Ġwanni Pawlu II dwar il-problemi relatati max-xjuħija tal-popolazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

Messaġġ tal-Papa Ġwanni Pawlu II lil-laqgħa internazzjonali msejħa dwar il-problemi relatati max-xjuħija tal-popolazzjoni.

22 ta’ Lulju 1982.

Aktar minn darba, is-Santa Sede uriet interess kbir u laqgħet b’tama sħiħa l-inizjattiva tal-Ġnus Magħquda għal-laqgħa internazzjonali fuq il-problemi tax-xjuħija tal-popolazzjoni u fuq il-konsegwenzi ta’ dan għal kull persuna u għas-soċjetà kollha kemm hi. Meta dan il-ħsieb beda jseħħ, f’kullimkien bdew jintebħu b’dan il-fenomenu demografiku ta’ żmienna u jgħarbluh sewwa; dan wassal kull pajjiż u s-soċjetà internazzjonali kollha kemm hi biex tibda tistaqsi lilha nfisha x’inhu d-destin, x’hinuma l-ħtiġijiet, x’hinuma d-drittijiet, x’inhuma l-kapaċitajiet speċifiċi tax-xjuħ, li l-għadd tagħhom dejjem iżjed qiegħed jikber.  Mhux biss kull persuna, imma l-istess organizzazzjoni tas-soċjetà għandu jkollha fi ħsiebha dan il-qasam tal-popolazzjoni tagħha.

Jekk nistudjaw sewwa x-xogħol ta’ tħejjija li sar għal din il-laqgħa internazzjonali u l-pjan ta’ ħidma li bħalissa qiegħed jiġi eżaminat mill-pajjiżi kollha li huma membri tal-Ġnus Magħquda, naraw li hemm ħafna punti li s-Santa Sede tħaddan b’mod partikulari. Insemmihom: l-attenzjoni mogħtija lix-xjuħ bħala xjuħ u lis-sura ta’ ħajja li qegħdin jgħixu llum; ir-rispett għad-dritt tagħhom li jibqgħu jitqiesu bħala membri attivi tas-soċjetà li huma taw sehemhom għall-bini tagħha; ir-rieda li tiġi ’l quddiem organizzazzjoni soċjali fejn kulħadd, hu x’hinu ż-żmien li għandu, jagħti sehmu flimkien ma’ l-oħrajn kollha; u fl-aħħarnett appell għall-kreattività f’kull qasam soċjo-kulturali biex ikun hemm tweġiba xierqa għax-xewqa li x-xjuħ jibqgħu jagħmlu kull xorta ta’ ħidma skont in-nisel u l-edukazzjoni li jkollhom, skont il-ħila u l-esperjenzi tagħhom u skont il-kultura u t-twemmin tagħhom. Dan kollu ġa juri li ma għandniex quddiemna problemi astratti u tekniċi biss, imma għandna quddiemna bnedmin, kull wieħed bil-ġrajja partikulari tiegħu, bl-għeruq tagħha fuq il-familja ta’ dak li jkun, bir-rabtiet soċjali li għandu, bis-suċċessi jew fallimenti professjonali tiegħu, li xi darba influwenzaw jew għadhom jinfluwenzaw l-istess ħajja tiegħu.

Il-Knisja tixtieq tikkontribwixxi l-ħsieb tagħha, l-esperjenza tagħha, il-fidi tagħha fil-bniedem, f’din il-laqgħa internazzjonali kollha mehdija biex tistudja aktar fil-fond dawn ir-realtajiet u ssib soluzzjonijiet konkreti u għaqlin għalihom. Fil-prattika l-Knisja qiegħda tipproponi dehra nisranija tax-xjuħija li tixraq lill-bniedem, u l-konvinzjoni tagħha li l-familja u istituzzjonijiet li għandhom sura ta’ ħajja ta’ familja, huma l-aħjar postijiet għax-xjuħ biex ikunu f’sikkithom, u l-għajnuna tagħha għall-ħerqa tas-soċjetà ta’ żmienna biex taqdi x-xjuħ.

Ix-xjuħija: il-milja tal-ħajja.

Niftakar b’emozzjoni kbira l-laqgħa li kelli max-xjuħ f’Novembru tal-1980 fil-katidral ta’ Munich.  Dak in-nhar għidt bil-qawwa kollha li x-xjuħija tal-bniedem hi sura naturali ta’ ħajja u hi ġeneralment il-milja tagħha. Din il-fehma tqis li x-xjuħija – meta wieħed jasal għaliha – hija element ta’ siwi partikulari fil-ħajja kollha tal-bniedem, u għalhekk titlob ukoll fehma ċara ta’ x’inhu l-bniedem, li hu fl-istess ħin ruħ u ġisem. Hu f’dan id-dawl li l-Iskrittura spiss titkellem fuq ix-xjuħija u fuq ix-xjuħ b’rispett u ammirazzjoni. Il-ktieb tal-Ekkleżjastiku, biex insemmu eżempju, wara li jinseġ it-tifħir ta’ l-għerf li nsibu msieħeb max-xagħar abjad (25, 4-6), jinseġ paniġierku twil tal-missirijiet li “ġisimhom indifen fis-sliem, waqt li jsimhom jibqa’ ħaj min-nisel għal nisel” (ara kap. 44 sa 51). U l-kotba tal-Patt il-Ġdid huma mimlijin ġieħ għax-xjuħ. San Luqa, kollu mqanqal, ipinġilna l-kwadru tax-xwejjaħ Xmun u ta’ Anna l-profetessa huma u jilqgħu ’l Kristu fit-Tempju.  U fi żmien l-ewwel komunitajiet insara naraw l-Appostli jagħżlu xi anzjani biex jieħdu ħsieb il-knejjes ġodda li huma waqqfu. Il-Knisja tittama bil-qawwa kollha li l-pjan ta’ ħidma li hemm imħejji, ikun miftuħ għall-fehma bħal din tax-xjuħija, li għandha titqies mhux biss bħala proċess li ma tistax iżżommu ta’ ħajja li qiegħda tnin bil-mod il-mod, jew bħala żmien miftum għall-kollox miż-żminijiet l-oħra tal-ħajja, imma għandha titqies bħala fażi possibbli ta’ żvilupp naturali tal-ħajja ta’ kull bniedem, li tagħha x-xjuħija hija l-milja.

Il-ħajja hi don ta’ Alla lill-bnedmin, maħluqin b’imħabba sura xbieha tiegħu – din hi verità. Meta nifhmu din id-dinjità qaddisa tal-bniedem, naslu biex nagħtu valur lil kull mument tal-ħajja tal-bniedem. Din hi kwistjoni ta’ ġustizzja, ta’ qbil fil-fehmiet tagħna.  Ma jistax ikun li tara verament is-siwi tal-ħajja ta’ xiħ, jekk ma tagħrafx is-siwi tal-ħajja ta’ tarbija sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha fil-ġuf. Ħadd ma jaf fejn nistgħu naslu jekk ma nibqgħux nirrispettaw il-ħajja bħala ġid qaddis li ma nistgħux inwarrbuh minna. Mela rridu nistqarru bil-qawwa kollha, flimkien mal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi fid-Dikjarazzjoni tagħha dwar l-ewtanasja tal-5 ta’ Mejju 1980, li “xejn u lanqas ebda bniedem ma jista’ qatt jippermetti bl-awtorità tiegħu l-qerda ta’ ħajja ta’ bniedem bla ħtija, fetu jew embrijun, tarbija jew xiħ, marid li ma jistax ifiq jew qiegħed agunija ….  Ħaġa bħal din hi ksur tal-liġi ta’ Alla, offiża lid-dinjità tal-persuna tal-bniedem, delitt kontra l-ħajja, u attentat kontra l-bnedmin kollha kemm huma”.  Jaqbel ukoll iżżid dak li tgħid l-istess dikjarazzjoni dwar l-użu ta’ mezzi terapewtiċi: “illum hi ħaġa mportanti ħafna li d-dinjità tal-persuna tal-bniedem fil-mument tal-mewt, u l-fehma nisranija tal-ħajja jkunu mħarsa minn ċerta teknika li qiegħda ssir abbuż”. Il-mewt hi parti mix-xefaq tal-bniedem, u tagħtih id-dimensjoni vera u misterjuża tiegħu. Id-dinja tal-lum, l-aktar fil-punent, jeħtiġilha titgħallem terġa’ ddaħħal il-mewt fil-ħajja tal-bniedem. Min ma’ jixtieqx għal bnedmin ħutu, u għalih innifsu wkoll li jilqa’ u jħaddan dan l-aħħar mument ta’ ħajtu fuq l-art b’dik id-dinjità u dik l-hena li żgur ikollhom dawk li jemmnu?

U issa rrid flimkien magħkom nara x’hinuma l-karatteristiċi tax-xjuħija.  Xi wħud huma ta’ tbatija, u diffiċli taċċettahom, l-aktar jekk tkun waħdek. Oħrajn jagħtu għana liema bħalu lil min ikun u lill-oħrajn.  Kollha flimkien huma parti mill-esperjenza tal-ħajja ta’ min hu xiħ illum u ta’ min ikun xiħ fil-ġejjieni.

L-aspett ewlieni tat-tielet u r-raba’ żmien huwa naturalment in-nuqqas tas-saħħa tal-ġisem, u ħeġġa inqas fil-ħsieb u r-rieda, it-tnaqqis bil-mod il-mod tal-ħidmiet li magħhom il-qalb tkun intrabtet, il-mard u t-tbatijiet li dejjem jiżdiedu, u l-ħsieb tal-firdiet li jseħħu mat-tluq għad-dinja l-oħra. Dawn il-karatteristiċi ta’ niket jistgħu jiġu mibdula permezz ta’ konvinzjonijiet filosofiċi, imma l-aktar, permezz taċ-ċertezza u tal-fidi għal dawk li għandhom id-don li jemmnu. Għal dawn, l-aħħar żmien tal-ħajja fuq l-art jistgħu jgħixuh imseħbin b’mod misterjuż ma’ Kristu l-Feddej, miexi fit-triq tas-salib tiegħu qabel is-sebħ glorjuż ta’ l-Għid. Iżda b’mod aktar ġenerali nistgħu ngħidu li l-mod kif soċjetà ċivilizzata tilqa’ x-xjuħija u l-mewt bħala element essenzjali tal-ħajja, u l-mod kif tgħin lil-membri xjuħ tagħha ħa jgħixu l-mewt tagħhom, huwa l-kriterju deċiżiv  li fuqu tqis x’rispett għandha għall-bniedem din is-soċjetà.

Hemm  ukoll l-aspetti sbieħ tax-xjuħija.  Hu ż-żmien li fih il-bniedem jista’ jiġbor l-esperjenzi ta’ ħajtu kollha, jagħżel bejn dak li hu essenzjali u dak li hu aċċidentali, jikseb grad kbir ta’ għerf u ta’ hena.  Hu ż-żmien li l-bniedem ikollu ħafna ħin tiegħu, anzi l-ħin kollu tiegħu ħa jidra jħobb l-ambjent li fih qiegħed igħix, għex għal ftit taż-żmien jew għal dejjem, b’dak is-sabar, u b’dak il-ferħ irżin, li naraw f’tant xjuħ. Ix-xjuħ li jemmnu, imbagħad jistgħu wkoll fil-hena jimmeditaw il-ġmiel tal-fidi u jitolbu bla xkiel.

Dawn il-valuri sbieħ jagħtu ħafna frott li jibqa’, jekk iseħħu żewġ kundizzjonijiet għal kollox meħtieġa. L-ewwel kundizzjoni trid li x-xjuħ stess jaċċettaw il-fatt li huma xjieħu u fl-istess ħin jaraw is-siwi ta’ kull ma jistgħu jagħmlu fi xjuħithom. It-tieni kundizzjoni tolqot is-soċjetà tal-lum. Din trid tasal biex tagħraf il-valuri morali, affettivi, reliġjużi li jgħammru f’qalb ix-xjuħ u tħabrek biex issibilhom post fiċ-ċiviltà tagħha tal-lum, mġarrba kif inhi mid-differenza kbira li hemm bejn il-livell tekniku li għandha u l-livell morali tagħha. Ix-xjuħ ma jistgħux igħixu, jekk mhux bi tbatija kbira, f’dinja li ma tagħrafx li għandha dimensjoni spiritwali wkoll. Jaslu biex jistmerru lilhom infushom meta jaraw li l-ħila għall-qligħ tal-flus hi l-aqwa ħaġa li jista’ jkollu ċ-ċittadin, waqt li l-kwalitajiet l-oħra kollha tal-bniedem huma minsijin jew imwarrba. Qagħda bħal din ma tħallix ix-xjuħija tilħaq il-milja tagħha u tagħti frott, twassal biex wieħed jingħalaq fih innifsu, u, kollu mnikket, jibda jħoss li ma jiswa għal xejn, hekk li fl-aħħar jasal biex jitlef kull tama u jiddispra. Imma ta’ min itenni bil-qawwa kollha, li tkun is-soċjetà kollha kemm hi li tkun qiegħda tiċċaħħad minn kull ma jagħniha u jmexxiha, meta tasal biex tqis li biss iż-żgħażagħ u l-bnedmin fl-aħjar ta’ saħħithom jistgħu jgħinu fl-iżvilupp tagħha, waqt li l-oħrajn kollha ma jistgħu jagħtu xejn, meta fil-fatt hemm provi ċari mill-esperjenza li hu veru propju l-kuntrarju.

II

Ix-xjuħ u l-familja

Fl-esortazzjoni tiegħi Familiaris consortio, fid-dawl tal-verità tal-fatt li l-familja hi ġejja minn Alla, jien fakkart li hi l-imħabba li turina x’inhi n-natura tal-familja u x’hinuma d-dmirijiet tagħha: “Il-familja twaqqfet bħala “komunità intima ta’ ħajja u ta’ mħabba” … u għandha l-missjoni li tħares, tgħarraf u tagħti l-imħabba …. Il-membri kollha tal-familja, kull wieħed skont is-sejħa tiegħu, għandu l-grazzja u d-dmir li jibni, minn jum għall-ieħor, l-għaqda bejn il-membri kollha tal-familja, ħalli hekk jagħmel il-familja ‘skola ta’ umanità aktar sħiħa u aktar għanja’”.

Dan igħinna naraw x’tista’ tkun il-familja għax-xjuħ, kemm billi tieqaf magħhom bil-fedeltà kollha, ħaġa li għandhom dritt jistennew minnha, u kemm mill-għajnuna li x-xjuħ stess jistgħu jagħtu lill-familja fil-ħajja u l-missjoni tagħha. Veru li mhux dejjem ix-xjuħ jistgħu jsibu post fid-dar ta’ wliedhom jew ta’ xi qraba oħra tagħhom; anzi, xi kultant bla ebda mod ma jista’ jkun li x-xjuħ ikollhom dan. F’dan il-każ trid tinstab soluzzjoni oħra għax-xjuħ, iżda b’mod li uliedhom jew qraba oħra jibqgħu jżommu rabtiet regolari magħhom, kollhom imħabba. Iżda hija ħaġa żgura li x-xjuħ, meta jkunu jgħixu ma’ qrabathom, jistgħu jagħmlulhom ħafna ġid, meta tiġihom l-okkażjoni u meta jkun hemm l-għaqal: jistgħu juruhom imħabba u jgħinuhom bl-għerf tagħhom, jifhmuhom u jgħadruhom, jagħtuhom pariri tajbin u jfarrġuhom, igħinuhom bil-fidi u t-talb tagħhom, kariżmi kollha dawn ta’ tmiem il-ħajja fid-dinja. Meta x-xjuħ ikunu jagħmlu dan, ikunu wkoll jerġgħu jġibu ’l quddiem, l-aktar bl-eżempji tagħhom, imġieba li llum tilfet ħafna mis-siwi tagħha, dik l-imġieba li toqgħod tisma’ ’il ħadd ieħor, jew li toqgħod imwarrab fil-ġenb, jew tgħix fil-hena miġbur fik innifsek, jew li tagħti bla ma tistenna xejn lura, jew li turi ferħ irżin li minnu jgawdi kulħadd…. Ta’ min isemmi wkoll li l-preżenza tax-xjuħ fi ħdan il-familja tagħhom, dejjem jew xi kultant, twassal biex ikun hemm l-għaqda u l-ftehim bejn il-kbar u żgħar fiż-żmien li għalkemm ma jaqblux bejnithom, jeħtieġu dejjem lil xulxin. Din ir-rabta fil-ħajja tal-familja li qiegħed insemmi, skont iċ-ċirkostanzi, tista’ tkun għajn ta’ hena u ta’ ħajja, ta’ umanità u ta’ spiritwalità għal din iċ-ċellula ewlenija tas-soċjetà li tissejjaħ b’isem li għandu tifsir kbir fl-ilsna kollha tad-dinja: il-familja.

III

Ix-xjuħ fis-soċjetà

Bil-progress demografiku ta’ żmienna, is-soċjetà qiegħda tara jinfetaħ quddiemha qasam ġdid ta’ ħidma għall-qadi tal-bniedem li jiżgura għax-xjuħ il-post li jistħoqqilhom fil-komunità ċivili u l-għajnuna li jeħtieġu biex jagħtu l-kontribut speċifiku tagħhom għall-iżvilupp tagħha.

Ix-xjuħ li f’xi sistemi leġislattivi u soċjali qed jaraw ruħhom bil-mod il-mod imwarrba mill-produzzjoni ekonomika, qed jistaqsu – u xi kultant b’qalbhom maqsuma – x’post u x’ħidma fadlilhom f’din is-sura ġdida ta’ soċjetà. Kif se jużaw il-ħin tagħhom, issa li ġew imġiegħla jirtiraw hekk kmieni? Is-soċjetà tal-lum, fl-iżvilupp u l-orjentament tagħha, tistenna xi ħaġa mill-membri tagħha xjuħ u pensjonanti? Hi ħaġa ċara li, quddiem dan il-problema ġdid u kbir, is-soċjetà kollha, u b’mod speċjali dawk li huma responsabbli fiha, għandhom bis-serjetà kollha jaraw x’soluzzjonijiet jistgħu jsibu li jkunu jaqblu max-xewqat tax-xjuħ. Dawn is-soluzzjonijiet ma jistgħux ikunu ta’ sura waħda. Jekk hi ħaġa normali li s-soċjetà tgħin lix-xjuħ biex jibqgħu jgħixu fi ħdan il-familja tagħhom u fl-ambjent tal-ħajja tagħhom meta din is-soluzzjoni hi possibbli u għalhekk ta’ min ifittixha, għandu jkun hemm ukoll soluzzjonijiet oħra għan-nies tat-tielet u r-raba’ żmien.  Soċjetà li verament tagħraf id-dmirijiet tagħha lejn il-ġenerazzjonijiet kollha li taw sehemhom għall-istorja tal-pajjiż, għandha taħseb biex twaqqaf istituzzjonijiet adatti għax-xjuħ li ma jistgħux igħixu ma’ qrabathom. Biex il-ħajja tax-xjuħ f’dawn l-istituti tkun kontinwazzjoni tal-ħajja li kienu jafu u għexu, jeħtieġ li l-ħajja f’dawn l-istituzzjonijiet tkun sura ta’ ħajja ta’ familja, jiġifieri dawn l-istituzzjonijiet għandhom ifittxu jagħtu lix-xjuħ dak il-wiri ta’ mħabba tant meħtieġ fiż-żminijiet kollha tal-ħajja imma l-aktar fix-xjuħija, u fl-istess ħin jagħtuhom ċerta awtonomija li tkun taqbel mal-ħtiġijiet ta’ ħajja komunitarja; joħolqulhom għadd ta’ attivitajiet li jaqblu mal-kapaċitajiet fiżiċi u ntellettwali tagħhom, u fl-aħħarnett jaħsbulhom għal kull ma jkun meħtieġ miż-żmien li għandhom.  Veru li diġà hemm istituzzjonijiet ta’ din is-sura; imma żgur li għad iridu jiżviluppaw. Ippermettuli dwar dan infakkarkom fil-ħidma karitattiva tal-Knisja permezz ta’ tant istituti kkonsagrati għas-servizz tax-xjuħ, sa minn żmien ilu. Ta’ min jifirħilhom u jinkoraġġihom.  Soċjetà tikseb ġieħ speċjali meta tgħin biex dawn il-mezzi ta’ qadi tal-bniedem jitjiebu, hija u tirrispetta x-xjuħ u l-istituzzjonijiet li jilqgħuhom.

Tajjeb li nfakkar darb’oħra u fil-qasir xi wħud mis-servizzi ġodda li s-soċjetà tista’ tagħti lill-pensjonanti u lix-xjuħ biex tizguralhom post u ħidma fil-komunità tal-bnedmin.

Fi ħsiebi għandi l-formazzjoni permanenti li ġa qed tingħata f’ħafna pajjiżi u li, għal dawk li jgawdu minnha, hi mezz mhux biss biex jistagħnew personalment, imma hi mezz ukoll li jagħmilhom kapaċi jadattaw ruħhom għas-soċjetà u jieħdu sehem fil-ħajja tagħha ta’ kuljum. Fil-fatt ix-xjuħ għandhom riżorsi ta’ għerf u ta’ esperjenza li mwettqin u msaħħin bi proċess adatt ta’ formazzjoni permanenti, jistgħu jintużaw f’ħafna oqsma: ibda minn dawk ta’ l-edukazzjoni sa dawk umli tal-qadi soċjali u karitattiv. Dwar dan, wieħed jista’ joħloq inizzjattivi ġodda flimkien ma’ l-istess xjuħ u mal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom. Jidhirli wkoll li s-soċjetà għandha tħabrek biex ikun hemm aktar minn sura waħda ta’ attivitajiet, hija u tqis il-ħila ta’ kull wieħed u l-qagħda tagħhom li tinbidel minn kontinent għall-ieħor. Bejn uniformità li ddejjaq u fantasija li ma tieqaf qatt, jista’ jkun hemm għażla bil-għaqal bejn xogħol professjonali u ieħor, bejn qari u studju, f’attivitajiet rikreattivi, f’laqgħat organizzati jew le ma’ nies oħra u f’ambjenti oħra, u żmien ukoll għall-ġabra fis-skiet u t-talb.

Servizz ieħor li s-soċjetà tista’ tagħti lix-xjuħ hu li tħajjarhom, meta hu l-każ, biex iwaqqfu assoċjazzjonijiet għax-xjuħ u li tgħin l-assoċjazzjonijiet li ġa hemm. Ġa taw il-frott tagħhom, meta ħarġu ix-xjuħ minn qagħda ta’ waħedhom u wassluhom biex iwarrbu l-fehma li, għax xjuħ, ma jiswew għal xejn aktar.

Dawn l-assoċjazzjonijiet jeħtieġ li jkunu magħrufin minn min hu responsabbli fis-soċjetà bħala leħen ix-xjuħ, u l-aktar leħen dawk li huma l-aktar nieqsa minn kollox. Fl-aħħarnett ħsiebi jmur fil-ħidma tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali, speċjalment fil-ħidma tat-TV u r-radju: dawn jistgħu u għandhom iħabirku biex ixandru dehra aktar vera u mġedda ta’ l-aħħar żmien tal-ħajja u ta’ dak li dan iż-żmien jista’ jagħti għall-ħajja u għall-hena tas-soċjetà. Dan jitlob li min hu responsabbli tax-xandir u tal-ġurnali jkun konvint mill-fehma – jew almenu jirrispetta l-fehma li l-ħajja tal-bniedem għandha titqies mhux biss kemm tiswa materjalment, minn kemm tiswa għall-qligħ tal-flus, imma trid titqies li għandha tifsir wisq aktar għoli u għalhekk jista’ dejjem ikollna żviluppi u progress tassew ta’ l-għaġeb sa l-aħħar mumenti tal-ħajja f’din id-dinja, l-aktar meta l-ambjent jgħin għal dan.

Fi tmiem dawn il-ħsibijiet u s-suġġerimenti tiegħi, sur President, nixtieq li l-konklużjonijiet tal-laqgħa internazzjonali ta’ Vienna fuq il-problemi tax-xjuħija jkollhom bil-mod il-mod frott bil-kotra li jibqa’ f’dan il-qasam, u f’oqsma oħra li ġa ġew studjati u miġjuba ’l quddiem, mill-assemblea tal-Ġnus Magħquda, it-tfal, l-inkapaċitati, eċċ., hemm żgur l-issa u l-ġejjieni taċ-ċiviltà tal-bniedem.  Kull kultura, hi f’liema kontinent hi, f’liema pajjiż hi, hi ta’ liema żmien hi, ma jistax jkollha siwi, ma jistax jkollha qawwa, jekk ma tfittixx l-ewwel l-iżvilupp sħiħ tal-persuna tal-bniedem mill-ewwel sa l-aħħar pass tiegħu f’din id-dinja, minkejja l-ġenn tas-soċjetà tal-lum għall-produzzjoni bla waqfien ta’ ħafna affarijiet li tużahom bla rażan ta’ xejn. J’Alla r-responsabbli tad-dinja tal-lum ikunu jistgħu jaħdmu flimkien ħa jġibu ’l quddiem ’il-bniedem u jiġbdu l-popli tagħhom warajhom f’dan.  Dan kollu mhux biss hu xewqa kbira tagħna, imma qegħdin nitolbu għalih bla heda lil Alla li minnu jiġi kull ġid.

Mill-Vatikan, it-22 ta’ Lulju 1982

Papa Ġwanni Pawlu II

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading