Il-Papa fl-Ewwel Udjenza wara li telaq minn Malta. 1990

Diskors tal-Papa dwar Żjara f’Malta,

waqt l-Udjenza ta’ nhar ta’ Erbgħa fil-Vatikan.

30 ta’ Mejju 1990

Fil-jiem li għaddew, jien għamilt – kif inthom tafu – żjara pastorali f’Malta, il gżira li tinsab f’nofs il-Mediterran. L-istorja reliġjuża u spiritwali tagħha hija marbuta mill-qrib mal-figura ta’ l-Appostlu tal-Ġnus, San Pawl.

Il-ġrajja li wasslet lill-kbir appostlu fuq ix-xtut tal-gżira hija magħrufa. Mdaħħal il-ħabs f’Ċesarea ħtija tat-tixwix fost in-nies ta’ pajjiżu, huwa, bis-saħħa tad-dritt mogħti lilu bħala ċittadin ruman, appella għall-ġudizzju ta’ l-Imperatur ta’ Ruma. Għaldaqstant huwa twassal bi skorta sal-belt kapitali ta’ l-Imperu.

L-Attti ta’ l-Appostli jiddeskrivu fil-wisa’ l-vjaġġ avventuruż tal-priġunier ta’ Ċesri. B’mod partikolari huma jirrappurtaw b’mod ħaj il-fażijiet drammatiċi tat-tempesta li ħasdet lill-ġifen li fuqu kien qiegħed jivvjaġġa Pawlu u ħaditu jitkisser max-xtut tal-gżira ta’ Malta, fejn il-baħrin u l-passsiġġieri setgħu jsibu kenn.

Nisimgħu r-rakkont ta’ l-ewwel kuntatt mal-poplu tal-gżira fi liem Luqa stess, l-awtur ta’ l-Atti: “Kif ħelisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi hlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard. Meta Pawlu qabad qabda zkuk niexfa u tafagħhom fin-nar. Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li, malli ħasset is-sħana, ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu. In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu, bdew igħidu wieħed lill-ieħor: “Dan ir-raġel żgur xi qattiel, għax għad li ħelisha mill-baħar, il-Ġustizzja ma ħallithux igħix!” Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn. Huma stennew li se jarawh jintefaħ jew jaqa’ u jmut f’daqqa. Wara li damu jistennew ħafna u raw li ma ġralu ebda deni, biddlu l-ħsieb u bdew igħidu li kien xi alla.

F’dawk l-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publju. Dan laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publju nzerta mixħut, marid bid-deni u d-disenterija. Pawlu daħal ħdejh, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejjqu. Wara dan imbagħad bdew ukoll jerqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Tawna wkoll minn kull xorta ta’ ġid, meta ġejna biex nilitqu, għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu” (Atti 28: 1-10).

B’dan il-mod, malta daħlet fil-ktieb ta’ L-Atti u rabtet l-istorja tagħha ma’ isem Pawlu. Dan, minkejja li wasal fil-gżira bħala priġunier, seta’ jifrex fost in-nies tal-post iż-żerriegħa evanġelika u b’hekk ta bidu għall-Knisja fosthom.

Dak li fil-ktieb stess ta’ l-Atti huwa kkwalifikat bħala “l-ewlieni tal-gżira”, Publiju huwa mequm bħala l-ewwel Isqof tal-Knisja f’Malta. Bidu illustri mela għal azzjoni evanġelizzatriċi li l-frott pożittiv tagħha stajt jiena stess narah waqt iż-żjara li għamilt dan l-aħħar.

Mumenti prominenti taż-żjara kienu dawk tal-Quddiesa f’Għawdex li saret ħdejn is-Santwarju Marjan ta’ Ta’ Pinu s-Sibt fil-għodu, u li fiha kellimt lin-nies preżenti dwar il-familja u mbagħad dik tal-Furjana f’Malta l-Ħadd wara nofsinhar meta, mdawwar minn folla enormi, iċċelebrajt is-solennita’ tal-Festa ta’ Lapsi filwaqt li kellimt lill-fidili fuq l-għaqda, valur uman u Krisjan fundamentali.

Waqtiet oħra importatni kienu l-laqgħa mal-kleru u mar-reliġjuzi fil-Kon Katidral tal-Belt Valletta u dik li saret fis-Santwarju tal-Mellieħa mal-qraba tal-mijiet ta’ missjunarji Maltin li huma mferrxa mad-dinja. Tlabt mal-Maltin qrib il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, u kelli laqgħa ekumenika fil-Katidral l-antik ta’ L-Imdina li fiha ħadu sehem rappreżentanti tal-komunitajiet Musulmana, Lhudija u Hindu.

Ta’ tifsira kbria kienet ukoll il-laqgħa mal-ħaddiema fil-Kottonera; magġhom ittrattajt il-ħtieġa ta’ solidarjeta’ ġdida għall-ġejjieni tad-dinja. Ma naqsitx ukoll laqgħa mad-dinja tal kultura li tanti l-opportunita’ li nfakkar lill-intellettwali fir-responsabbiltajiet li għandhom.

Mimlija ħeġġa u entużjażmu kienet il-laqgħa maż-żgħażagħ li għamluli l-mistoqsijiet tagħhom bl-akbar spontanjeta’; lilhom tajt dawk it-tweġibiet li għanhom validi skond kif joħorġu mill-kelma ta’ Kristu.

Il-kuntatt dirett mal-poplu Malti ppermettili nintebaħ bil-kobor u n-nobbilta’ ta dawk in-nies li fl-istorja multisekolari tagħhom setgħu jassimilaw il-valuri ta’ ċiviltajiet differenti; minn dik tal-Feniċi għal dik Rumana, minn dik Biżantina għal dik Għarbija. Fl-1530 xeħtu l-bażi tagħhom f’Malta l-kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, li sebbħu u saħħu din il gżira b’mod li għamlu minnha sur kontra kull ħbit u attakk minn barra. Hu magħruf li dan l-Ordni baqa’ fil-gżira sa tmiem is-seklu XVIII, u li warajh Malta kellha l-influwenza ta’ dominazzjonijiet oħra sakemm fl-1964 kisbet l-Indipendenza tagħha.

Bħala xhieda ta’ tant ġrajjiet baqgħu l-bini maestuż u t-tempju mill-isbaħ li jagħtu nota ta’ kobor lill-panorama pittoresk tal-gżira. Il-popolazzjoni llum tgħodd madwar 350,000 abitant li fil-parti l-kbira tagħhom huma kattoliċi. Ir-riżorsi limitati tal-pajjiż ġiegħlu lil għadd kbir ta’ Maltin jemigraw, b’mod li ċ-ċittadini Maltin li jgħixu barra jaqbżu l-għadd ta’ dawk li jgħixu f’pajjiżhom. Fihom ilkoll, b’danakollu, għadu ħaj is-sens ta’ identita’ etnika, kulturali u reliġjuża komuni, li bl-ebda mod ma ċċajpret mill-ġrajjiet storiċi mqallba li seħħu.

Ngħożż f’qalbi it-tifkira tal-merħba kordjali li ngħatajt, u nġedded anki f’din iċ-ċirkusantza l-espressjoni tal-gratitudni tiegħi lill-Arċisqof ta’ Malta, lill-Isqof ta’ Għawdex u lill-awtoritajiet ekkleżjastiċi, lill-President u ‘l-Awtorjitajiet kollha tar-Repubblika għall-istedina li għamluli u għall-impenn li wrew fit-tħejjija xierqa taż-żjara.

Minkejja ċ-ċokon tagħha, Malta hija pajjiż b’importanza internazzjonali kbira. Il-qagħda ġeografika tagħha iffavoriet il-laqgħa ta’ kulturi u idjomi differnti. Illum ukoll Malta għadha tħaddan din il-vokazzjoni ta’ medjazzjoni fost il-ġnus tal-baħar mediterran kollu. Nittama li hija tagħraf tissokta f’din il-missjoni naturali tagħha, mingħajr ma tirrinunzja għall-patrimonju prezzjuż ta’ valuri li kisbet mill-ġenerazzjonijiet li għaddew.

Filwaqt li kont qed nerġa’ lura lejn Ruma, bqajt inħoss profondament l-impressjonijiet li ħadt waqt iż-żjara; fuq ix-xtut ta’ dik il-gżira kien niżel San Pawl; hemmhekk kien inkiteb kapitlu importanti ta’ l-istorja tal-knisja, li f’Jum l-Għid il-Ħamsin wriet ruħha lid-dinja kollha bħala l-Poplu ta’ Alla, mwieled mis-Salib u mill-Qawmien mill-Imwiet ta’ kristu, u li qiegħed jimxi t-triqat ta’ din l-art fil-qawwa ta’ l-Ispirtu.

Illum ukoll, wara elfejn sena, nistgħu nisimgħu l-kliem li sema’ Pawlu, priġunier għall-Evanġelju: “Agħmel il-qalb! Kif tajt xhieda għalija f’Ġerusalemm, hekk ukoll jeħtieġ li tagħti xhieda f’Ruma.” (Atti 23:11)

Aħna lkoll għadna nilqgħu din l-istedina għall-kuraġġ, l-ewwel fost kulħadd dak li għandu r-responsabbilta’ tal-Knisja ta’ Ruma. Iva, ħuti l-aktar għeżież, dan igħodd għalija wkoll, imma jgħodd ukoll għal kull wieħed u waħda minnkom fil-kontinwazzjoni ta’ dik il-fidi li għaliha l-Appostlu Pawlu xerred demmu proprju hawn f’Ruma.