Ir-Rivelazzjoni tal-Ispirtu fis-Siegħa “Suprema” ta’ Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 10 ta’ Ġunju 1998.

  1. Ir-Rivelazzjoni tal-Ispirtu fis-Siegħa “Suprema” ta’ Ġesù

1. Il-ħajja kollha ta’ Kristu tiżvolġi fl-Ispirtu Santu. San Bażilju jiddikjara li l-Ispirtu Santu kienlu “sieħeb inseparabbli f’kollox” (De Spir. S.16) u joffrilna dwar l-istorja ta’ Kristu din is-sintesi meraviljuża: “Miġja tal-Kristu: l-Ispirtu Santu jippreċedi; inkarnazzjoni: l-Ispirtu Santu huwa preżenti; operazzjonijiet mirakolużi, grazzji u fejqan: permezz tal-Ispirtu Santu x-xjaten imkeċċija, id-demonju inkatenat: permezz tal-Ispirtu Santu; il-maħfra tad-dnubiet, għaqda ma’ Alla: permezz tal-Ispirtu Santu; qawmien mill-imwiet: bis-saħħa tal-Ispirtu Santu” (ibid., 19).

Wara li mmeditajna dwar il-magħmudija ta’ Ġesù u dwar il-missjoni mwettqa fil-qawwa tal-Ispirtu, irridu issa nirriflettu dwar ir-rivelazzjoni tal-Ispirtu fis-“siegħa” suprema ta’ Ġesù, is-siegħa ta’ mewtu u tal-qawmien mill-imwiet tiegħu.

  1. Il-preżenza tal-Ispirtu Santu fil-waqt tal-mewt ta’ Ġesù hija ta’ min jissopponiha diġa minħabba s-sempliċi fatt li fuq is-salib imut biss fin-natura umana tal-Iben ta’ Alla. Jekk “unus de Trinitate passus est” (DS,401), jiġifieri “jekk dak li bata huwa Persuna tat-Trinità, fil-passjoni tiegħu jirrendi preżenti t-Trinità kollha, mela allura wkoll il-Missier u l-Ispirtu Santu.

Irridu iżda nistaqsu lilna nfusna: liema kien preċiżament ir-rwol tal-Ispirtu fis-siegħa suprema ta’ Ġesù? Għal din il-mistoqsija huwa possibbli nwieġbu biss kemm-il darba nifhmu l-misteru tar-redenzjoni bħala  misteru ta’ mħabba.

Id-dnub, li huwa ribelljoni tal-kreatura lill-Ħallieq, kien qata’ d-djalogu ta’ mħabba bejn Alla u wliedu.

Bl-Inkarnazzjoni tal-Iben Uniġenitu, Alla esprima lill-umanità midinba imħabbtu fidila u appassjonata, sal-punt li rrenda ruħu vulnerabbli f’Ġesù. Id-dnub, minn-naħa tiegħu, jimmanifesta fuq il-Golgota n-natura tiegħu ta’ “attentat kontra Alla”, għalhekk kull darba li l-bnedmin jerġgħu lura biex jidinbu b’mod gravi, bħalma tgħid l-ittra lil-Lhud, “minn naħa tagħhom jerġgħu isallbu lill-Iben ta’ Alla u jesponuh għall-għajb” (Lh 6,6).

Fl-għotja ta’ Ibnu għal dnubietna, Alla jirrivelalna li l-pjan ta’ mħabba tiegħu  jiġi qabel kull mertu tagħna u jissupera b’mod abbundanti kull infedeltà tagħna. “F’dan tinsab l-imħabba: mhux aħna konna li ħabbejna lil Alla, imma huwa hu li ħabb lilna u bagħat lil Ibnu bħala vittma ta’ sagrifiċċju għal dnubietna” (1 Ġw 4,10).

  1. Il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù hija misteru ta’ mħabba li ma jistax jitfisser, li fih huma nvoluti t-tliet Persuni divini. Il-Missier għandu l-inizjattiva assoluta u gratwita: huwa hu li ħabb l-ewwel u waqt li ta lil Ibnu fl-idejn qattiela tagħna, espona it-tajjeb tiegħu l-iktar għażiż. Hu, bħal ma jgħid Pawlu, “ma ħafirhiex lill-propju Ibnu”, jiġifieri ma żammux għalih bħala teżor ġeluż, imma “tah għalina lkoll” (Rm8,32).

L-Iben jaqsam b’mod sħiħ l-imħabba tal-Missier u l-proġett ta’ fidwa tiegħu: “Ta lilu nnifsu għal dnubietn …, skont ir-rieda ta’ Alla u Missierna” (Gal 1,4).

U l-Ispirtu Santu? Bħalma fl-intimu tal-ħajja trinitarja, ukoll f’din iċ-ċirkolazzjoni ta’ mħabba li tattwa ruħha bejn il-Missier u l-Iben fil-misteru tal-Golgota, l-Ispirtu Santu huwa l-Persuna-Imħabba, li fiha tiltaqà l-imħabba tal-Missier u tal-Iben.

L-ittra lil-Lhud, waqt li tiżviluppa l-immaġni tas-sagrifiċċju, tippreċiża li Ġesù offra lilu nnifsu “bi Spirtu etern” (Lh 9,14). Fl-enċiklika Dominum et Vivificantem wrejt li f’dan il-pass “Spirtu etern” qiegħed biex appuntu jindika l-Ispirtu Santu: bħalma n-nar jikkonsma lil vittma sagrifikali tas-sagrifiċċji ritwali tal-qedem hekk “L-Ispirtu Santu aġixxa b’mod speċjali f’din l-awtodonazzjoni assoluta ta’ Bin il-bniedem, biex bidel t-tbatija f’imħabba feddejja” (n. 40). “L-Ispirtu Santu bħala mħabba u don jinżel, f’ċertu sens, fil-qalb stess tas-sagrifiċċju li jiġi offrut fuq is-salib. Waqt li nirreferu għat-tradizzjoni bibblika, nistgħu ngħidu: huwa jikkonsma dan is-sagrifiċċju bin-nar tal-imħabba, li tgħaqqad lill-Iben mal-Missier fil-għaqda trinitarja. U billi s-sagrifiċċju tas-salib huwa att propju ta’ Kristu, ukoll f’dan is-sagrifiċċju huwa ‘jirċievi’ l-Ispirtu Santu” (Dom. et viv., 41).

Ġustament fil-liturġija rumana, is-saċerdot qabel it-tqarbin, jitlob b’din l-espressjoni sinifikattiva: “Mulej Ġesù Kristu, Bin Alla l-ħaj, li bir-rieda tal-Missier u bl-opra tal-Ispirtu Santu waqt li mitt tajt ħajtek għad-dinja…”.

  1. L-istorja ta’ Ġesù ma tintemmx bil-mewt, imma tinfetaħ għall-ħajja glorjuża tal-Għid. “Permezz tal-qawmien mill-imwiet, Ġesù Kristu Sidna” ġie “magħmul Bin Alla bil-qawwa skont l-Ispirtu ta’ santifikazzjoni” (cfr Rm1,4).

Il-qawmien mill-imwiet huwa  t-twettiq tal-Inkarnazzjoni, u jsir ukoll hu, bħall-ġenerazzjoni tal-Iben fid-dinja, “bl-opra tal-Ispirtu Santu”. “Aħna – jiddikjara Pawlu f’Antijokja ta’ Pisidja – inħabbrulkom il-bxara t-tajba li l-wegħda magħmula lil missirijietna twettqet,  għaliex Alla wettaqha għalina, uliedu, billi qajjem mill-imwiet lil Ġesù, bħalma wkoll hemm miktub  fit-tieni salm: ‘Inti ibni, illum jien iġġenerajtek ‘” (At 13,32).

Id-don tal-Ispirtu li l-Iben jirċievi fil-milja tiegħu fl-għodwa tal-Għid jiġi minnu msawwab b’sovrabbundanza fuq il-Knisja. Lid-dixxipli tiegħu miġburin fiċ-ċenaklu Ġesù jgħid: “Irċievu l-Ispirtu Santu” (Ġw 20,22) u jikkomunikahulhom “kważi permezz tal-feriti tat-tislib tiegħu: «Urihom idejh u l-kustat»” (Dom. et viv., 24). Il-missjoni feddejja ta’ Ġesù tiġbor ruħha u titwettaq fil-komunikazzjoni tal-Ispirtu Santu lill-bnedmin, biex treġġagħhom lura għand il-Missier.

  1. Jekk il-“kapulavur” tal-Ispirtu Santu huwa l-Għid tal-Mulej Ġesù, misteru ta’ tbatija u ġlorja, permezz tad-don tal-Ispirtu huwa possibbli wkoll għad-dixxipli ta’ Kristu li jsofru bi mħabba u jagħmlu mis-salib it-triq għad-dawl: “per crucem ad lucem”. L-Ispirtu tal-Iben jirregalalna l-grazzja li jkollna l-istess sentimenti ta’ Kristu u li nħobbu bħalma ħabb hu, sal-punt li noffru l-ħajja għall-aħwa: “Huwa ta ħajtu għalina; mela wkoll aħna rridu nagħtu ħajjitna għall-aħwa” (1 Ġw3,16).

Waqt li jikkomunikalna l-Ispirtu tiegħu, Kristu jidħol f’ħajjitna, sabiex kull wieħed u waħda minna nkunu nistgħu ngħidu bħal Pawlu: “Miniex iktar jien li ngħix, huwa Kristu li jgħix fija” (Gal 2,20). Hekk il-ħajja kollha ssir Għid kontinwu, meta wkoll aħna ngħaddu ma’ Ġesù u bħal Ġesù “minn din id-dinja għal għand il-Missier” (Ġw 13,1). Infatti – jiddikjara Sant’Irinew ta’ Lyon – “dawk li rċivew u jġorru l-Ispirtu ta’ Alla jiġu mmexxija għand il-Verb, jiġifieri għand l-Iben, u l-Iben jilqagħhom u jippreżentahom lill-Missier u l-Missier jirregalalhom l-inkorruttibiltà” (Demonstr. Ap., 7).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading