Ir-Rwol tal-Ispirtu Santu fil-Magħmudija u fil-Ħajja Pubblika ta’ Ġesù


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 3 ta’ Ġunju 1998.

  1. Ir-Rwol tal-Ispirtu Santu fil-Magħmudija u fil-Ħajja Pubblika ta’ Ġesù

1. Intervent sinifikattiv ieħor tal-Ispirtu Santu fil-ħajja ta’ Ġesù, wara dak tal-Inkarnazzjoni, jitwettaq fil-Magħmudija tiegħu fix-xmara Ġordan.

Fil-Vanġelu ta’ Marku l-ġrajja hija rrakkuntata b’dan il-mod: “F’dawk il-jiem Ġesù ġie minn Nazzaret u ġie mgħammed fil-Ġordan minn Ġwanni. U waqt li uża l-ilma, ra jinfetħu s-smewwiet u l-Ispirtu Santu jinżel fuqu bħala ħamiema. U semà leħen mis-sema: ‘Int Ibni l-għażiż, fik jien tgħaxxaqt’” (Mk 1, 9-11 u parr.). Fir-rabà Vanġelu tiġi rriferuta x-xhieda mogħtija mill-Battista: “Rajt l-Ispirtu jinżel bħal ħamiema mis-sema u jistrieħ fuqu”    (Ġw 1,32).

  1. Fix-xhieda evanġelika maqbula l-ġrajja tal-Ġordan tikkostitwixxi l-bidu tal-missjoni pubblika ta’ Ġesù u tar-rivelazzjoni tiegħu bħala l-Messija, Bin Alla.

Ġwanni kien jipprietka “magħmudija ta’ konverżjoni għall-maħfra tad-dnubiet” (Lq 3,3). Fil-folla ta’ midinbin li jiġu biex jitgħammdu mingħandu jitfaċċa Ġesù. Hu jagħrfu u jxandar il- ħaruf innoċenti ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja (cfr Ġw1,29) biex imexxi lura l-umanità kollha lejn l-għaqda ma’ Alla. Il-Missier jesprimi l-għaxqa tiegħu għall-Iben għażiż li jsir qaddej ubbidjenti sal-mewt u jikkomunikalu l-qawwa tal-Ispirtu biex ikun jista’ jattwa l-missjoni ta’ Messija-Salvatur.

Bla dubju Ġesù jippossiedi l-Ispirtu sa mill-konċepiment tiegħu (cfr Mt 1,20; Lq 1,35), imma fil-Magħudija jirċievi tiswib ġdid tal-Ispirtu, dlik tal-Ispirtu Santu, bħalma jistqarr San Pietru fid-diskors f’dar Kornelju: “Alla dilek bl-Ispirtu Santu u bil-qawwa lil Ġesù ta’ Nazzaret”   (At 10,38). Dan id-dlik huwa  elevazzjoni ta’ Ġesù “f’għajnejn Iżrael bħala Messija, jiġifieri midluk bl-Ispirtu Santu”; din hija eżaltazzjoni vera ta’ Ġesù bħala Kristu u Salvatur (cfr Dom. et viv., 19).

Sakemm Ġesù għex f’Nazzaret, Marija u Ġużeppi setgħu jesperimentaw it-trobbija tiegħu fl-età, fl-għerf u fil-grazzja (cfr Lc2,40; 2,51) taħt il-gwida tal-Ispirtu Santu li kien jopera fih. Issa  iżda jinawguraw irwieħhom iż-żminijiet messjaniċi: tibda fażi ġdida fl-eżistenza storika ta’ Ġesù. Il-magħmudija fil-Ġordan hija bħala “l-preludju” ta’ dak li kellu jseħħ wara. Ġesù jibda joqrob lejn il-midinbin biex jirrivelalhom  il-wiċċ ħanin tal-Missier. L-immersjoni fix-xmara Ġordan  hi sinjal u tantiċipa l-“magħmudija” fl-ilmijiet tal-mewt, waqt li l-leħen tal-Missier li jipproklamah bħala Ibnu l-għażiż iħabbar bil-quddiem il-glorja tal-qawmien mill-imwiet.

  1. Wara l-magħmudija fil-Ġordan Ġesù jibda jeżerċita l-missjoni tripla tiegħu: missjoni rjali, li timpenjah fil-ġlieda kontra l-ispirtu tal-ħażen, missjoni profetika, li tirrendih predikatur instankabbli tal-bxara t-tajba, u missjoni saċerdotali, li timbuttah għat-tifħir u għall-offerta tiegħu nnifsu lill-Missier għall-fidwa tagħna.

It-tliet sinottiċi kollha jenfasizzaw kif, eżatt wara l-magħmudija, Ġesù jiġi “meħud” mill-Ispirtu Santu fid-deżert “biex ikun ittentat minn Satana” (Mt 4,1; cfr Lq 4,1; Mk 1,12). Il-proposta ta’ Satana hija dik ta’ messjaniżmu trijonfali, magħmula minn għeġubijiet spettakolari, bħall-bdil tal-ġebel f’ħobż, it-tfigħ minn fuq il-quċċata tat-tempju bla ma jiġrilu xejn, il-konkwista f’tebqa t’għajn tad-dominju politiku tan-nazzjonijiet kollha. Imma l-għażla ta’ Ġesù bi qbil sħiħ mar-rieda tal-Missier, hija ċara u inekwivokabbli: huwa jaċċetta li jkun il-Messija sofferenti u mislub, li joffri ħajtu għall-fidwa tad-dinja.

Mibdija fid-deżert, il-ġlieda ma’ Satana tibqa’ għaddejja tul ħajjet Ġesù kollha. Attività tipika tiegħu hija propju dik tal-eżorċista, li għaliha l-folla twieġeb b’għajjat ta’ ammirazzjoni: “Jordna saħansitra lill-ispirti maħmuġin u dawn jobduh” (Mk 1,27). Min jażżarda  jiddikjara li tali qawwa tiġi lil Ġesù mill-istess Satana, jidgħi kontra l-Ispirtu Santu (Mk 3,22-30): huwa infatti propju “bl-Ispirtu ta’ Alla” li Ġesù jkeċċi x-xjaten (Mt 12,28). Bħalma jiddikjara San Bażilju ta’ Ċesarea, b’Ġesù “ix-xitan tilef fil-qawwa tiegħu fil-preżenza tal-Ispirtu Santu” (De Spir. S. 19).

  1. Skont l-evanġelista Luqa, wara t-tentazzjoni fid-deżert “Ġesù reġa’ lura fil-Galilea bil-qawwa tal-Ispirtu Santu (…) u kien jgħallem fis-Sinagogi tagħhom” (Lq4,14-15). Il-preżenza qawwija tal-Ispirtu Santu tinħass ukoll fl-attività evanġelizzatriċi ta’ Ġesù. Huwa stess jenfasizzah fid-diskors inawgurali fis-sinagoga ta’ Nazzaret (Lq4,16-30), waqt li japplika għalih il-pass ta’ Iżaija: “L-Ispirtu tal-Mulej huwa fuqi” ( 61,1). F’ċertu sens wieħed jista’ jgħid li Ġesù huwa l-“missjunarju tal-Ispirtu”, mibgħut kif inhu mill-Missier biex iħabbar bil-qawwa tal-Ispirtu Santu l-vanġelu tal-ħniena.

Animata mill-qawwa tal-Ispirtu, il-kelma ta’ Ġesù tesprimi verament il-misteru tiegħu ta’ Verb magħmul ġisem  (Ġw 1,14). Għalhekk hija l-kelma ta’ wieħed li għandu “awtorità”, b’differenza mill-iskribi (Mk 1,22). Din hija “duttrina ġdida”, bħalma jagħrfu mistagħġba s-semmiegħa tal-ewwel diskors tiegħu ġewwa Kafarnaw (Mk 1,27). Din hija kelma li twettaq u tegħleb l-liġi możajka, bħalma joħroġ fid-diskors tal-muntanja (Mt 5-7). Din hija kelma li tikkomunika l-maħfra divina lill-midinbin, toffri fejqan u fidwa lill-morda, saħansitra tqajjem lill-mejtin. Din hija l-kelma ta’ dak “li Alla bagħat”, u huwa hekk mgħammar mill-Ispirtu, li jista’ jikkomunikah “mingħajr qies” (Ġw 3,34).

  1. Il-preżenza tal-Ispirtu Santu tispika b’mod speċjali fit-talb ta’ Ġesù.

L-evanġelista Luqa jirreferi li fil-waqt tal-magħmudija fil-Ġordan “waqt li Ġesù kien qiegħed jitlob (…), is-sema jinfetaħ u jinżel fuqu l-Ispirtu Santu” (Lq 3,21-22). Dan il-kollegament bejn it-talb ta’ Ġesù u l-preżenza tal-Ispirtu tirritorna b’mod espliċitu fl-innu  ta’ tifħir:  “Ġesù feraħ fl-Ispirtu Santu u qal: Jiena niżżik ħajr, Missier, Mulej tas-sema u tal-art…” (Lq 10,21).

L-Ispirtu b’dan il-mod jakkumpanja l-esperjenza l-iktar intima ta’ Ġesù, dik tal-filjolanza divina, li timbuttah biex idur lejn Alla l-Missier waqt li jsejjaħlu “Abbà” (Mk 14,36) b’kunfidenza singolari, li mhi ddikjarata  inċidentalment lil ebda Lhudi ieħor  fl-indirizzar tal-Iktar Għoli. Propju permezz tad-don tal-Ispirtu Ġesù jwassal biex jieħdu sehem lil dawk li jemmnu fl-għaqda filjali tiegħu u fl-intimità tiegħu mal-Missier. Bħalma jassikurana San Pawl, l-Ispirtu Santu jwassalna biex ngħajtu lil Alla: “Abbà, Missier”  (Rm 8,15; cfr Gal 4,6).

Din il-ħajja filjali hija d-don il-kbir li nirċievu fil-Magħmudija. Jeħtieġ li nerġgħu niskopruha mill-ġdid u li dejjem nikkultivawha mill-ġdid, waqt li nirrendu rwieħna doċli għall-opra li jwettaq fina l-Isprtu Santu.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb