L-Ispirtu huwa sors ta’ ħajja ġdida u Eterna


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa 20 ta’ Mejju 1998.

2. L-Ispirtu huwa sors ta’ ħajja ġdida u Etern.

  1. Ir-rivelazzjoni tal-Ispirtu Santu, bħala persuna distinta mill-Missier u mill-Iben, imċajpra fit-Testment il-Qadim, tiċċara u tespliċita ruħha fit-Testment il-Ġdid.

Huwa minnu li l-kitbiet neotestementarji ma joffrulniex tagħlim sistematiku dwar l-Ispirtu Santu. Madankollu meta niġbru l-ħafna dati preżenti fil-kitbiet ta’ Luqa, Pawlu u Ġwanni, ikun possibbli li niġbru l-konverġenza ta’ dawn it-tliet kummenti kbar tar-rivelazzjoni neotestamentarja rigward l-Ispirtu Santu.

  1. Fir-rigward taż-żewġ sinottiċi l-oħra, l-evanġelista Luqa jippreżentalna pneumatoloġija ħafna iktar żviluppata.

Fil-Vanġelu huwa jrid juri li Ġesù huwa l-unika li jippossiedi fil-milja l-Ispirtu Santu. Ċertament, l-Ispirtu jintervieni wkoll fuq Eliżabetta, Żakkarija, Ġwanni l-Battista, u b’mod speċjali fuq l-istess Marija, imma Ġesù biss, tul l-eżistenza terrena kollha tiegħu, jippossiedi pjenament l-Ispirtu ta’ Alla. Huwa kien ikkonċeput bl-opra tal-Ispirtu Santu (cfr Lq 1,35). Dwaru l-Battista jgħid: “Jiena ngħammidkom bl-ilma: imma jiġi wieħed li huwa iktar qawwi minni (…): dan jgħammidkom bl-Ispirtu Santu u n-nar” (Lq 3,16).

Qabel ma għammed bl-Isprtu Santu u n-nar. Ġesù nnifsu ġie mgħammed fil-Ġordan, meta jinżel “fuqu l-Ispirtu Santu fid-dehra korporja ta’ ħamiema” (Lq 3,22). Luqa jenfasizza li Ġesù mhux biss imur fid-deżert “immexxi mill-Ispirtu”, imma jmur hemm “mimli bl-Ispirtu Santu”  (Lq 4,1), u hemm jikseb rebħa fuq it-tentatur. Huwa jibda l-missjoni tiegħu “bil-qawwa tal-Ispirtu Santu” (Lq 4,14). Fis-sinagoga ta’ Nazaret, meta uffiċjalment jibda l-missjoni tiegħu, Ġesù japplika għalih il-profezija tal-ktieb ta’ Iżaija (cfr 61,1-2): “L-Ispirtu tal-Mulej huwa fuqi; minħabba dan ikkonsagrani bid-dlik u bagħatni biex inħabbar lill-fqajrin messaġġ ferrieħi eċċ… (Lq 4,18)”. L-attività evanġelizzatriċi kollha ta’ Ġesù hija hekk mibnija taħt l-azzjoni tal-Ispirtu.

Dan l-istess Spirtu se jsostni l-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja, skont il-wegħda tal-Irxoxt lid-dixxipli tiegħu: “U jien se nibgħat fuqkom dak li Missieri wegħdni; imma intom ibqgħu fil-belt, sakemm titlibbsu mill-ġdid bil-qawwa mill-għoli” (Lq 24,49). Skont il-ktieb tal-Atti, il-wegħda titwettaq f’jum il-Pentekoste: “…U huma kienu lkoll mimlija bl-Ispirtu Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra kif l-Ispirtu  kien jagħtihom il-qawwa li jesprimu ruħhom” (At 2,4). Hekk titwettaq il-profezija ta’ Ġoel: “Fl-aħħar jiem, jgħid il-Mulej, jiena ngħaddas l-Ispirtu tiegħi fuq kull persuna; uliedkom subien u uliedkom bniet jipprofetizzaw” (At 2,17). Luqa jara fl-appostli r-rappreżentanti tal-poplu ta’ Alla taż-żminijiet finali, u jenfasizza bir-raġun li dan l-Ispirtu ta’ profezija  jinvolvi l-poplu kollu ta’ Alla.

  1. San Pawl min-naħa tiegħu jenfasizza d-dimensjoni rinnovatriċi u eskatoloġika tal-opra tal-Ispirtu, li jiġi muri bħala s-sors tal-ħajja l-ġdida u eterna kkomunikata minn Ġesù lill-Knisja tiegħu.

Fl-ewwel ittra lill-Korintin naqraw li Kristu, Adam il-ġdid, bis-saħħa tal-qawmien mill-imwiet, sar “Spirtu donatur tal-ħajja” (15,45): jiġifieri kien mibdul mill-qawwa vitali tal-Ispirtu ta’ Alla hekk li jsir min-naħa tiegħu bidu ta’ ħajja ġdida għal dawk li jemmnu. Kristu jikkomunika din il-ħajja propju permezz tal-effużjoni tal-Ispirtu Santu.

Dik ta’ dawk li jemmnu mhijiex iktar eżistenza ta’ ilsiera, taħt il-Liġi, imma ħajja ta’ wlied għaliex irċevew l-Ispirtu tal-Iben f’qalbhom u jistgħu jgħajtu: Abbà, Missier! (cfr Gal 4,5-7; Rm 8,14-16). Din hija ħajja “fi Kristu”, jiġifieri ta’ appartenenza esklussiva lilu u inkorporazzjoni lill-Knisja: “Aħna lkoll ġejna mgħammdin fi Spirtu wieħed biex niffurmaw ġisem wieħed” (1 Kor 12,13). L-Ispirtu Santu  jqanqal il-fidi (cfr 1 Kor 12,3), isawwab fi qlubna l-karità (cfr Rm 5,5) u jiggwida t-talb tal-insara (cfr Rm 8,26).

Fir-rigward ta’ bidu ta’ esseri ġdid, l-Ispirtu Santu jiddetermina f’dak li jemmen ukoll dinamiżmu operattiv ġdid: “Jekk mela ngħixu mill-Ispirtu, nimxu wkoll skont l-Ispirtu” (Gal 5,25). Din il-ħajja ġdida hija  kontrastanti għal dik tal-“ġisem”, li x-xewqat tiegħu ma jogħġbux lil Alla u jagħlqu l-persuna fil-ħabs soffokanti tal-jien mgħawweġ fuqu nnifsu (cfr Rm 8,5-9). Waqt li meta għall-kuntrarju, dak li jkun jinfetaħ għall-imħabba mogħtija mill-Ispirtu Santu, in-nisrani jista’ jiggosta l-frott tal-Ispirtu: imħabba, ferħ, paċi, sabar, benevolenza, tjubija u fedeltà… (cfr Gal 5,16-24).

Skont Pawlu, madankollu, dak li issa nippossiedu huwa biss “kapparra” jew bidu tal-Ispirtu (Rm 8,23; cfr ukoll 2 Kor 5,5). Fil-qawmien mill-imwiet finali, l-Ispirtu jkompli l-kapolavur tiegħu billi jwettaq għal dawk li jemmnu l-“ispiritwalizzazzjoni” sħiħa ta’ ġisimhom (cfr 1 Kor 15,43-44) u billi b’xi mod jinvolvi ruħu fil-fidwa tal-univers kollu kemm hu (cfr Rm 8,20-22).

  1. Fil-prospettiva ġovanneska l-Ispirtu Santu huwa b’mod speċjali l-Ispirtu tal-verità, il-Paraklitu.

Ġesù jħabbar id-don tal-Ispirtu fil-waqt tal-għeluq tal-opra terrena tiegħu: “Meta jiġi l-Paraklitu, li jien nibgħatilkom mingħand Missieri, l-Ispirtu tal-verità li jipproċedi mingħand il-Missier, huwa jixhed għalija; u wkoll intom tixhdu għalija, għaliex kontu miegħi sa mill-bidu”  (Ġw 15,26s.). U waqt li ppreċiża ulterjorment ir-rwol tal-Ispirtu, Ġesù żied: “Hu jmexxikom għall-verità kollha kemm hi, għaliex ma jitkellimx minn jeddu, imma jgħid dak kollu li sema’ u jħabbrilkom l-affarijiet futuri. Huwa jigglorifikani, għaliex jieħu dak tiegħi u jħabbarulkom” (Ġw 16,13-14). L-Ispirtu mela ma jġibx rivelazzjoni ġdida, imma jiggwida lill-fidili lejn interjorizzazzjoni u penetrazzjoni profonda tal-verità rivelata minn Ġesù.

F’liema sens l-Ispirtu tal-verità huwa msejjaħ Paraklitu? Waqt li nżommu preżenti l-prospettiva ġovanneska li tara l-proċess lil Ġesù bħala process li jkompli fid-dixxipli ppersegwitati minħabba f’ismu, il-Paraklitu huwa dak li jiddefendi l-kawża ta’ Ġesù, waqt li jikkonvinċi lid-dinja “fir-rigward tad-dnub, tal-ġustizzja u tal-ħaqq” (Ġw 16,7s.). Id-dnub fundamentali li l-Paraklitu jgħarraf huwa dak li ma emmnux lil Kristu. Il-ġustizzja li huwa  jindika hija dik li l-Missier ta lil Iben mislub, waqt li gglorifikah bil-qawmien mill-imwiet u bit-tlugħ fis-Sema. Il-ħaqq, f’dan il-kuntest, jikkonsisti fli joħroġ il-ħtija ta’ dawk, li ddominati minn satana, prinċep ta’ din id-dinja (cfr Ġw 16,11), warrbu lil Kristu (cfr Dom. et viv., 27). L-Ispirtu Santu huwa mela, bl-għajnuna interna tiegħu, id-difensur u l- patroċinatur tal-kawża ta’ Kristu, Dak li jorjenta l-imħuħ u l-qlub tad-dixxipli lejn l-adeżjoni sħiħa għall-“verità” ta’ Ġesù.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb