Il-Preżenza tal-Ispirtu Santu fl-Istorja


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa 13 ta’ Mejju 1998.

  1. Fit-tħejjija għall-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000, din is-sena li ninsabu fiha hija ddedikata b’mod partikolari lill-Ispirtu Santu. Waqt li nkomplu għaddejjin fil-mixja mibdija għall-Knisja kollha, wara li kkonkludejt t-tematika kristoloġika, illum nibdew riflessjoni sistematika dwar Dak “li huwa Mulej u jagħti l-ħajja”. Dwar it-tielet persuna tat-Trinità Qaddisa tkellimt fil-wisa’ f’okkażjonijiet multepliċi. Niftakar b’mod partikolari l-Enċiklika “Dominum et vivificantem” u l-katekeżi dwar il-Kredu. Il-prospettiva tal-Ġublew imminenti toffrili l-okkażjoni biex nerġa’ lura mill-ġdid għall-kontemplazzjoni tal-Ispirtu Santu, biex infittex b’moħħ adoranti l-azzjoni li huwa jiżvolġi fil-ġirja taż-żmien u tal-istorja.
  2. Kontemplazzjoni, fir-realtà, xejn faċli, jekk l-istess Spirtu ma jiġix jgħin id-dgħufija tagħna (cfr Rm8,26). Kif infatti tiddistingwi l-preżenza tal-Ispirtu ta’ Alla fl-istorja? Nistgħu nagħtu tweġiba għal din il-mistoqsija biss billi nirrikorru għall-Iskritturi Mqaddsa  li billi huma spirati mill-Paraklitu, jirrivelaw b’mod progressiv l-azzjoni u l-identità tiegħu. Dawn juruna, b’ċertu mod, il-“lingwaġġ” tal-Ispirtu, l-“istil” tiegħu, il-“loġika” tiegħu. Huwa possibbli li wieħed jaqra wkoll ir-realtà li fiha huwa jopera b’għajnejn li jippenetraw ’il hemm minn sempliċi osservazzjoni esterna, waqt  li jifhem wara l-ħwejjeġ u l-ġrajjiet  il-fatturi tal-preżenza tiegħu. L-Iskrittura stess, sa mit-Testment il-Qadim, tgħinna biex nifhmu li xejn, minn dak li huwa tajjeb, veru u qaddis fid-dinja ma jista’ jispjega ruħu b’mod indipendenti mill-Ispirtu ta’ Alla.
  3. Aċċenn ewlieni mċajpar għall-Ispirtu wieħed jiltaqa’ miegħu fil-vrus ewlenin tal-Bibbja, fl-innu lill-Alla ħallieq li bih jiftaħ il-ktieb tal-Ġenesi: “L-Ispirtu ta’ Alla kien jiġġerra fuq l-ilmijiet” (Ġen1,2). Biex tgħid “spirtu” hawn tuża l-kelma Ebrajka ruach, li tfisser “nifs” u tista’ tindika kemm ir-riħ kif ukoll in-nifs. Bħalma hu magħruf, dan it-test jappartjeni għal hekk imsejħa “fonti saċerdotali” li tmur lura għall-perijodu tal-eżilju babiloniż (VI sek. q.K.), meta l-fidi ta’ Iżrael kienet waslet b’mod espliċitu għall-konċezzjoni monoteistika ta’ Alla. Waqt li rrealizza, grazzi għad-dawl tar-rivelazzjoni, il-poter ħallieq tal-Alla uniku, Iżrael wasal biex jifhem li Alla ħalaq l-univers bil-qawwa ta’ Kelmtu. Magħqud ma’ dan, joħroġ ir-rwol tal-Ispirtu, li l-perċezzjoni tiegħu hija  nkuraġġita mill-istess analoġija tal-lingwaġġ li, b’assoċjazzjoni, tgħaqqad il-kelma man-nifs tax-xuftejn: “Mill-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet, min-nifs (ruach) tal-fomm kull tiżjin tagħhom” (Sal 33,6). Dan in-nifs vitali u vivifikanti ta’ Alla mhuwiex limitat għall-waqt inizjali tal-ħolqien, imma jsostni b’mod permanenti u jgħajjex il-ħolqien kollu billi jġeddu kontinwament: “Ibgħat l-ispirtu tiegħek, huma maħluqa, u ġedded il-wiċċ tal-art” (Sal 104,30).
  4. L-innovazzjoni l-iktar karatteristika tar-rivelazzjoni biblika hija li għarafna fl-istorja l-qasam privileġġjat tal-azzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla. F’madwar mitt pass tat-Testment il-Qadim ir- ruach JHWHjindika l-azzjoni tal-Ispirtu tal-Mulej li jiggwida l-poplu tiegħu, speċjalment fit-tibdil kbir tal-mixja tiegħu. Hekk fil-perijodu tal-imħallfin Alla għamel li jinżel l-Ispirtu tiegħu fuq bnedmin dgħajfa u biddilhom fi gwidi kariżmatiċi, mimlijin b’enerġija divina: dawn huma l-ġrajjiet ta’ Gideone, ta’ Jefte u b’mod partikolari ta’ Sansun  (cfr Gd6,34; 11,29; 13,25; 14,6.19).

Mal-miġja tal-monarkija davidika din il-qawwa divina li sa dak il-waqt kienet wriet ruħha b’mod imprevedibbli u intermittenti, tilħaq ċerta stabbilità. Nosservawha sewwa fil-konsagrazzjoni rjali ta’ David, dwar liema l-Iskrittura tgħid: “L-Ispirtu tal-Mulej niżel fuq David minn dak il-jum ’il quddiem” (1 Sam 16,13).

Waqt u wara l-eżilju babiloniż l-istorja kollha ta’ Iżrael tinqara bħal djalogu twil bejn Alla u l-poplu magħżul “permezz tal- ispirtu tiegħu, permezz tal-profeti tal-imgħoddi” (Zk 7,12). Il-profeta Ezekjel  jiċċara r-rabta bejn l-ispirtu u l-profezija, meta per eżempju jgħid: “L-ispirtu tal-Mulej ġie fuqi u qalli: ‘Tkellem, jgħid il-Mulej…’” ( 11,5).

Imma l-prospettiva poetika tindika b’mod speċjali fil-futur iż-żmien privileġġjat li fih se jitwettqu l-wegħdiet fis-sinjal tar-ruach divina. Iżaija jħabbar it-twelid ta’ dixxendent li fuqu “jinżel l-ispirtu . . . ta’ għerf u intelliġenza, spirtu ta’ parir u ta’ qawwa, spirtu ta’ għarfien u ta’ biża’ tal-Mulej” ( 11,2-3). “Dan it-test – bħal ma ktibt fl-enċiklika Dominum et vivificantem – huwa importanti għall-pnewmatoloġija kollha tat-Testment il-Qadim, għaliex tikkostitwixxi kważi pont bejn il-kunċett bibliku l-qadim tal- ispirtu, mifhum qabelxejn bħala ‘nifs kariżmatiku’, u l- ‘Ispirtu’ bħala persuna u bħala don, don għall-persuna. Il-Messija min-nisel ta’ David (‘mill-għerq ta’ Ġesse’) huwa propju dik il-persuna, li fuqha ‘jinżel’ l-Ispirtu tal-Mulej” (Dom. et viv., 15).

  1. Diġa fit-Testment il-Qadim joħorġu żewġ fatturi tal-identità misterjuża tal-Ispirtu Santu, imbagħad ikkonfermati fil-wisa’ mir-rivelazzjoni tat-Testment il-Ġdid..

L-ewwel fattur huwa t-traxxendenza assoluta tal-Ispirtu , li minħabba fiha huwa msejjaħ “Santu” ( 63,10.11; Sal 51,13). L-Ispirtu ta’ Alla huwa “divin”  għalkollox. Din mhix realtà li l-bniedem jista’ jakkwista bil-qawwiet tiegħu, imma don li jiġi minn fuq: wieħed jista’ biss jinvokah u jilqgħu. Infinitament rispett “ieħor” lill-bniedem, l-Ispirtu jiġi kkomunikat b’libertà totali lil dawk kollha li huma msejħin biex jikkollaboraw miegħu fl-istorja tal-fidwa. U meta din l-enerġija divina tiltaqa’ ma ilqugħ umli u disponibbli, il-bniedem jiġi maħtuf mill-egoiżmu tiegħu u meħlus mill-biżgħat tiegħu, u fid-dinja jiffjorixxu l-imħabba u l-verità u l-paċi.

Fattur ieħor tal-Ispirtu ta’ Alla huwa l-qawwa dinamika li tirrivelah fl-interventi tiegħu fl-istorja. Xi minn daqqiet wieħed jissogra li jitfa’ fuq ix-xbiha biblika tal-Ispirtu konċezzjonijiet marbuta ma’ kulturi oħra bħal, pereżempju, il-konċezzjoni tal-“ispirtu” bħala xi ħaġa ta’ kważi trasparenti, ta’ statiċità u  bla ħajja. Il-konċezzjoni biblika tar-ruach qiegħda biex, għall-kuntrarju, tindika enerġija perentorjament attiva, potenti, irreżistibbli: l-Ispirtu tal-Mulej – naqraw f’Iżaija –  “huwa bħal kurrent li  jfawwar” ( 30,28). Għalhekk meta l-Missier jintervieni bl-Ispirtu tiegħu, il-kaos jinbidel f’kożmu, fid-dinja tixgħel il-ħajja, l-istorja terġa’ tibda miexja.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

 

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.