiet u kienet ġeneruża ħafna biex tibgħat saċerdoti u reliġjużi f’pajjiżi barranin, għall-ferħ kbir u l-gratitudni ta’ komunitajiet Kattoliċi mxerrda mad-dinja kollha.  Imma jenħtieġ ngħassu sewwa dwar il-ġejjieni.  Tibżgħux titolbu ħafna miż-żgħażagħ, tisfidawhom b’sejħa għall-qadi u għal ħajja mfassla fuq is-sejħat radikali tal-evanġelju.  U biex l-appell tagħkom jasal, din is-sejħa ma tridux tgħadduhielhom biss bil-kliem imma wkoll bl-eżempju li juri li intom impenjati, mimlijin ħeġġa u ferħanin fil-qadi tal-Mulej.

  1. Lis-saċerdoti kollha ta’ Malta nħeġġiġhokom bil-kliem ta’ San Pietru: “Irgħu l-merħla ta’ Alla fdata f’idejkom …  Mbagħad, meta jidher ir-Ragħaj il-Kbir, tiksbu l-kuruna tal-glorja minsuġa minn ward li ma jidbielx” (1 Pt 5: 2,4).  Jista’ jkun hemm unur ikbar minn dan: li Kristu sejjaħ lil kull wieħed u waħda minnkom b’ismu u b’isimha biex tieħdu sehem fil-ministeru tiegħu u fdalkom f’idejkom biċċa mill-merħla tiegħu?  Jista’ jkun hemm inkuraġġiment ikbar minn dan: li taqdi, li taħdem u li saħansitra tbati ma’ Kristu biex flimkien mal-fidili kollha jista’ jkollkom sehem fil-glorja li għad trid tidher.  Iva, għeżież ħuti, huwa kemm għall-ministeru u kemm għall-glorja li r-Ragħaj il-Kbir sejħilkom bħala saċerdoti.

Xi grazzja kbira din li fil-qadi tal-ministru tagħkom f’Malta intom tassew qrib il-poplu!   Waqt li intom tgħixu u taħdmu fosthom bħal Kristu li ġie “mhux biex ikun moqdi, imma biex jaqdi” (Mt 20:28), fittxu dejjem li jkollkom fikom qalb saċerdotali, qalb li ġġib lin-nies lejn dak li hu sewwa, lejn “il-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla” (Kol 3:1).  Kunu qrib kulħadd, b’rispett u billi tieħdu ħsieb kulħadd tassew bħal aħwa.  Fil-ħidma pastorali tagħkom, “tħalltux il-fidi tagħkom f’Sidna Gesù Kristu mal-ħarsien lejn l-uċuħ” (Ġak 2:1).  Kull wieħed u waħda li jħabbat biebkom, hi x’inhi l-pożizzjoni soċjo-ekonomika tiegħu jew tagħha jew hu x’inhu l-kulur politiku, jeħtieġ fi kliemkom u f’għemilkom jagħraf il-verità sħiħa ta’ Alla li hu li jifhimna jwasslilna fl-imħabba.  Bħala “meħuda minn fost il-bnedmin” (Lhud 5:1) u “maħtura għall-Evanġelju ta’ Alla” (Rum 1:1), intom għandkom responsabbiltà speċjali biex iġġorru fikom it-tħassib mimli mħabba li Ġesù kellu għal dawk kollha ta’ madwaru (ara Mt 9:36).

Intom tafu li l-ministeru tagħkom saċerdotali ma tistgħu qatt tgħixuh bħala xi ħaġa privata tagħkom.  Il-presbyterium irid jirrifletti b’mod ċar l-għaqda li hija l-istess natura tal-Knisja, il-Ġisem wieħed ta’ Kristu (ara 1 Kor 12:12).  Id-Digriet tal-Konċilju dwar il-Ministeru u l-Ħajja Saċerdotali jitkellem minn dik “ir-rabta ta’ aħwa sagramentali intima” li tgħaqqad lis-saċerdoti bħala membri ta’ ġisem wieħed taħt l-Isqof tad-Djoċesi, “f’rabta ta’ mħabba, ta’ talb u ta’ kull xorta ta’ kollaborazzjoni” (Presbyterorum Ordinis, 8).  L-imħabba hija meħtieġa, li ma jmurx nonqsu aħna li newttqu fost l-aħwa l-kmandament tal-imħabba li nippriedkaw lil ħaddieħor; rabta ta’ talb biex l-ebda saċerdot ma jkun maqtugħ spiritwalment mill-oħrajn fil-qadi tal-ministeru tiegħu; u kollaborazzjoni, għaliex, kif igħidilna l-istess Digriet, “ebda presbiteru ma jista’ jtemm sewwa l-missjoni tiegħu mifrud mill-oħrajn bħallikieku għal rasu, imma biss jekk igħaqqad il-forzi tiegħu ma’ dawk ta’ presbiteri oħra, taħt it-tmexxija ta’ dawk li jippresjedu fuq il-Knisja” (ibid., 7).  Nħeġġiġkom, qabel kollox, li tkunu mudelli ta’ għaqda u armonija, biex hekk il-merħla fdata f’idejkom tkun tista’ ssib l-ispirazzjoni biex tgħix fil-paċi u taħdem flimkien bħala membri ta’ familja waħda.

Lejliet is-Sinodu tal-Isqfijiet li se jistudja l-formazzjoni saċerdotali, ma rridx nonqos milli nsemmi l-formazzjoni kontinwa tagħkom bħala saċerdoti.  Biex tikbru bħala rgħajja, jeħtieġ  li trawmu għarfien dejjem aktar fil-fond ta’ l-Iskrittura u x-xjenzi sagri.  Bħala bnedmin ta’ Alla jeħtieġ ukoll tikbru fil-grazzja permezz tat-talb personali u ta’ ezerċizzi spiritwali, għaliex hu biss billi nfittxu l-qdusija u l-intimità ma Alla li l-għerf tagħna u l-mezzi kollha li għandna f’idejna jistgħu jħallu frott li jibqa’ fil-qadi tal-poplu ta’ Alla.  Nitlob it-talb tagħkom għax-xogħol tas-Sinodu u għas-seminaristi u s-saċerdoti kullimkien biex il-Knisja tibqa’ tkun imbierka bi kleru mħeġġeġ u li jixirqilha waqt li tfittex tippreidka l-Vanġelu fid-dinja ta’ llum.

Fl-aħħarnett irrid inħeġġiġkom biex tagħarfu u tinkoraġġixxu r-rwol prorju li għandhom il-lajċi fil-ħajja tal-Knisja, skond it-tagħlim tal-konċilju li ġie żvilippat iżjed fl-Eżortazzjoni Appostolika Christifideles Laici.  Ir-rwol proprju tas-saċerdoti u dak tal-lajċi jikkomplementaw lil xulxin.  Hi x’inhi l-ħidma saċerdotali f’Malta llum, jeħtieġ li tkabbru u ssaħħu l-ħidma flimkien li diġà teżisti bejnkom u l-lajċi, biex hekk kull membru tal-Knisja ikun jista’ jagħti sehmu għall-ġid spiritwali u materjali ta’ kulħadd.  Dan jiġbor fih anke d-diversi istituti lajkali, għaqdiet u movimenti, bis-sehem proprju ta’ kull wieħed u waħda għall-preżenza u l-missjoni tal-Knisja fis-soċjetà.

Għeżież ħuti fis-saċerdozju, żommu dejjm quddiem għajnejkom il-ħidma ekkleżjali li għandkom fi Kristu: li “tlaqqgħu l-familja ta’ Alla bħala għaqda ta’ aħwa mħeġġin minn spirtu wieħed, u permezz ta’ Kristu wassluha fl-ispirtu għand Alla l-Missier” (Lumen Gentium, 28).  J’Alla l-Mulej jagħtikom il-perseveranza f’dak “l-ewwel entużjażmu” tagħkom biex il-poplu kollu ta’ Alla f’Malta jgawdi mit-tmexxija u l-gwida spiritwali tagħkom u hekk jinżel iżjed fl-għeruq tal-ħajja nisranija u jasal iġedded mill-qiegħ lis-soċjetà.

  1. Għeżież reliġjużi rġiel u nisa: bħalma għidt f’diversi okkażjonijiet oħra, ir-rigal kbir tagħkom lill-Knisja u lid-dinja jikkonsisti l-ewwel u qabel kollox f’dak li intom.  Il-konsagrazzjoni tagħkom hija sinjal qawwi li fi Kristu l-umanità hija msejjħa biex tkun ħolqien ġdid, biex ma tgħixx iżjed “taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-ispirtu” (Rum 8:9).  Meta minn jeddkom u bil-ferħ tagħżlu l-kastità, il-faqar u l-ubbidjenza għas-saltna, tkunu qed tagħtu xhieda għall-istess ‘stil’ ta’ ħajja li l-Iben ta’ Alla għażel għalih meta daħal fid-dinja.

Kemm teħtieġ id-dinja ta’ llum din il-fidi li tagħmel possibbli l-konsagrazzjoni tagħkom, il-fidi li l-Ittra lil-Lhud issejħilha “pedament tal-ħwejjeġ li ma jidhrux” (Lhud 1:1).  Il-ħajja moderna tagħmilha daqshekk faċli għan-nies biex jinsew lil Alla, biex jagħmlu idoli mill-pjaċir, mill-ħwejjeġ materjali u mit-tħaddim tas-setgħa, li l-ebda waħda minnhom ma tista’ tagħti kuntentizza li tibqa’ jew tagħti tifsira vera lill-ħajja.  Intom li tajtu lilkom infuskom għall-kunsilli evanġeliċi tagħtu xhieda għal dak li ma jispiċċax (ara 1 Kor 15: 50,53).  Intom turu lid-dinja li hu billi “titlef ħajtek” (ara Mt 16:25) li tista’ ssibha u ssibha bl-abbundanza, kemm issa u kemm fiż-żmien li ġej.  Intom turu x’inhi s-sejħa traxxendenti tal-umanità li tista’  tintlaħaq biss billi wieħed jimxi t-triq tas-salib flimkien ma’ Kristu.  Dan hu xogħol li jieħu għomor ta’ bniedem, ħidma li titlob il-ħin kollu li wieħed imut u jqum ma’ Kristu waqt li jfittex li jkun “perfett, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:48).  Waqt li timxu din it-triq tegħjewx u taqtgħux qalbkom.   Ftakru li Alla hu fidil.  Jekk sejħilkom għall-ħajja reliġjuża m’hux se jonqos li jagħtikom dak li teħtieġu biex tipperseveraw u tikbru f’dak li titlob minnkom.

F’Malta, fejn ir-reliġjużi rġiel u nisa taw sehem kbir għall-evanġelizzazzjoni tul is-sekli, it-tama tiegħi hija li waqt li żżommu sħiħ fil-kariżma proprja ta’ kull Istitut, tagħarfu tgħinu l-bini tal-Knisja lokali permezz tal-ħidma ta’ appostolat tagħkom ilkoll.  Nħeġġiġkom biex tkabbru mill-iktar li tistgħu l-ħidma flimkien biex kull Knisja lokali tista’ tkun tassew magħquda madwar l-Isqof tagħha fid-diversità għanja tal-ħajja u ħidmiet tagħha u tkun – skond il-motto magħżul għal din iż-żjara – qalb waħda mal-Papa!

Nixtieq ngħid ukoll kelma partikolari lil dawk imsejħa għall-ħajja kontemplattiva.  It-talb u s-sagrifiċċju kostanti tagħkom huma l-qalb mimlija mħabba tal-Knisja.  Dik il-qalb qed tħabbat il-ħin kollu u bla ma tidher għall-fidwa tal-midinbin, għall-qdusija tal-ġusti, u għat-tixrid tal-Evanġelju.  Waqt li tibqgħu fit-toroq ta’ Alla, li mhux dejjem huma toroq ta’ kif naħsbu aħna l-bnedmin, id-distakk tagħkom mill-ħwejjeġ ta’ din id-dinja jżid u mhux inaqqas l-influenza tagħkom fuqhom u jsir għajn tfawwar ta’ barka għall-familja kollha tal-bnedmin.  Permezz tal-frott ta’ din il-ħidma appostolika li ma tidhirx u li l-konsagrazzjoni tagħkom iġġib lill-Ġisem Mistiku ta’ Kristu (ara Perfectae Caritatis,7), il-ħajja fis-skiet u klawstrali tagħkom għandha effett qawwi fuq “il-belt ta’ din l-art” li jeħtieġ ikollha s-sisien tagħha “fil-Mulej” biex dawk li jaħdmu għall-bini tagħha ma jaħdmux għal xejn (Lumen Gentium, 46).  J’Alla l-Mulej jagħti lill-Knisja f’Malta ħafna iżjed vokazzjonijiet għall-ħajja kontemplattiva, u j’Alla jżomm lil kull waħda minnkom fis-sliem u l-ferħ tiegħu.

  1. Lil kull Saċerdot, Soru u lill-Aħwa kollha preżenti hawnhekk illum u lill-membri tal-kleru u tal-ħajja reliġjuża f’Malta nixtieq inwassal il-gratitudni tal-Knisja għall-qadi tagħkom tal-Evanġelju.  Bħal San Pawl li tant żmien ilu ġab hawnhekk il-fidi nisranija, jien “nitlob dejjem għalikom li Alla tagħna jagħmilkom denji tas-sejħa tiegħu, u jagħmel li bil-qawwa tiegħu sseħħ kull rieda tajba tagħkom għall-ġid u kull ħidma tal-fidi tagħkom.  U hekk permezz tagħkom, ikun imsebbaħ l-isem ta’ Ġesù, li hu jsebbaħ lilkom” (2 Tess 1:11-12).  Lilkom ilkoll nagħtikom minn qalbi l-Barka Appostolika tiegħi.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.