Mill-ikel materjali l-Mulej jagħtina ikel spiritwali


Is-Sibt, 1 ta’ Awwissu 2020: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-festa ta’ San Pietru fil-ktajjen u l-konsagrazzjoni tal-artal il-ġdid, fil-Knisja Parrokkjali tal-Ktajjen ta’ San Pietru, Birżebbuġa.

Capture.PNGa

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16:18). Santu Wistin jgħid li l-blata hija l-fidi li jistqarr Pietru. Hija l-fidi li llum ġabritna hawn u nikkonsagraw dan il-blat antik u sabiħ li aħna nsejħulu rħam, biex isir l-artal li fuqu noffru s-sagrifiċċju.

Fil-bidu, il-Knisja fakkritna li aħna wkoll imsejħin inkunu artal li fuqu jsir it-talb u s-sagrifiċċju lil Alla. Għaliex dan li se nbierku llum u li se niddedikawh lil Alla, huwa frott in-natura, il-ħolqien u xogħol il-bniedem, bħalma huwa wkoll frott tal-art u xogħol il-bniedem dak li se noffru minn fuqu. Hekk ngħidu fuq il-ħobż u hekk ngħidu fuq l-inbid: frott tal-art u xogħol il-bniedem, frott id-dielja u xogħol il-bniedem.

Fuq l-artal li qed nammiraw hemm frott tal-art imma hemm ukoll xogħol il-bniedem. Idealment fih tinġabar dak kollu li tista’ tagħtina d-dinja u l-ġenju tal-umanità, li hija msejħa biex tħares il-ħolqien u mhux tkissru jew tfarrku. Aħna ħadna l-blat, l-irħam, li huwa blat prezzjuż u biddilnieh f’mejda li fuqu l-Mulej jibdel il-ħobż tal-art, l-inbid tad-dielja u xogħol il-bniedem, fil-ġisem u d-demm ta’ Ġesù. L-artal qed jirrappreżenta wkoll lil Ġesù nnifsu u għalhekk, meta s-saċerdot ibus l-artal, ibusu u anke jinċensah għaliex l-artal huwa wkoll sinjal tal-preżenza ta’ Ġesù fostna.

… id-dedikazzjoni ta’ dan l-artal hawnhekk f’Birżebbuġa mhijiex talba għal din il-parroċċa biss imma talba għall-gżejjer tagħna.

X’inhu s-sinifikat ta’ dak li qegħdin nagħmlu f’dan iż-żmien partikolari? Nistgħu ngħidu li l-pandemija — li ma stidinnihiex aħna, anzi iżjed ma titlaq malajr iżjed inkunu kuntenti —ċaħħditna mill-Ewkaristija. Għal żmien twil ma stajniex niċċelebraw quddies fil-komunità u għadna niltaqgħu bir-restrizzjonijiet imposti mis-sens komun u mill-awtoritajiet tas-saħħa li jixtiqulna l-ġid. Dak li nagħmlu qed nagħmluh ukoll b’sinjal ta’ għożża lil xulxin u b’ rispett reċiproku.

Imma l-konsagrazzjoni ta’ dan l-artal titla’ bħala talba biex aħna nerġgħu nirritornaw lejn il-mejda fejn il-Mulej jibdel il-frott tal-art u x-xogħol tal-bniedem fil-ġisem u d-demm ta’ Ibnu. Mill-ikel materjali l-Mulej jagħtina ikel spiritwali. Din hija t-talba tagħna; id-dedikazzjoni ta’ dan l-artal hawnhekk f’Birżebbuġa mhijiex talba għal din il-parroċċa biss imma talba għall-gżejjer tagħna.

Ħafna min-nies vulnerabbli ilhom ix-xhur imċaħħdin mill-Ewkaristija jew mill-fatt li jistgħu jkunu magħna għall-quddies. Nixtieq insellmilhom speċjament lil dawk li qegħdin isegwuna permezz tax-xandira fuq Xejk TV u anke fuq il-media soċjal. Dan l-artal irid ikun risposta ta’ tama għaliex il-Mulej jibqa’ jistedinna għall-ikla tiegħu.

Darba, waqt li konna qed niddiskutu r-restrizzjonijiet, kien hemm xi ħadd qalli jekk nistax ngħid lin-nies biex jiġu għall-quddies iżda ma jsirx tqarbin. Jien weġibtu li jekk tmur ġo restorant ma tiekolx? Tħallas biss? Jew tmur ġo restorant biex tara biss il-menu? Aħna niġu l-knisja biex nitrejqu mill-Kelma ta’ Alla, u proprju għalhekk berikna l-ambone, li hija l-mejda tal-Kelma u l-mejda tal-Ewkaristija.

Tgħiduli: “Imma aħna m’aħniex denji biex nieklu minn fuq dan l-artal”. Jieni nsaqsi: min hu den? Ħadd mhu den ta’ rigal hekk kbir. Il-ħniena ta’ Alla tagħmilna denji. Ftakru fil-ħarsa ħanina li tefa’ l-Mulej Ġesù fuq Xmun bin Ġona (Pietru) nhar Ħamis ix-Xirka, dak li kien sejjaħlu l-blata. Ħares lejh u Pietru nduna li f’dik il-ħarsa ta’ ħniena hemm il-maħfra, hemm it-tama tiegħu. “‘Tħobbni?’ u qallu: ‘Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok’. Qallu Ġesù: ‘Irgħa n-nagħaġ tiegħi’” (Ġw 21:15).

Pietru u s-suċċessuri tiegħu — l-isqfijiet u s-saċerdoti — jitimgħu lill-poplu minn fuq l-artal. Jalla l-Ewkaristija li nirċievu tgħinna fil-pellegrinaġġ tagħna. Fuq dan l-artal se npoġġu wkoll relikwi ta’ qaddisin għaliex l-artal huwa wkoll stedina biex nieħdu sehem fix-xirka tal-qaddisin meta l-Mulej stess jgħaddi u jservina, jgħaddi u jitmana. “Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf”.

Ejjew nixxenqu għall-ġenna waqt li aħna nikkkonsagraw dan l-artal. L-Ewkaristija ngħidulha panis angelicus bħalma kien isejħilha San Tumas D’Akwinu. Ejjew nixxenqu għall-ikel li għalkemm huwa tal-anġli imma huwa mogħti lill-bnedmin, mogħti lilna li aħna fqar u aħna nirċevuha minn fuq dan l-artal. Ejjew ukoll nirringrazjaw lil tant benefatturi. Irrid nemmen li din is-sede, dak l-ambone u anke dan l-artal, huma frott ta’ tant għotjiet żgħar u kbar tal-komunità kollha. Nitolbu għal kull min ħa sehem mhux biss fl-arti u fid-disinn imma anke l-keded, qed niftakar fil-kappillan, biex isir dan il-proġett u npoġġu dan kollu fuq l-artal tal-Mulej biex il-Mulej ikun hu li jibdel l-ġenerożità, il-ħidma u kull sforz tagħkom f’barka u saħħa.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 12, 1-11
Salm: 33
Qari II: 1 Ġw, 5: 1-4
Evanġelju: Mt 16, 13-20