Laqgħa mal-Ħaddiema fil-Kottonera
26 ta’ Mejju 1990
Maħbubin Uliedi,
- Kuntent li qiegħed fostkom.
Niżżi ħajr ‘l Alla għal dan iċ-ċans li nkun magħkom. Din il-laqgħa mal-ħaddiema ta’ Malta hija waħda mill-waqtiet ewlenin taż-Żjara Pastorali tiegħi, u jien nistennieh b’ħerqa bħala waqt ta’ djalogu tal-ħbieb, magħkom, l-irġiel u n-nisa li x-xogħol ta’ kuljum tagħhom huwa l-istess demm li jagħti l-ħajja lis-soċjetà Maltija. Xtaqt li kieku nsellmilkom wieħed wieħed. Nitlobkom tieħdu l-kliem ta’ mħabba u inkoraġġiment tal-Papa lill-maħbubin tagħkom, l-aktar lit-tfal u lill-ħaddiema sħabkom li ma setgħux ikunu preżenti.
Nsellmilkom ilkoll: dawk li jaħdmu fil-biedja, fl-industrija – inklużi dawk il-ħafna li jaħdmu fit-tarznari qrib -, fl-uffiċċji u fl-industrija tat-turiżmu. Jiena nsellem lir-rappreżentanti tad-diversi trejdunjons u organiżżazzjonijiet tal-ħaddiema, u wkoll lill-uffiċjali pubbliċi u lill-membri tal-komunità tan-negozju.
Lilkom ilkoll intenni l-istima kbira tal-Knisja għad-dinja tax-xogħol. Ix-xogħol hu parti fundamentali mill-ħajja tagħha hawn fid-dinja. Spiss jinvolvi għeja tqila u saħansitra tbatija, imma jista’ jkun ukoll forġa ta’ karattru qawwi u ta’ personalità vigoruża, il-mezz li bih aħna nibnu d-dinja skont il-valuri li fihom nemmnu. Għan-Nisrani, x-xogħol hu l-mod kif aħna nieħdu sehem attiv u responsabbli fix-xogħol tal-għaġeb tal-Ħallieq li jdawwarna minn kullimkien u jimliena kollna kemm aħna.
- Iżda għaliex il-Papa għandu jitkellem dwar ix-xogħol? Forsi xi wħud jistgħu jaħsbu li m’għandux dritt jagħmel dan; huma jaħsbu li x-xogħol għandu x’jaqsam ftit jew xejn mar-reliġjon. Jien nista’ nwieġeb billi ngħid li l-esperjenza tiegħi personali tax-xogħol kienet waħda mill-aktar perjodi interessanti u formattivi tal-ħajja tiegħi. Jiena esprimejt l-għana ta’ dik l-esperjenza f’xi wħud mill-kitbiet tiegħi. Illum ġejt għandkom, il-ħaddiema ta’ Malta, bħala ħabib li jaqsam l-ansjetajiet u t-tamiet ta’ rġiel u nisa li – fi kliem il-ktieb tal-Ġenesi – jaqilgħu ħobżhom bl-għaraq ta’ ġbinhom (araĠen 3:19). Ġejt ukoll bħala l-Isqof ta’ Ruma, is-Suċċessur ta’ Pietru, u għalhekk bħala l-ħabbar ta’ wieħed li kien magħruf bħala mastrudaxxa u iben mastrudaxxa (ara Mt 13:55; Mk 6:3)
Iva, d-dinja tax-xogħol mhix għariba għall-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Il-Mulej fehem perfettament ir-realtà tax-xogħol tal-bniedem. Kliemu kienu mimlija b’riferenzi għall-ħaddiema u għall-ħidmiet diversi tagħhom: il-bidwi li jiżra’ ż-żerriegħa u l-ħaddiem li jaħsad l-għelejjel, dak li jtella’ d-dwieli u r-ragħaj, dal li jsewwi x-xbiek ħdejn il-baħar, il-bennej u l-qaddej, in-negozjant u l-mara tad-dar, is-suldat u l-Uffiċjal tal-Istat. Kollha kemm huma kellhom post fl-interessi u t-tagħlim ta’ Ġesù. U l-Appostli li għażel biex ikomplu l-missjoni tiegħu ta’ redenzjoni kienu ħaddiema u sajjieda.
- F’kull żmien il-Knisja tkompli tippreżenta t-tagħlim ta’ Ġesù dwar ix-xogħol, u l- aktar illum meta r-relazzjonnijiet ekonomiċi u l-proċessi tal-produzzjoni huma kumplessi u dejjem aktar impersonali, u jheddu li jdawwru lill-bniedem kontra tiegħu innifsu. Il-Knisja xxandar Duttrina Soċjali għaliex il-kwistjonijiet kbar li jaffettwaw lis-soċjetà, u mhux l-inqas il-kwistjoni tax-xogħol, għandhom impatt qawwi fuq ħajjiet in-nies u ma jistgħux jiġu mifruda mir-responsabbiltajiet morali u etiċi ta’ dawk kollha involuti.
Sfortunatament hija esprejenza fid-dinja kollha li l-istorja tar-relazzjonijiet tax-xogħol, l-aktar fl-aħħar żewġ sekli, spiss żviluppaw fi ġlieda soċjali bejn il-ħaddiema u s-sidien. Hu biss b’diffikultà kbira li l-ideal tal-ġustizzja mexa ‘l quddiem. Illum, bil-ftuħ ta’ tant fruntieri li qabel kienu magħluqin u bid-determinazzjoni tal-popli li jgħixu meħlusin mill-oppressjoni ideoloġika, qed isir aktar ċar li, għalkemm it-tfittxija tal-ġustizzja tista’ tiġi opposta u mdewwma, ma tistax tiġi mgħaffġa. Hija l-ispirazzjoni fundamentali tal-ispirtu tal-bniedem. Sistemi mibnija fuq gidbiet dwar in-natura spiritwali tal-bniedem u tar-relazzjonijiet umani ma jistgħux ikunu dejjiema. Id-dinjità tal-persuna umana hija l-unika bażi soda ta’ sistema soċjali li hi kapaċi tagħti d-direzzjoni t-tajba lir-relazzjonijiet umani u trawwem ftehim mutwu, djalogu u kooperazzjoni. Fid-dinja li qed issir dejjem interdipendenti ma jistax ikun hemm triq oħra ‘l quddiem. F’Malta wkoll dan jeħtieġ li jsir.
- Anki jekk hemm ħafna kwalitajiet ta’ xogħol, f’ċertu sens kull xogħol jaqsam mill-istess natura. L-għan tiegħu hu li jittrasforma u jorganiżża r-realtà b’mod utli u produttiv. Ix-xogħol hu t-twettiq tal-amar tal-bidu ta’ Alla mniżżel fl-ewwel paġni tal-Bibbja: “Imlew l-art u aħkmuha” (Ġen 1:28). Kemm jekk bi sforz fiżiku, intellettwali jew spiritwali, “kull individwu …. Jieħu sehem fil-proċess ġganti li bih il-bniedem ‘jaħkem l-art b’xogħlu’” (Laborem Exercens, 4).
Dan hu l-bidu ta’ dak li jien insejjaħ “L-Evanġelju tax-xogħol” li l-Knisja tixtieq tgħaddi lid-dinja tallum. Kulmin jisma’ dan “l-Evanġelju” u jgħixu ma jistax iħares aktar lejn ix-xogħol bħala oġgett sempliċi li jinbiegħ u jinxtara għall-paga. F’ħarsa usa’ u aktar nobbli, ix-xogħol għandu jidher bħala triq għall-iżvilupp ta’ dak li jkun u bħala mezz normali biex in-nies toħloq kondizzjonijiet li jippermettu għanja kulturali, soċjali u reliġjuża (ara Gadium et Spes, 67). Għaliex in-natura u l-organiżzazzjoni tax-xogħol taffettwa n-nies b’mod sħih, id-Duttrina Soċjali Kattolika tinsisti li l-persuna umana hija ċ-ċentru u n-norma tal-proċessi kollha ekonomiċi. Hu għalhekk li t-Tieni Konċilju Vatikan għamel dan l-appell ħerqan: “Il-proċess kollu tax-xogħol produttiv għandu jkun addattat għall-ħtiġijiet tal-persuna u għall-istat tal-ħajja li tgħix, u l-ewwelnett għall-ħajja tal-familja tiegħu” (ibid.). Tenħtieġ bidla fil-prijoritajiet tal-ordni ekonomiku mondjali jekk ir-realtà ġdida tax-xogħol trid tassew taqdi lin-nies u mhux tgħakkishom f’għamliet ġodda ta’ skjavitù. Dan jidher b’mod speċjali fil-kondizzjonijiet tal-ħaddiem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tan-naħa t’isfel u wkoll fil-pajjiżi industrijaliżżati fin-naħa ta’ Fuq. Is-soċjetà Maltija hija wkoll imsejjħa biex taħdem għal dawn il-bidliet li huma meħtieġa biex jiġi promoss żvilupp li jħaddan is-setturi kollha (ara Sollecitudo Rei Socialis, 21).
- “L-Evanġelju tax-Xogħol” iżomm li x-xogħol onest, magħmul kif għandu jkun, għandu dinjità li titwieled miegħu u jagħti dinjità lil dawk li jagħmluh. Hu għalhekk li l-qagħad hu daqshekk qerriedi. Hu jħalli l-vittmi tiegħu mingħajr l-għajnuna ekonomika meħtieġa, u, aktar minn hekk, iċaħħadhom kemm psikoloġikament u kemm soċjalment. Għaldaqstant inħeġġiġkom li ma tabbandunawx lil dawk qiegħda, u l-aktar liż-żgħażagħ li qed ifittxu jaqilgħu l-għixien. Il-qiegħda u l-familji tagħhom għandhom dritt għas-solidarjetà effettiva tal-Istat, tal-interessi tan-negozju u tal-organiżżazzjonijet tal-ħaddiema nfushom.
Il-ħaddiema huma s-suġġett tad-drittijiet u dmirijiet. Nies li jaħdmu, l-aktar ħaddiema dipendenti, għandhom dritt li jiġu trattati ta’ li huma: rġiel u nisa ħielsa u responsabbli msejjħin biex ikollhom sehem fid-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ ħajjiethom. Soċjetà li tfittex il-ġid veru tal-membri tagħha taħseb biex ikun hemm għajnuniet proprji għall-familja. Hi tara li jkun possibbli li l-ommijiet ikunu jistgħu jagħtu l-attenzjoni primarja tagħhom lil uliedhom u lil djarhom, u , fejn meħtieġ, tipprovdi għall-ħtiġijiet speċjali ta’ ommijiet li jaħdmu. U klassijiet partikolari ta’ ħaddiema jeħtieġu l-attenzjoni u l-ħarsien speċjali tas-soċjetà. Il-bdiewa, biex inġib eżempju, spiss iħossu li l-kontribuzzjoni tagħhom lis-soċjetà mhix apprezzata biżzejjed. Hekk “L-Evanġelju tax-xogħol” ixandar li s-sistemi ekonomiċi, soċjali u politiċi għandhom ikunu sensittivi għall-ġid sħiħ tal-individwi u tal-ħtiġijiet tal-familji tagħhom.
Iżda l-ħaddiema u l-organiżzazzjonijiet tagħhom għandhom ukoll dmirijiet lejn il-ġid komuni. L-ewwel wieħed minn dawn id-dmirijiet hu li x-xogħol isir kif għandu jkun, u jingħata kontribut effettiv għall-ġid ta’ soċjetà aħjar . Dan hu wkoll parti mill-“Evanġelju tax-Xogħol” imħabbar elfejn sena ilu fil-ħajja u fil-ħidma ta’ Ġesù ta’ Nażaret, l-Iben inkarnat ta’ Alla. Il-valur li Ġesù ta lix-xogħol tul is-snin twal tal-ħajja moħbija tiegħu ma kienx mitluf għall-Insara tal-bidu. San Pawl ftaħar li hu kien jaħdem lejl u nhar biex ma jkunx ta’ piż fuq l-oħrajn (ara Tess 3:8), u ġabar l-ispiritwalità tax-xogħol f’dawn il-kelmiet: “Kull ma tagħmlu, għamluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin; għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja b’wirt għalikom il-Mulej” (Kol 3:23-24).
Dan il-kliem hu stedina għal integrità u kompetenza minn kulħadd, ħaddiema u sidien, nies imdaħħla f’kull livell ta’ attività ekonomika u produttiva. Fl-istess ħin l-Appostlu qed isejjħilna biex inwessgħu x-xefaq tal-ħidma tal-bniedem ħalli jinkludi l-pjan ta’ Alla għad-dinja u għas-salvazzjoni ta’ dejjem tagħna. Id-dinja tax-xogħol m’għandniex inħarsu lejha bħala parti mir-realtà li b’xi mod hi opposta għall-fidi u r-reliġjon, qisha f’konflitt ma’ Alla u l-Knisja tiegħu. Ix-xogħol jista’ jkun għajn ta’ sodisfazzjon u żvilupp u wkoll ta’ tkabbir kulturali u spiritwali jekk is-soċjetà tqisu bħala kooperazzjoni fl-għan ħallieq ta’ Alla u tirrispetta d-dinjità unika u l-aspirazzjonnijiet għola ta’ kull persuna, inklużi d-drittijiet tal-kuxjenza, bħala għotjiet inaljenabbli tal-Ħallieq (ara Gaudium et Spes, 35).
Il-virtù li tispikka fir-raġel u l-mara tax-xogħol Maltin għandha tkun is-solidarjetà; impenn għall-ġid komuni; ċaħda tal-egoiżmu u l-irresponsabbiltà. Aħna għandna nkunu respponsabbli lejn u għal xulxin. Dak li hu meħtieġ huma atti konkreti ta’ solidarjetà: bejn sidien u impjegati, bejn irġiel u nisa tax-xogħol bejniethom stess b’sensittività speċjali għall-fqar u għal dawk li m’għandhomx min jiddefendihom. F’dan kollu, l-unjons tal-ħaddiema għandhom parti speċifika x’jagħmlu. Hu x-xogħol tagħhom li jiddefendu d-drittijiet tal-imseħbin tagħhom bil-mezzi leġittimi li għandhom f’idejhom waqt li jżommu f’moħħhom id-dirittijiet ta’ kategoriji oħra ta’ ħaddiema, il-qagħda ekonomika ġenerali tal-pajjiż u, fil-qosor, il-ġid komuni. Fis-sitwazzjoni preżenti tal-progress teknoloġiku u tal-iżvilupp soċjali huma qed jiġu sfidati biex ikollhom veduta usa’ tal-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet soċjali tagħhom. Ix-xogħol kbir tagħhom hu li jarmoniżżaw it-tiftix għall-progress materjali mal-mixja kulturali u spiritwali tas-soċjetà. Fi kliem ieħor mewġa kbira ta’ solidarjetà soċjali, mhux il-konflitt, hija t-tweġiba propja għall-problemi tallum li huma dejjem aktar marbutin flimkien u kull waħda tiddependi mill-oħra.
- Imma s-solidarjetà, id-djalogu u l-kooperazzjoni għandhom jinbnew fuq sisien sodi. Dawn il-valuri jitolbu “li wieħed ikun lest”, fis-sens Evanġeliku, li ‘jitlef lilu nnifsu’ għall-ieħor flok jesplojtjah, u li ‘jaqdih’ flok li jgħakksu għall-vantaġġ tiegħu innifsu” (Sollecitudo Rei Socialis, 38). Għalhekk il-qofol tal-“Evanġelju tax-Xogħol’ hu wkoll il-qalba tal-messaġġ Nisrani nnifsu. Ġesù Kristu jiġbor it-tagħlim tiegħu f’dawn il-kliem li tant nafu: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbħu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 22:37). Għalhekk l-ewwel direzzjoni tax-xogħol hija vertikali, lejn Alla: ix-xogħol stess tiegħek hu ftuh ftit ftit tal-ħsieb tal-Ħallieq u kontribut biex il-pjan divin jitwettaq fl-istorja (araGaudium et Spes, 34). It-tieni direzzjoni tax-xogħol hija oriżżontali: hija mod effettiv li bih titqiegħed fil-prattika l-imħabba ta’ għajrna. Ix-xogħol tiegħek hu forma mill-aqwa ta’ servizz lill-oħrajn inkwantu jġib benefiċċji ta’ kull xorta lis-soċjetà.
Għalhekk il-biċċa xogħol li l-Papa se jagħti f’idejn il-ħaddiema ta’ Malta hi li jintegraw id-dinja tax-xogħol mad-dinja tal-fidi Katotlika, murija fil-quddiesa ta’ nhar ta’ Hadd, u s-sens ta’ impenn, onestà, gustizzja u fraternità murija fil-post tax-xogħol matul il-ġimgħa.
Għeżież ħbieb, hu f’dan l-ispirtu tal-“Evanġelju tax-Xogħol”, li tħabbar minn Ġesù Kristu elfejn sena ilu u jkompli jitħabbar fi żmienna, li jien nistedinkom:
Għidu Le lill-inġustizzja f’kull livell tas-soċjetà!
Għidu Le għall-egoiżmu individwali u tal-klassi li jfittex l-interessi tiegħu bla ma jqis il-ġid komuni tas-soċjetà kollha!
Għidu Le lill-materjaliżmu li jmewwet il-kuxjenza u d-dimensjoni spiritwali tal-ħajja!
Għidlu Iva lil solidarjetà ġdida bejn il-forzi kollha tax-xogħol u bejn il-ħaddiema u sidien, bejn id-dinja tax-xogħol u l-poplu kollu ta’ Malta!
Għidu Iva għall-iżvilupp sħiħ materjali u spiritwali ta’ kull min jgħix f’dawn il-gżejjer, bi provvediment speċjali għall-ifqar u għal dawk l-aktar fil-bżonn!
Għidu Iva għall-pjan tal-ħolqien ta’ Alla u għall-Verità tiegħu miktuba fin-natura ta’ kull ħaġa u fil-fond ta’ qalb il-bniedem!
Il-mastrudaxxa ta’ Nażaret u l-ħaddiema ta’ Malta għandhom ikunu ta’ moħħ wieħed u qalb waħda. Ftakru fil-kliem tal-qari mill-Iskrittura li smajna fil-bidu tal-laqgħa tagħna: “Kull ma’ tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù (Kol 3:17). F’għaqda ma’ Kristu, ix-xogħol tagħkom u l-isforzi tagħkom biex tibdlu d-dinja jakkwistaw il-forma ta’ sagrifiċċju li jkun jogħġob ‘l Alla. Billi toffru “dak li l-art tat u l-idejn tal-bniedem sawwru” intom tħejju t-triq għas-saltna ta’ Alla. Dik hi t-tifsira l-aktar profonda tax-xogħol tagħkom.
Għeżież ħuti, jalla s-saltna ta’ Kristu ta’ verità u ħajja, ta’ qdusija u grazzja, ta’ ġustizzja, mħabba u paċi, tieħu pussess ta’ qlubkom għall-progress u l-prosperità veri ta’ Malta. Alla jberikkom ilkoll.